1. It-tiġdid tal-Knisja Maltija jibda bil-laqgħa tagħna mill-ġdid ma’ Kristu

Imbagħad infetħulhom għajnejhom u għarfuh, iżda hu għab minn quddiemhom (Lq 24, 31)

L‑Evanġelista Luqa jibni r‑rakkont ta’ Għemmaws bħala prototip tar‑rakkonti tal‑laqgħa tad‑dixxipli ma’ Kristu Rxoxt. Id‑dixxipli, li mxew wara dak il‑predikatur itineranti minn Nazaret li fejjaq u għamel l‑għeġubijiet—“profeta” li emmnu li kien il‑Messija mwiegħed lil Iżrael (Lq 24:19,21)—kienu mkissrin, diżillużi u beżgħana wara l‑ħasda tat‑tislib tiegħu bla mistenni. Bħal Pietru, li reġa’ lura għax‑xogħol tiegħu wara l‑qtil tal‑Imgħallem tiegħu (ara Ġw 21:1–3), huma wkoll telqu minn Ġerusalemm. Donnhom injoraw ix‑xhieda tan‑nisa u l‑qabar vojt (Lq 24:22–24). It‑tama tagħhom ma kinetx biss li jiġbru l‑biċċiet tal‑ħajja tagħhom, imma, iktar probabbli, li jsalvaw ġildhom. Fil‑konvinzjoni tagħhom li l‑Mulej kien mejjet, il‑komunità nnifisha bdiet titfarrak: kulħadd jaħseb għal rasu; kulħadd fuq xogħlu u kulħadd qabad triqtu. Hu biss fi Kristu li setgħu jkunu ħaġa waħda.

Fi triqthom ’l hemm minn Ġerusalemm, Kristu Rxoxt jiġi jiltaqa’ magħhom u jimxi magħhom it‑triq kollha. U, bħalma għamel drabi oħra qabel, fit‑triq joqgħod ukoll ifissrilhom dak li l‑Iskrittura tgħid fuqu (Lq 24:27).

Imma huma baqgħu ma għarfuhx. Għajnejhom baqgħu mgħammda; il‑fidi tagħhom bierda.

Imma kien sempliċiment permezz ta’ ġest ċkejken ta’ tjubija u ospitalità lejn il‑barrani (ara Lq 24:29)—ġest li nifed fl‑għeluq tagħhom fuqhom infushom—li l‑Mulej seta’ juri ruħu lilhom.

Biex jiftħilna għajnejna, Kristu għandu bżonn biss sinjal imqar ċkejken ta’ rieda li niltaqgħu miegħu.

Imma, hekk kif “infetħulhom għajnejhom u għarfuh,” huma setgħu jifilħu għad‑dehra tal‑glorja tiegħu għal waqt wieħed biss. “Iżda hu għab minn quddiemhom” (Lq 24:31). Id‑dawl tal‑preżenza trasfigurata tiegħu kien wisq biex setgħu jifilħu għalih sakemm jirċievu l‑Ispirtu s‑Santu bħala ġemgħa fl‑aħħar taż‑żminijiet, il‑“Poplu Qaddis ta’ Alla.”

Dik il‑laqgħa ma’ Kristu Rxoxt kienet biżżejjed biex minn dixxipli diżorjentati mixjin lejn Għemmaws isiru “dixxipli missjunarji” (Evangelii gaudium, 24, 119‑121, 173) u ż‑żerriegħa tal‑ecclesia.

  • Dawn id‑dixxipli jiksbu l‑qawwa biex imorru Ġerusalemm dak il‑ħin stess (ara Lq 24:33);
  • jirċievu l‑Ispirtu s‑Santu mingħand Kristu stess li jidher lill‑grupp kollu miġbur fil‑Belt Qaddisa (ara Lq 24:36);
  • rawh jitla’ s‑sema (ara Lq 24:51).
  • Bi tweġiba għal dan, bħala l‑fdal ta’ Iżrael, huma jmorru fit‑tempju jbierku ’l Alla (ara Lq 24:53).
  • B’hekk, kif ifakkarna tajjeb San Luqa permezz tal‑profezija ta’ Ġoel, huma jħejju għall‑Aħħar Jiem mibdija bit‑tiswib tal‑Ispirtu s‑Santu fuq kull bniedem (Atti 2:17).

Dawk id‑dixxipli li mxew wara Ġesù u li ħassewhom mitlufa u mbeżżgħa quddiem il‑mewt tiegħu, issa jsiru l‑ewwel “ġisem ta’ Kristu” biex jagħtu xhieda tal‑ferħ li ġabet fid‑dinja s‑salvazzjoni tiegħu. Huma mhux biss ixandru l‑Aħbar it‑Tajba lill‑imsejknin, imma bil‑qawwa li tinżel fuqhom huma jfejqu l‑morda, jerfgħu lill‑mitluqin, jaħfru d‑dnubiet u jibnu komunitajiet ta’ ħbieb li fihom “ma hemmx iżjed Lhudi u anqas Grieg, ma hemmx ilsir u anqas ħieles, ma hemmx raġel u anqas mara; għax intom ilkoll ħaġa waħda fi Kristu Ġesù” (Gal 3:28). Bħalma wegħidhom Ġesù: “Tassew tassew ngħidilkom, min jemmen fija hu wkoll għad jagħmel l‑opri li qiegħed nagħmel jien, u akbar minnhom għad jagħmel … jekk titolbuni xi ħaġa f’ismi, jiena nagħmilha.” (Ġw 14:12–14).

Id‑doni tal‑għaġeb tal‑Ispirtu msawba fuq il‑magħżulin—“Lil kull wieħed tingħata r‑rivelazzjoni tal‑Ispirtu għall‑ġid ta’ kulħadd: lil wieħed kliem l‑għerf, mill‑istess Spirtu; lil ieħor il‑kelma tas‑sapjenza mill‑istess Spirtu; lil ieħor il‑fidi mill‑istess Spirtu; lil ieħor id‑don tal‑fejqan mill‑istess Spirtu; lil ieħor is‑setgħa tal‑mirakli; lil ieħor id‑don tal‑profezija; lil ieħor id‑don tal‑għażla tal‑ispirti; lil ieħor diversi ilsna; lil ieħor it‑tifsir tal‑ilsna” (1 Kor 12:7‑10)—tkebbsu u nfirxu bħal nar jaqbad hekk kif il‑Knisja xterdet mad‑dinja kollha magħrufa dak iż‑żmien … inkluż fi gżiritna.