Ħarsa li tfittex … li tikkomunika l‑ħniena
L‑Arti tad‑Djalogu: infittxu li nidħlu fi djalogu sinċier bħala knisja waħda ma’ xulxin biex intejbu s‑servizz li noffru bħala parti mill‑missjoni li l‑Mulej fdalna. Nipprattikaw l-arti tad-djalogu u rispett reċiproku ma’ dawk kollha fis-soċjetà ta’ fehmiet differenti.
KOLLABORAZZJONI SUĠĠERITA: l-Isqfijiet f’kollaborazzjoni ma’ kull entità tal‑Knisja, inkluż għaqdiet u movimenti sekulari, kif ukoll dawk li jħaddnu twemmin differenti.
Imsaħħin bil‑qawwa ta’ Kristu Rxoxt, ma nibżgħux mill‑ġrieħi u nitolbu għall‑maħfra u l‑fejqan. Barra minn hekk nitgħallmu dwar l‑istorja tagħna sabiex inkunu nistgħu naffrontaw l‑iskandli tal‑firda u l‑abbuż. Permezz tad‑djalogu, fuq livelli differenti, infittxu l‑verità u l‑ġustizzja li jwasslu għar‑rikonċiljazzjoni. Nidentifikaw ukoll kappelli li jistgħu jservu għar‑rikonċiljazzjoni u fihom ikun hemm persuni kompetenti li jagħtu dan is‑servizz.
KOLLABORAZZJONI SUĠĠERITA: titwaqqaf kummissjoni apposta, possibbilment b’kollaborazzjoni mas‑Safeguarding Commission; il‑Kummissjoni Ġustizzja u Paċi; il‑Vigarjat għall‑Evanġelizzazzjoni; il‑Vigarjat għall‑Kleru u l‑Parroċċi; is‑Segretarjat għal‑Lajċi.
Safeguarding: il‑pubblikazzjoni u l‑implimentazzjoni ta’ politika ġdida ta’ safeguarding biex il‑Knisja tkun post iktar sigur għat‑tfal u l‑adulti vulnerabbli.
KOLLABORAZZJONI SUĠĠERITA: is‑Safeguarding Commission.
Nidentifikaw dawk l‑attitudnijiet u l‑inizjattivi meħtieġa sabiex kull persuna tkun tista’ tikber fil‑fidi u tagħti kontribut fil‑Knisja.
Faqar: ikkonfrontati bir‑realtajiet il‑ġodda li joħorġu mill‑Osservatorju tal‑Faqar, bħala Knisja se nirriflettu fuq kif se nwieġbu għalihom permezz tas‑servizzi li noffru.
KOLLABORAZZJONI SUĠĠERITA: il‑Vigarjat għad‑Djakonija.
Nilqgħu persuni ġejjin minn pajjiżi oħra: apprezzament tad‑doni ta’ din ir‑realtà; suġġerimenti għal integrazzjoni aħjar; aktar taħriġ biex ngħixu f’ambjent pluralistiku; ħolqien ta’ proġetti biex titħeġġeġ il‑ħbiberija u d‑djalogu; proposti dwar integrazzjoni aħjar ta’ persuni bi twemmin differenti; u bit‑tisħiħ tal‑ħidma pastorali li diġà qed issir ma’ dawk li qed ifittxu l‑ażil u l‑immigranti, jiġu indirizzati l‑kawżi tax‑xenofobija, it‑traffikar ta’ bnedmin u l‑isfruttament.
KOLLABORAZZJONI SUĠĠERITA: il‑Kummissjoni għad‑Djalogu Inter‑Reliġjuż; il‑Kummissjoni Migranti; il‑Kummissjoni Ekumenika; il‑Kummissjoni Ġustizzja u Paċi; il‑Vigarjat għall‑Evanġelizzazzjoni speċjalment is‑settur tal‑iskejjel.
Persuni vulnerabbli: jitressqu proposti dwar kif persuni b’diżabbiltà, persuni bi problemi ta’ saħħa jew ta’ saħħa mentali, u anzjani jkunu integrati aħjar fil‑komunità.
KOLLABORAZZJONI SUĠĠERITA: titwaqqaf kummissjoni apposta; il‑Vigarjat għad‑Djakonija; il‑Kummissjoni Ġustizzja u Paċi.