Ħarsa li toħroġ is‑sbuħija fl‑oħrajn
Nimpenjaw ruħna li npoġġu l‑Kelma ta’ Alla fiċ‑ċentru tal‑għixien tagħna ta’ kuljum u tal‑attitudni pastorali tagħna. Impenn partikolari għaIl‑formazzjoni tal‑Poplu ta’Alla permezz ta’ metodi differenti ta’ talb bl‑Iskrittura bil‑għan li kull persuna twieġeb għas‑sejħa ta’ Alla
għal:
• konverżjoni,
• konformazzjoni ma’ Kristu (“Aħsbu bħalma kien jaħseb Kristu Ġesù” (Fil 2:5),
• ħeġġa missjunarja: naraw id‑dinja mill‑għajnejn ta’ Kristu.
KOLLABORAZZJONI SUĠĠERITA:id-Dipartiment tal-Iskrittura Mqaddsa (il-Fakultà tat-Teoloġija); il-Forum tal-Għaqdiet u l-Movimenti Kattoliċi tal-Lajċi; il-Kunsill Superjuri Maġġuri tar-Reliġjużi (KSMR); iċ-Ċentru ta’ Spiritwalità Injazjana (ĊIS); l-Għaqda Biblika Maltija.
Inrawmu sens ta’ fiduċja sabiex nikbru bħala dixxipli missjunarji u jsir smigħ attiv, b’mod speċjali mill‑Isqfijiet, li jiffaċilita l‑komunikazzjoni u l‑għaqda b’mod partikolari mat‑tfal u ż‑żgħażagħ.
KOLLABORAZZJONI SUĠĠERITA: l‑Isqfijiet; il‑Kummissjoni Djoċesana Tfal; il‑Malta Catholic Youth Network (MCYN).
Nisimgħu lil xulxin sabiex nikbru fil‑missjoni waħda tagħna bħala Knisja f’Malta. Il‑ħolqien ta’ pjattaforma ta’ smigħ reċiproku fejn rappreżentanti tal‑Poplu ta’ Alla (ara pass 5) jidentifikaw flimkien:
• l‑opportunitajiet u l‑isfidi fl‑oqsma differenti tal‑missjoni tal‑Knisja Maltija;
• il‑kwalitajiet u l‑kariżmi li aħna msejħin naqsmu ma’ xulxin;
• modi ġodda ta’ kif inwieġbu għal dawn l‑isfidi u l‑opportunitajiet.
KOLLABORAZZJONI SUĠĠERITA: il‑Vigarju Ġenerali flimkien ma’ rappreżentanti tal‑Kummissjonijiet kollha.
Attitudni kontemplattiva li twassal għall‑qari tas‑sinjali taż‑żminijiet fil‑ħajja ta’ kuljum u fis‑soċjetà kif ukoll attitudni ta’ smigħ bla waqfien tar‑realtà sabiex nidentifikaw kif u fejn qed nissejħu nkunu dawl, melħ u ħmira fis‑soċjetà Maltija.
KOLLABORAZZJONI SUĠĠERITA: l‑Isqfijiet; id‑DISCERN; il‑Kummissjoni Ġustizzja u Paċi; il‑Vigarjat għad‑Djakonija.
It‑twaqqif ta’ Osservatorju tal‑Faqar b’kollaborazzjoni ma’ entitajiet oħra li jaħdmu fil‑qasam soċjali fis‑soċjetà ċivili.
KOLLABORAZZJONI SUĠĠERITA: il‑Vigarjat għad‑Djakonija b’kollaborazzjoni mad‑DISCERN.