Tqegħid tal-Pedamenti

Il‑ħarsa kollha mħabba ta’ Ġesù li kontinwament iġġeddidna u tistedinna niddixxernu l‑preżenza tal‑Ispirtu tiegħu

Nipproponu li jiġi ddedikat ħin, riżorsi u taħriġ sabiex, bil‑qawwa tal‑Ispirtu s‑Santu, nidħlu iktar fil‑fond tal‑ħajja tagħna tat‑talb u nrawmu attitudni kontemplattiva. Niftħu qalbna għall‑preżenza ta’ Kristu u nħalluh iġeddidna, sabiex inkunu ħaġa waħda mal‑imħabba tal‑Missier. Il‑laqgħa tagħna ma’ Kristu tittrasformana f’poplu li jiddixxerni: poplu li l‑ħsibijiet u l‑għemejjel tiegħu jaqblu ma’ dawk ta’ Ġesù Kristu (Fil 2:5) sabiex il‑ħajja personali, professjonali u ekkleżjali tagħna tagħti xhieda tal‑ferħ tal‑Evanġelju.

Matul l‑erba’ snin ta’ dan il‑proċess, l‑approċċi pastorali tagħna jridu jkunu orjentati lejn din il‑grazzja fundamentali tal‑laqgħa ma’ Kristu:

Biex insiru Knisja waħda permezz tal‑laqgħa ma’ Kristu, irridu nagħtu prijorità lit‑talb bil‑Kelma ta’ Alla aħna u nikkontemplaw il‑wiċċ ta’ Ġesù ta’ Nazaret u l‑ħarsa tiegħu kollha mħabba fuqna. Dan jgħinna nagħrfuh kull meta jiġi jiltaqa’ magħna u hekk insiru persuni li jħarsu lejn l‑oħrajn bl‑istess ħarsa ta’ mħabba. Għalhekk, bħal “kull kittieb li jkun sar dixxiplu tas‑Saltna tas‑Smewwiet … li, mill‑ħażna tiegħu, joħroġ sew il‑ġdid u sew il‑qadim” (Mt 13:52), aħna nsaħħu l‑prattiċi pożittivi, bħalma huma l‑Eżerċizzi tar‑Randan u l‑irtiri, filwaqt li nkunu miftuħa għal inizjattivi ġodda żviluppati minn gruppi u movimenti lajkali, kemm fuq livell parrokkjali kif ukoll fuq livell djoċesan.

Biex insaħħu l-esperjenza ta’ talb personali u komunitarju: il-Bibbja bil‑Malti trid tkun aċċessibbli online, bħala app, u fil‑verżjoni stampata.

Isir tisħiħ pastorali Bibliku sabiex l-entitajiet tal-Knisja jintegraw il- Kelma fil-ħidma pastorali tagħhom; ikun hemm iktar riżorsi bibliċi diġitali disponibbli; u b’mod partikolari l‑eseġeżi tas‑silta ta’ Għemmaws tkun aċċessibbli f’formats differenti.
KOLLABORAZZJONI SUĠĠERITA: l‑Arċidjoċesi ta’ Malta; il‑Vigarjat għall‑Evanġelizzazzjoni; l‑Għaqda Biblika Maltija.

Liturġija: L‑aqwa laqgħa ta’ Kristu Rxoxt mal‑Poplu tiegħu sseħħ fil‑Liturġija. L‑Isqfijiet, flimkien ma’ esperti fil‑qasam, għandhom jibdew proċess ta’ tisħiħ tal‑isforzi li qegħdin isiru biex jiġu tradotti u ppubblikati t‑testi liturġiċi.
KOLLABORAZZJONI SUĠĠERITA: l‑Isqfijiet; il‑Kummissjoni Liturġika Interdjoċesana; il‑Kulleġġ tal‑Kappillani.

Adorazzjoni: nitolbu f’adorazzjoni sabiex inħallu lil Kristu jdaħħalna f’rabta iktar intima mal‑Missier, li kollox jibda minnu u fih jintemm (Gaudete et Exsultate, 155). Għal dan il‑għan, hi meħtieġa l‑formazzjoni ta’ dawk li janimaw laqgħat ta’ adorazzjoni (animaturi liturġiċi/kummissjonijiet liturġiċi fil‑parroċċi; saċerdoti).
KOLLABORAZZJONI SUĠĠERITA: il‑Forum tal‑Għaqdiet u l‑Movimenti Kattoliċi tal‑Lajċi; il‑Kunsill Superjuri Maġġuri tar‑Reliġjużi (KSMR) bil‑kariżmi rispettivi tagħhom.

Talb iktar profond: Irtiri fi żmien l‑Avvent u r‑Randan għall‑impjegati li jaħdmu f’istituzzjonijiet tal‑Knisja.
KOLLABORAZZJONI SUĠĠERITA: il‑Kunsill Superjuri Maġġuri tar‑Reliġjużi (KSMR); il‑Forum tal‑Għaqdiet u l‑Movimenti Kattoliċi tal‑Lajċi.

Isir taħriġ għas‑saċerdoti, membri tal‑ordnijiet reliġjużi u lajċi fid‑dixxerniment u direzzjoni
spiritwali
b’enfasi fuq tliet aspetti:
• għażliet personali u professjonali;
• akkumpanjament tal‑persuni skont is‑sitwazzjoni partikolari tagħhom;
• dixxerniment komunitarju fl‑istrutturi tal‑Knisja.
KOLLABORAZZJONI SUĠĠERITA: l‑Isqfijiet f’kollaborazzjoni ma’ dawk involuti f’dan il‑qasam: eż. il‑Ġiżwiti u ċ‑Ċentru ta’ Spiritwalità Injazjana (ĊIS); il‑Vigarjat għall‑Kleru u l‑Parroċċi; il‑Kulleġġ tal‑Kappillani.

Isir tiġdid tal‑istrutturi tal‑Knisja biex is‑sinodalità u d‑dixxerniment ikunu
ċentrali fil‑ħidma tagħna:
• Kif ser nifhmu bl‑aħjar mod ir‑rwol ta’ “kunsill konsultattiv”?
• X’inhu mitlub minn mexxejja ta’ gruppi u kummissjonijiet fil‑parroċċa?
• Kif l‑istrutturi ekkleżjali qed jirriflettu dak li l‑Knisja msejħa li tkun?
• Kif qed jiffaċilitaw il‑ħidma tal‑komunità kollha skont is‑sejħa u l‑missjoni tagħha?
KOLLABORAZZJONI SUĠĠERITA: l‑Isqfijiet f’kollaborazzjoni ma’ dawk involuti.

Nidentifikaw dak li mhux iħalli frott fil‑ħidma tagħna sabiex inwarrbuh u niġġeddu kif ukoll jingħata taħriġ fil‑kreattività għall‑missjoni sabiex ma nibqgħux nibżgħu nieħdu riskji u nirbħu l‑pessimiżmu u l‑prudenza falza.
KOLLABORAZZJONI SUĠĠERITA: kull entità tal‑Knisja.

L‑implimentazzjoni fuq livell lokali tal‑viżjoni tal‑Knisja kif imfissra fil‑Maġisteru, b’attenzjoni partikolari għall‑Konċilju l‑Vatikan II, Evangelii gaudium, id‑dokumenti tas‑Sinodu Djoċesan ta’ Malta 1999–2003 u dan l‑istess proċess ta’ Knisja Waħda, Vjaġġ Wieħed.

Iż‑Żjara Pastorali tal‑Papa Franġisku ġġedded id‑determinazzjoni tal‑Knisja f’Malta biex tkun l‑Poplu ta’ Alla li jisma’, jilqa’, jakkumpanja u joħroġ b’mod speċjali lejn dawk li huma l‑aktar vulnerabbli jew imwarrba.
KOLLABORAZZJONI SUĠĠERITA: l‑Isqfijiet f’kollaborazzjoni ta’ dawk kollha involuti.