Waqt li kien fuq il‑mejda magħhom, qabad il‑ħobż, qal il‑barka, qasmu u tahulhom. Imbagħad infetħulhom għajnejhom u għarfuh, iżda hu għab minn quddiemhom. (Lq 24:30–31)
Jekk nitilqgħu mil‑laqgħa personali tagħna ma’ Kristu;
u nagħrfu li, kull wieħed u waħda minna, aħna msejħin biex inkunu “dixxipli missjunarji” permezz tal‑Kelma u l‑Qadi;
u fl‑istess ħin napprezzaw ukoll il‑fatt li s‑sejħa personali tagħna hija s‑sejħa tal‑ġemgħa kollha, sejħa li għexuha qabilna dawk li għammru fi gżiritna tul is‑sekli permezz tax‑xhieda u l‑qima tagħhom;
filwaqt li nerġgħu nagħmlu tagħna l‑attitudnijiet ekkleżjali tal‑kontemplazzjoni, rikonċiljazzjoni, formazzjoni u missjoni billi naħsbu fuq il‑pedagoġija ta’ Kristu—jiġifieri li nkunu Knisja li tisma’, li tilqa’, li takkumpanja u li dejjem tfittex li toħroġ ’l barra u lil hinn;
- u nsiru iktar konxji tad‑doni differenti ta’ dan il‑Poplu wieħed ta’ Alla;
- naħsbu fuq il‑kultura ta’ din “l‑art” li fiha msejħin naqdu;
- u nirriflettu fuq is‑sinjali taż‑żminijiet u nagħrfu l‑ġrieħi li Kristu jixtieq ifejjaq…
- allura d‑dmir tal‑Knisja hu li taġixxi b’mod deċiżiv.
Il‑Knisja ma taġixxix b’mod teknokratiku, billi tippjana skont ma naħsbu li hu “l‑aħjar, l‑iktar effiċjenti jew li l‑iktar jaqbel,” imma bis‑sottomissjoni għal Kristu, is‑Sultan tagħna, u għall‑Ispirtu s‑Santu li tiegħu nixtiequ nwettqu “l‑ħidma” u li tiegħu l‑Knisja tfittex li timmedja il‑“Ħajja.”
Li nġibu ruħna bħala Knisja, jiġifieri bħala dixxipli ta’ Kristu li qed nintbagħtu, jitlob minna li niġġudikaw u niddeċiedu mhux bil‑kriterji (preġudikati, għax dejjem immarkati bid‑dnub) tagħna, imma f’sintonija mal‑Ispirtu ta’ Alla li jgħaqqadna flimkien bħala “l‑Poplu Qaddis u Wieħed ta’ Alla.”
Dan il‑proċess, li fih nissottomettu ruħna u nirċievu l‑qawwa, insejħulu “dixxerniment.” Proċess li hu msejjes fuq il‑fiduċja li huwa l‑Ispirtu li qed jaħdem permezz tal‑Knisja, u għalhekk li l‑isforzi kollha tal‑Knisja, imwettqa b’xewqa ġenwina għall‑awtentiċità, mhuma qatt l‑isforzi tagħha, u għaldaqstant żgur ser iħallu l‑frott meta jogħġob lil Alla.
Bħalma jgħallem il‑Papa Franġisku:
“Biex inżommu ħaj iż‑żelu missjunarju hemm bżonn ta’ fiduċja sħiħa fl‑Ispirtu s‑Santu, biex Hu “jgħinna fin‑nuqqas ta’ ħila tagħna” (Rum 8:26). Imma fiduċja ġeneruża bħal din hemm bżonn tissaħħaħ u għalhekk irridu nsejħulu f’kull ħin. Hu jista’ jfejjaqna minn dak kollu li jżommna lura fl‑impenn missjunarju tagħna. Hu minnu li din il‑fidi f’dak li ma jidhirx tista’ tqabbadna ftit tal‑mejt: dan bħal meta tintefa’ f’baħar fejn ma tafx ma’ xiex ħa tiltaqa’. Jiena stess din il‑ħaġa doqtha kemm‑il darba. Minkejja dan, m’hemmx libertà aqwa minn meta nħallu lill‑Ispirtu jeħodna fejn irid Hu, u ma noqogħdux inkejlu jew nikkontrollaw kollox, u nħallu lilu jdawwalna, imexxina, jeħodna fejn jixtieq Hu. Hu jaf tajjeb x’hemm bżonn f’kull żmien u f’kull ħin. Dan ifisser li nkunu misterjożament għammiela!” (Evangelii gaudium, 280)
Id‑dixxerniment Nisrani ma jinvolvix biss li nħarsu lejn sitwazzjoni b’mod sħiħ, li naqbdu l‑karatteristiċi morali ewlenin, jew li niġġudikaw u niddeċiedu dwar l‑aħjar triq li għandna naqbdu u naġixxu b’mod responsabbli. Dan kollu jeħtieġ li tagħmlu kull persuna moħħha f’postu—Nisranija u mhix.
Id‑dixxerniment tan‑Nisrani jitlob li naqraw ir‑realtà mill‑perspettiva ta’ Alla u nħallu l‑Ispirtu s‑Santu jiffurmana biex naħsbu bħalma kien jaħseb Ġesù.
Li naħsbu bħalma kien jaħseb Ġesù u nsiru l‑ġisem tiegħu jfisser li nkunu f’sintonija mal‑ħidma ħajja tal‑Ispirtu s‑Santu li tikkuntrasta mas‑sinjali tal‑mewt li jnixxu l‑ispirti ħżiena. Id‑“dixxerniment tal‑ispirti” hu għaldaqstant importanti għal kull dixxerniment Nisrani.
Bħad‑dixxerniment imsejjes fuq ir‑raġuni, id‑dixxerniment Nisrani għandu ħafna dimensjonijiet li l‑ġemgħa jeħtieġ li twettaq b’xewqa għall‑awtentiċità:
- bħala Nsara niddixxernu u naġixxu bħala individwi fl‑affarijiet privati tagħna. Għal din ir‑raġuni, in‑Nisrani jrid ikun bniedem axxetiku li jrawwem fih dik id‑dixxiplina meħtieġa biex il‑ġibdiet tal‑ġisem u r‑ruħ ikunu fi qbil ma’ Kristu;
- bħala Nsara niddixxernu fl‑interess ta’ dawk li huma fdati f’idejna. Id‑dixxerniment tal‑ġenituri f’isem uliedhom huwa eżempju ċar ta’ dan; imma, f’kull pożizzjoni ta’ awtorità, l‑għaqal hu meħtieġ biex tagħraf tassew il‑ġid tal‑oħrajn. Li tieħu ħsieb ħaddieħor mill‑għajnejn ta’ Kristu timplika mħabba u ħniena għall‑oħrajn u mhux biss sens ta’ ġustizzja;
- bħala Nsara niddixxernu wkoll fir‑rwoli pubbliċi tagħna, fejn insibu ruħna responsabbli mhux biss ta’ nies fdati f’idejna biex nieħdu ħsiebhom, imma wkoll tat‑tmexxija ġusta ta’ istituzzjonijiet li jaħdmu għall‑ġid komuni. Li nkunu konxji tal‑ġid li Alla jixtieq mill‑istituzzjonijiet tagħna ta’ governanza, ekonomija u benessri pubbliku—inkluż tal‑Knisja nnifisha bħala istituzzjoni—ifisser li naġixxu b’mod li jirrispetta d‑dinjità tal‑persuni l‑ewwel qabel u kollox;
- bħala Nsara aħna msejħin ukoll niddixxernu għall‑ġid tad‑dar komuni tagħna. Li nieħdu ħsieb id‑dinja jfisser li nuru s‑Sbuħija tal‑Ħolqien il‑Ġdid li l‑Ispirtu s‑Santu jrid isawwar.
Imma, bħala Nsara, niddixxernu wkoll flimkien bħala Knisja. Id‑dixxerniment komunitarju hu meħtieġ meta, fil‑komunitajiet differenti fejn tinġabar il‑Knisja, infittxu li naqraw is‑sinjali taż‑żminijiet fid‑dawl tal‑Evanġelju u naġixxu fi qbil ma’ dak li l‑Ispirtu s‑Santu jitlob minna.
- Fil‑Knisja “domestika,” jew kull fejn jinġabru l‑komunitajiet iż‑żgħar. Dawn il‑komunitajiet jistgħu jkunu l‑familji; il‑komunitajiet reliġjużi partikolari marbutin ma’ kunvent jew missjoni speċifika; il‑komunitajiet żgħar ta’ ħbieb li jaqsmu l‑istess kariżma;
- Fil‑“parroċċi,” jew fejn il‑ġemgħa tinġabar b’mod sħiħ bħala kleru, lajċi u reliġjużi li flimkien jiddixxernu kif l‑Ispirtu qed isejħilhom jaqdu u joħorġu ’l barra fit‑territorju partikolari tagħhom. L‑istess jgħodd għall‑ħidma fl‑iskejjel tal‑Knisja jew l‑istituzzjonijiet l‑oħra tal‑Arċidjoċesi;
- Fil‑“provinċji jew kongregazzjonijiet reliġjużi” jew fil‑“movimenti lajkali” fejn, bħala komunitajiet li għandhom kariżma li torbothom mal‑Knisja universali imma wkoll preżenti lokalment, l‑ispirtu partikolari ta’ qadi li jikkaratterizza kull komunità jrid jinkarna ruħu f’ċirkostanzi lokali partikolari, skont ma jnebbaħhom l‑Ispirtu.
- Fl‑Arċidjoċesi, nibdew mill‑istrutturi tal‑Kurja tagħha, imma wkoll permezz ta’ proċess li jiggarantixxi sinodalità vera sabiex il‑Knisja Maltija tkun tassew magħquda ħaġa waħda u flimkien tfittex li tisma’, li titlob u li tkun strument f’idejn l‑Ispirtu għall‑ħidma tiegħu—ikun xi jkun il‑prezz li dan jitlob.
Il‑Knisja lokali qed tiġi mistiedna tgħaddi minn din il‑konverżjoni fil‑modus operandi tagħha, fil‑mod li bih ser inkunu tassew “melħ” f’artna u “dawl” għall‑futur tagħha, billi nsiru “poplu ta’ Alla li jiddixxerni” u jaġixxi f’ismu, bħal nagħaġ li jagħrfu l‑leħen tar‑Ragħaj Veru tagħhom (ara Ġw 10:14).