Tqegħid tal-Pedamenti

Il‑ħarsa kollha mħabba ta’ Ġesù li kontinwament iġġeddidna u tistedinna niddixxernu l‑preżenza tal‑Ispirtu tiegħu

Nipproponu li jiġi ddedikat ħin, riżorsi u taħriġ sabiex, bil‑qawwa tal‑Ispirtu s‑Santu, nidħlu iktar fil‑fond tal‑ħajja tagħna tat‑talb u nrawmu attitudni kontemplattiva. Niftħu qalbna għall‑preżenza ta’ Kristu u nħalluh iġeddidna, sabiex inkunu ħaġa waħda mal‑imħabba tal‑Missier. Il‑laqgħa tagħna ma’ Kristu tittrasformana f’poplu li jiddixxerni: poplu li l‑ħsibijiet u l‑għemejjel tiegħu jaqblu ma’ dawk ta’ Ġesù Kristu (Fil 2:5) sabiex il‑ħajja personali, professjonali u ekkleżjali tagħna tagħti xhieda tal‑ferħ tal‑Evanġelju.

Matul l‑erba’ snin ta’ dan il‑proċess, l‑approċċi pastorali tagħna jridu jkunu orjentati lejn din il‑grazzja fundamentali tal‑laqgħa ma’ Kristu.

Biex insiru Knisja waħda permezz tal‑laqgħa ma’ Kristu, irridu nagħtu prijorità lit‑talb bil‑Kelma ta’ Alla aħna u nikkontemplaw il‑wiċċ ta’ Ġesù ta’ Nazaret u l‑ħarsa tiegħu kollha mħabba fuqna. Dan jgħinna nagħrfuh kull meta jiġi jiltaqa’ magħna u hekk insiru persuni li jħarsu lejn l‑oħrajn bl‑istess ħarsa ta’ mħabba. Għalhekk, bħal “kull kittieb li jkun sar dixxiplu tas‑Saltna tas‑Smewwiet … li, mill‑ħażna tiegħu, joħroġ sew il‑ġdid u sew il‑qadim” (Mt 13:52), aħna nsaħħu l‑prattiċi pożittivi, bħalma huma l‑Eżerċizzi tar‑Randan u l‑irtiri, filwaqt li nkunu miftuħa għal inizjattivi ġodda żviluppati minn gruppi u movimenti lajkali, kemm fuq livell parrokkjali kif ukoll fuq livell djoċesan.

  • Il‑Bibbja bil‑Malti aċċessibbli online, bħala app, u fil‑verżjoni stampata.

PERSUNI: Arċidjoċesi ta’ Malta; Vigarjat għall‑Evanġelizzazjoni; Għaqda Biblika Maltija

  • Il‑formazzjoni tal‑Poplu ta’ Alla permezz ta’ metodi differenti ta’ talb bl‑Iskrittura bil‑għan li kull persuna twieġeb għas‑sejħa ta’ Alla għal
    • konverżjoni,
    • konformazzjoni ma’ Kristu (“Aħsbu bħalma kien jaħseb Kristu Ġesù” [Fil 2:5),
    • ħeġġa missjunarja: naraw id‑dinja mill‑għajnejn ta’ Kristu

PERSUNI: Dipartiment tal‑Iskrittura Mqaddsa (Fakultà tat‑Teoloġija); il‑kontribut tal‑Gruppi u l‑Movimenti; Kongregazzjonijiet Reliġjużi; Ċentru ta’ Spiritwalità Injazjana (ĊIS).

  • Adorazzjoni: aħna nitolbu f’adorazzjoni sabiex inħallu lil Kristu jdaħħalna f’rabta iktar intima mal‑Missier, li kollox jibda minnu u fih jintemm (Gaudete et Exsultate155). Għal dan il‑għan, hi meħtieġa l‑formazzjoni ta’ dawk li janimaw laqgħat ta’ adorazzjoni (Animaturi liturġiċi/Kummissjoni Liturġika; saċerdoti).

PERSUNI: Gruppi u Movimenti; Reliġjużi bil‑kariżmi rispettivi tagħhom.

  • Liturġija: l‑aqwa laqgħa ta’ Kristu Rxoxt mal‑Poplu tiegħu sseħħ fil‑Liturġija. L‑Isqfijiet, flimkien ma’ esperti fil‑qasam, għandhom jibdew proċess ta’ tisħiħ tal‑isforzi li qegħdin isiru biex jiġu tradotti u ppubblikati t‑testi liturġiċi.

PERSUNI: L‑Isqfijiet; Kummissjoni Liturġika Interdjoċesana, Kulleġġ tal‑Kappillani.

  • Reliġjożità Popolari: għandu jitwaqqaf grupp ad hoc bil‑għan li jirrestawra t‑tifsira profonda tar‑reliġjożità popolari f’Malta sabiex anke permezz ta’ dawn l‑espressjonijiet popolari tkun tista’ sseħħ il‑laqgħa ma’ Kristu u nsaħħu l‑għeruq tal‑poplu tagħna fil‑Kelma.

PERSUNI: Pastorali Biblika u Liturġika; Vigarjat għall‑Kleru u l‑Parroċċi

  • Taħriġ għas‑saċerdoti, membri tal‑ordnijiet reliġjużi u l‑lajċi (b’mod speċjali operaturi pastorali) b’enfasi fuq tliet aspetti: għażliet personali u professjonali; akkumpanjament tal‑persuni skont is‑sitwazzjoni partikolari tagħhom; dixxerniment komunitarju fl‑istrutturi tal‑Knisja.
  • Tiġdid tal‑istrutturi tal‑Knisja biex is‑sinodalità u d‑dixxerniment ikunu ċentrali fil‑ħidma tagħna: Kif ser nifhmu bl‑aħjar mod ir‑rwol ta’ “kunsill konsultattiv”? X’inhu mitlub minn mexxejja ta’ gruppi u kummissjonijiet fil‑parroċċa? Kif l‑istrutturi ekkleżjali qed jirriflettu dak li l‑Knisja msejħa li tkun? Kif qed jiffaċilitaw il‑ħidma tal‑komunità kollha skont is‑sejħa u l‑missjoni tagħha?

PERSUNI: L‑Isqfijiet f’kollaborazzjoni ma’ dawk involuti f’dan il‑qasam: eż. il‑Ġiżwiti u ċ‑Ċentru ta’ Spiritwalità Injazjana (ĊIS); Vigarjat għall‑Kleru u l‑Parroċċi.

  • L‑implimentazzjoni fuq livell lokali tal‑viżjoni tal‑Knisja kif imfissra fil‑Maġisteru, b’attenzjoni partikolari għal Evangelii gaudium u d‑dokumenti tas‑Sinodu Djoċesan ta’ Malta 1999–2003.
  • Iż‑Żjara Pastorali tal‑Papa Franġisku ġġedded id‑determinazzjoni tal‑Knisja f’Malta biex tkun l‑Poplu ta’ Alla li jisma’, jilqa’, jakkumpanja u joħroġ b’mod speċjali lejn dawk li huma l‑aktar vulnerabbli jew imwarrba.

PERSUNI: L‑Isqfijiet bil‑kollaborazzjoni ta’ dawk kollha involuti.