Inwasslu l‑ħarsa tiegħu fuq id‑dinja
Riflessjoni dwar il‑kuntest kulturali ġdid ta’ Malta llum, u dwar l‑isfidi li qed naffaċċjaw biex ninkulturaw mill‑ġdid l‑Evanġelju f’pajjiżna. Proċess ta’ dixxerniment għal azzjonijiet konkreti ta’ tħabbir tal‑Evanġelju fil‑parroċċi, fl‑iskejjel, u fl‑ambjenti soċjali u kulturali kollha f’pajjiżna permezz tal‑arti u tradizzjonijiet lokali.
B’mod speċjali, grupp żgħir għandu joħroġ bi proposti għal preżenza diġitali Nisranija relevanti u jaħseb dwar viżjoni li tiggwida lil kull Nisrani biex ikun xhud awtentiku f’din ir‑realtà ġdida. Il‑grupp jaħdem ukoll dwar gwida għall‑istrutturi tal‑Knisja.
KOLLABORAZZJONI SUĠĠERITA: il‑Vigarjat għall‑Evanġelizzazzjoni, speċjalment fl‑oqsma ta’ ħidma ta’ formazzjoni fil‑parroċċi u l‑iskejjel; il‑Kulleġġ tal‑Kappillani; l‑Uffiċċju Komunikazzjoni; it‑Technology Development Unit tal‑Arċidjoċesi ta’ Malta; Beacon Media u entitatjiet oħra skont il‑ħidma identifikata.
Għandu jitwaqqaf grupp ad hoc bil‑għan li jirrestawra t‑tifsira profonda tar‑reliġjożità popolari f’Malta sabiex anke permezz ta’ dawn l‑espressjonijiet popolari tkun tista’ tiġġedded il-memorja tal-fidi ta’ missirijietna u nsaħħu l‑għeruq tal‑poplu tagħna fil‑laqgħa oriġinali tagħhom ma’ Kristu.
KOLLABORAZZJONI SUĠĠERITA: il‑Vigarjat għall‑Evanġelizzazzjoni; il‑Vigarjat għall‑Kleru u l‑Parroċċi.
Flimkien mas‑soċjetà ċivili, il‑Knisja għandha tidentifika fejn id‑dinjità tal‑bniedem qed tiġi mhedda u toħloq inizjattivi ġodda li jindirizzaw l‑għeruq tal‑faqar (attitudnijiet, taħriġ u deċiżjonijiet). Il‑Knisja għandha tiffoka fuq inizjattivi għal dawk li huma l‑iktar fil‑bżonn flok fuq ħidmiet li l‑Gvern u s‑settur privat diġà qegħdin iwettqu.
KOLLABORAZZJONI SUĠĠERITA: il‑Vigarjat għad‑Djakonija; il‑Kunsill Presbiterali; il‑Kunsill Pastorali Djoċesan; il‑Kulleġġ tal‑Kappillani; il‑Caritas; il‑Kummissjoni Ġustizzja u Paċi.
Nirriflettu fuq kif il‑Knisja tagħmel tagħha l‑istess tamiet u l‑istess preokkupazzjonijiet tal‑bqija tal‑popolazzjoni ta’ Malta. Ninterpretaw dak li qed jiġri bħalissa f’Malta fid‑dawl tal‑Evanġelju u nipproponu toroq permezz tad‑djalogu li jwasslu lill‑Insara u lil dawk ta’ rieda tajba biex jissaħħu fit‑teħid ta’ deċiżjonijiet etiċi u fil‑formazzjoni politika li tħares l‑onestà, l‑integrità, il‑ġustizzja u l‑governanza tajba.
KOLLABORAZZJONI SUĠĠERITA: il‑Kummissjoni Ġustizzja u Paċi; il‑Kummissjoni Ambjent.
Il‑Kummissjoni Ambjent għandha tibda djalogu mal‑parroċċi, gruppi u movimenti biex tħeġġeġ deċiżjonijiet favur ekoloġija integrali u l‑parteċipazzjoni f’inizjattivi favur l‑ambjent. Minbarra dan għandu jsir proċess ta’ riflessjoni dwar użu aħjar tal‑proprjetà tal‑entitajiet tal‑Knisja u jiġi determinat liema proprjetà tista’ tintuża għal proġetti biex jgħinu persuni fil‑bżonn.
KOLLABORAZZJONI SUĠĠERITA: il‑Kummissjoni Ambjent; il‑Forum tal‑Għaqdiet u l‑Movimenti Kattoliċi tal‑Lajċi; il‑Kulleġġ tal‑Kappillani; il‑Vigarjat għad‑Djakonija.
Jingħata bidu għal proġett b’rabta mal‑inizjattiva The Economy of Francesco sabiex l‑ekonomija tkun tassew għas‑servizz tal‑umanità u l‑ħarsien tal‑ambjent.
KOLLABORAZZJONI SUĠĠERITA: il‑Kummissjoni Ġustizzja u Paċi.