Stedina għall‑vjaġġ sinodali għas‑snin 2020–2024

Knisja Waħda, Vjaġġ Wieħed huwa proposta għal proċess organiku ta’ persuni, komunitajiet u ħbieb‑fil‑Mulej li jaħdmu flimkien. Dan il‑proċess jeħtieġ li jkun “vjaġġ” sinodali—bħalma kien is‑Sinodu tad‑Djoċesi ta’ Malta 19992003—li mhux biss ikun mifrux fuq medda ta’ spazju u snin, imma li bil‑mod il‑mod ilaqqagħna wkoll mar‑realtà kumplessa li fiha ngħixu u jdaħħalna iktar fil‑fond tal‑isfida li nkunu poplu “pellegrin”. Għalhekk, kull taqsima fiha l‑istess numru ta’ punti ta’ ftuħ għar‑riflessjoni: mill‑ewwel punt ċar daqs il‑kristall, sat‑tmien taqsima bi tmien modi ta’ kif insiru tassew Knisja li tiddixxerni; Knisja li, bħal orkestra, teżegwixxi biċċa mużika b’ħafna strumenti differenti f’armonija bejniethom għax taħt id‑direzzjoni tal‑istess Spirtu Qaddis ta’ Alla.

L‑Ispirtu s‑Santu huwa dik il‑qawwa moħbija f’qalbna li tgħaqqadna flimkien u tagħmlilna kuraġġ biex nibqgħu mixjin fl‑isfidi kollha, anke jekk fid‑dlam, sabiex infejqu u nqawwu lil xulxin u lil dawk fdati f’idejna f’din l‑art tagħna. L‑Ispirtu jdawwal kull pass tagħna f’din it‑triq; hu nar dejjem iħeġġeġ; permezz tiegħu “nilbsu lil Kristu” u nsiru xhieda ħajja tiegħu, filwaqt li nħarsu bil‑ħlewwa bħalma għamel l‑Imgħallem tagħna ma’ dawk kollha li ltaqa’ magħhom.

Għalhekk, imnebbħin mil‑laqgħa ta’ Kristu mad‑dixxipli tiegħu fi triqthom lejn Għemmaws, u filwaqt li niftakru fit‑twelid tal‑Knisja Maltija permezz ta’ dik il‑wirja ta’ “ħniena liema bħalha” (Atti 28:2), aħna ser inkomplu nixorbu mill‑għejun tad‑doni tal‑Ispirtu s‑Santu sabiex niġġeddu bħala l‑Poplu Qaddis ta’ Alla f’din il‑gżira.

Kull waħda mill‑komunitajiet lokali tagħna ser tkompli l‑vjaġġ ta’ dixxerniment flimkien biex tisma’, tilqa’, takkumpanja u toħroġ b’modi konkreti fl‑“isptar fuq il‑kamp tal‑battalja” lokali fejn Kristu, permezz tal‑Knisja, “il‑ġisem u l‑għarusa tiegħu,” jixtieq jiltaqa’ mal‑irġiel, in‑nisa u t‑tfal kollha li qegħdin ibatu.

Waqt li tistudja t‑tmien taqsimiet tal‑proċess ippreżentati fl‑Assemblea Djoċesana tal‑2019, fl‑erba’ snin li ġejjin:

  • kull dar u komunità żgħira miġbura f’isem Kristu,
  • kull moviment lajkali,
  • kull kongregazzjoni reliġjuża,
  • kull istituzzjoni tal‑Knisja li taqdi s‑soċjetà—b’mod speċjali l‑ħafna skejjel tal‑Knisja u l‑istituzzjonijiet tad‑djakonija—u
  • kull parroċċa,

trid tfittex li, b’fedeltà akbar, tkun f’sintonija mad‑doni partikolari u l‑kariżma tal‑Ispirtu s‑Santu fiha, u tiddixxerni s‑sejħa li tagħmel ħwejjeġ ikbar f’isem Kristu:

  • billi tisma’ l‑Kelma tiegħu u tikber fil‑kontemplazzjoni ta’ Alla kif espressi fit‑talb u l‑qima flimkien; minn din l‑għajn tal‑Ħajja, aħna nistgħu niftħu qalbna biex tassew nisimgħu lil xulxin u naqraw is‑sinjali taż‑żminijiet;
  • billi nilqgħu lill‑barrani fostna, u għaldaqstant infittxu ġesti konkreti ta’ fejqan u rikonċiljazzjoni b’mod speċjali fil‑qadi ta’ dawk li huma l‑iktar vulnerabbli;
  • billi nakkumpanjaw lil xulxin sabiex inpoġġu fil‑prattika riformi konkreti fil‑proċess Nisrani ta’ formazzjoni u integrazzjoni personali u komunitarja tul ħajjitna kollha;
  • billi nintbagħtu u għalhekk  niddixxernu modi konkreti ta’ kif qed niġu msejħa nevanġelizzaw u nagħtu xhieda għall‑ħniena ta’ Alla li ssalva b’għemejjel konkreti ta’ qadi.

Fil‑kuntest tax‑xhieda tagħna bħala Knisja, nagħrfu l‑valur ta’ ġesti qawwija li jkunu sinjali profetiċi ta’ verità, ġustizzja, fejqan u rikonċiljazzjoni. Dawn l‑għemejjel mhux biss iċaqalqu, imma wkoll jikxfu l‑istrutturi tad‑dnub, jisfidaw għal riflessjoni iktar profonda u jipproponu dak id‑dixxerniment meħtieġ biex insibu triq ’il quddiem li taqbel iktar mal‑Aħbar it‑Tajba.

Bħala dixxipli ta’ Kristu, jeħtieġ li nimitaw lill‑Imgħallem tagħna li

  • għażel li jsalvana permezz tal‑ubbidjenza tiegħu: għalhekk irridu nagħżlu r‑rieda ta’ Alla u l‑glorja tiegħu u naħarbu t‑tentazzjoni li nfittxu l‑glorja tagħna, naqdu l‑interessi tagħna, jew niżirgħu l‑pika u l‑firda minħabba l‑ebusija ta’ qalbna;
  • għażel li jsalvana billi ftaqar: għalhekk l‑importanza ta’ eleganza dinjituża, ta’ sens ta’ qies f’dinja konsumerista, ta’ sbuħija li tiġbed bis‑sempliċità tagħha u mingħajr ftaħir;
  • għażel li jsalvana permezz tal‑ħbiberija: għalhekk l‑importanza ċentrali tar‑relazzjonijiet, ikkaratterizzati minn imħabba diżinteressata, skont l‑istat ta’ kull wieħed u waħda minna;
  • għażel li jsalvana billi għex fid‑dinja, billi mess il‑ġrieħi tagħha u ħa fuqu ‘r‑riħa tan‑nagħaġ tiegħu’: għalhekk is‑sejħa li nkunu ħaġa waħda mar‑realtajiet kumplessi tad‑dinja u hemmhekk insiru dawl, melħ u ħmira—sinjali ta’ tama vera għal gżiritna.