7. Il-prijoritajiet pastorali tagħna: il-ġrieħi fejn Kristu jixtieq jiltaqa’ mal-Poplu tiegħu biex joffrilu l-fidwa u l-ferħ tiegħu

“Kemm intom boloh u tqal biex temmnu kulma qalu l‑profeti! U ma kellux il‑Messija jbati dan kollu u hekk jidħol fil‑glorja tiegħu?” (Lq 24:25‑26)

L‑imħabba ta’ Alla għal kull bniedem m’għandhiex limiti. Il‑Missier bagħat lil Ibnu l‑waħdieni sabiex kulħadd isalva, u lkoll insiru l‑“Poplu Qaddis ta’ Alla.” Għax il‑Missier permezz tal‑Iben jibgħat id‑Difensur (ara Ġw 14, 16–17), kulħadd hu mistieden iduq il‑ferħ ta’ meta nitwieldu mill‑ġdid (ara Ġw3:3) u ta’ meta nimtlew bil‑qawwa biex inħabirku għat‑twaqqif ta’ ordni politiku ġdid u tal‑Ħolqien il‑Ġdid. Kif naqraw fl‑ewwel ittra lil Timotju:

“Nitolbok l‑ewwel nett li jsiru suppliki, orazzjonijiet, talb u radd il‑ħajr għall‑bnedmin kollha; għas‑slaten, għal dawk kollha li għandhom xi awtorità, biex inkunu nistgħu ngħaddu ħajja fil‑kwiet u fis‑sliem, fit‑tjieba u kif jixraq. Dan hu tajjeb u jogħġob lil Alla s‑Salvatur tagħna, li jrid li l‑bnedmin kollha jsalvaw u jaslu biex jagħrfu l‑verità. Għax wieħed hu Alla, u wieħed hu l‑medjatur bejn Alla u l‑bniedem, il‑Bniedem Kristu Ġesù, li ta lilu nnifsu bħala prezz tal‑fidwa għal kulħadd; u x‑xhieda ta’ dan ngħatat f’waqtha.” (1 Tim 2:1–6)

Fil‑ħeġġa missjunarja tagħha, il‑Knisja kollha bħala komunità ta’ dixxipli tibda billi tkun attenta għas‑sinjali taż‑żminijiet u, speċifikament, għall‑ġrieħi fejn Kristu jixtieq joffri l‑fejqan tiegħu.

“Xi kultant inħossu t‑tentazzjoni li nkunu Nsara li jżommu distanza prudenti mill‑ġrieħi tal‑Mulej. Imma Ġesù jrid li mmissu l‑miżerja umana, li mmissu l‑ġisem sofferenti tal‑oħrajn. Hu jistenna minna li ma noqogħdux infittxu dawk l‑imkejjen ta’ kenn personali jew komunitarju li jżommuna mbegħdin minn fejn tħabbat il‑qalb tat‑tbatija umana, biex nistgħu naċċettaw tabilħaqq li nidħlu f’kuntatt mal‑eżistenza konkreta tal‑oħrajn u nagħrfu kemm hi kbira l‑qawwa tal‑ħlewwa. Meta nagħmlu dan, il‑ħajja dejjem tikkumplika ruħha b’mod sabiħ u nkunu ngħixu l‑esperjenza qawwija ta’ poplu, l‑esperjenza li aħna nagħmlu parti minn poplu.” (Evangelii gaudium, 270)

Nagħrfu li l‑fraġilità tagħna bħala “poplu”—personali, komunitarja u ekoloġika—tixbah lil dik ta’ “ġarar tal‑fuħħar” imxaqqa. Nagħrfu li aħna mkissrin u bilkemm nistgħu nżommu sħaħ “ħaġa waħda”. Imma l‑balzmu mqaddes fdat f’idejn il‑Knisja—dak id‑deheb imdewweb tal‑ħniena ta’ Alla li għandu l‑qawwa jsewwi x‑xquq l‑iktar fondi—jitlob minnha li toħroġ, “li nħallu lil Kristu jiftaħ beraħ il‑bibien tagħna biex joħroġ,” biex inwasslu l‑fejqan. Dak li f’għajnejna jista’ jidher biss tifrik—biċċiet imkissra tal‑fuħħar tajbin biss għar‑rimi—fin‑nar jaqbad tal‑Ispirtu u permezz ta’ ġesti konkreti tal‑Knisja li bihom tilqa’, tisma’ u takkumpanja, jista’ jitwieled mill‑ġdid għal ħajja ġdida; il‑“Poplu Qaddis ta’ Alla” li jikber fir‑rikonċiljazzjoni, fil‑formazzjoni u fit‑talb … biex ikun jista’ jintbagħat.

Jekk nittraskurawhom, it‑tbatijiet tagħna jinżlu iktar fil‑fond u jaljenawna iktar anke mill‑istess xewqa ta’ Alla jferra’ fina mħabbtu. Għalhekk, il‑Knisja għandha d‑dmir li taġixxi b’mod deċiżiv biex tieħu ħsieb dawk l‑iktar miġruħin. Iktar ma l‑biċċiet tal‑qlub maqsuma u tar‑relazzjonijiet miksura tagħna huma mxellfa u ma jaqblux bejniethom, iktar l‑Knisja hi msejħa taqdi b’ġenerożità u sabar sabiex l‑imħabba ta’ Alla tiġi esperjenzata bħal dak id‑deheb li jsewwi u jagħti ħajja ġdida, u saħansitra isbaħ.

Hemm seba’ ġrieħi li l‑Knisja fil‑missjoni tagħha ta’ Evanġelizzazzjoni u Djakonija trid tieħu ħsieb:

Ħadd minna mhu meħlus minn memorji ta’ vjolenza li ġarrab jew wettaq; ta’ weġgħat li huma wisq kbar biex naffaċjawhom jew naċċettawhom; dwejjaq li mhux faċli nagħtuh isem jew infissruh fi kliem. Dawn il‑ġrieħi fondi, li spiss inġarrbuhom l‑ewwel fit‑tfulija, idgħajfuna imma wkoll jimlewna bl‑imrar; iferu lil qalbna imma wkoll jimlewna bl‑għadab. Jekk ma nirrikonċiljawx ruħna mat‑tbatijiet tagħna, dawn it‑trawmi mhux solvuti jistgħu jaffettwaw ukoll lil oħrajn madwarna, jinfirxu fil‑familji u fil‑komunitajiet u l‑memorja tagħhom tiċċajpar minn dan in‑niket moħbi.

Kristu jixtieq jeħlisna, l‑ewwel u qabel kollox, mill‑ġrieħi li jżommuna mjassra minn dawn il‑memorji li jwaħħxu. Il‑Knisja twettaq il‑missjoni tagħha li twassal it‑tama billi tfittex li teħles mill‑jasar tal‑passat tagħna sabiex tfejjaq il‑ġrieħi tal‑qalb li jweġġgħu kemm lill‑individwi kif ukoll lill‑komunitajiet.

Kif San Ġwanni Pawlu II għallem lill‑Knisja u lid‑dinja: Jibqa’ minnu li ma nistgħux nibqgħu priġunieri tal‑passat: kemm l‑individwi kif ukoll il‑popli jeħtieġu xi sura ta’ “tisfija tal‑memorja”, sabiex il‑ħażen tal‑passat ma jibqax għaddej. Dan ma jfissirx li ninsew dak li ġara, imma li nħarsu lejh b’mod ġdid u nitgħallmu minn dak stess li ġarrabna li l‑imħabba biss tista’ tibnina, filwaqt li l‑mibgħeda ġġib magħha qerda u ħerba. Jeħtieġ li ċ‑ċiklu qattiel tat‑tpattija jeħodlu postu l‑ħelsien tal‑maħfra” (Messaġġ għat‑XXX Jum Dinji tal‑Paċi, Jannar 1, 1997).

L‑ebda bniedem mhu maqtugħ għalih waħdu u n‑natura umana tagħna minnha nnifisha timplika x‑xewqa li nkunu persuni‑f’relazzjoni. Meta nersqu lejn persuni oħra, dan nagħmluh b’min aħna verament fil‑qalba tagħna: l‑istejjer li nsiġna biex nagħmlu sens mill‑ħajja tagħna, u l‑ġrajjiet li naqsmu mal‑oħrajn biex nifhmu minn fejn ġejjin u x’nixtiequ nkunu. Ir‑relazzjonijiet intimi, b’mod speċjali fiż‑żwieġ u l‑ħbiberiji, ma’ wliedna u ħutna, jiffurmawna bħala persuni, familji u komunitajiet żgħar. Meta naqsmu ħajjitna flimkien, aħna nkunu qegħdin nieħdu ħsieb xulxin u r‑relazzjoni tagħna ssir opportunità biex ngħinu lil xulxin niżviluppaw.

Imma jekk timplika wkoll vulnerabbiltà, l‑intimità mhux biss tiftaħna għat‑tama li nkunu maħbubin kif aħna; tpoġġina wkoll f’riskju li jgħaffġu fuqna u jabbużawna. Bħalma m’hemmx relazzjoni tassew intima mingħajr fiduċja, hekk ukoll m’hemmx relazzjoni intima mingħajr ir‑riskju tat‑tradiment.

Kemm minna jbatu—kultant b’mistħija u fil‑moħbi; drabi oħra b’mod pubbliku—mill‑ġrieħi ta’ żwiġijiet imfarrka, tradimenti mill‑ħbieb, kunflitti fil‑familja, diżappunti fir‑relazzjonijiet, abbuż f’relazzjonijiet fejn waħda mill‑partijiet għandha iktar qawwa mill‑oħra. Dawn it‑tbatijiet jisfidawna biex ninfetħu għall‑grazzja tal‑maħfra u nikbru minn dawn l‑esperjenzi fejn, b’kuraġġ, ma nħalluhomx jiddeterminawna, u għalhekk nerġgħu nagħżlu li ninvestu f’relazzjonijiet ġodda anke jekk dawn jitolbu minna li nkunu vulnerabbli.

Imma dawn il‑ġrieħi fondi jistgħu wkoll ifixklu l‑proċess ta’ integrazzjoni personali. Dan hu minnu l‑iktar fil‑familji. L‑akkumpanjament tal‑miżżewġin u l‑familji huwa sejħa urġenti għall‑Knisja, b’mod speċjali għax il‑Knisja stess ma tistax tikber jew tkun min tassew hi mingħajr ma tkun skola ta’ kif naqsmu ħajjitna u darna flimkien, u kif insiru komunità u familja waħda. Bit‑tajjeb u l‑ħażin, dak li nitgħallmu fir‑relazzjonijiet l‑iktar intimi tagħna jaffetwa kif inġibu ruħna fir‑relazzjonijiet tagħna fi ħdan il‑Knisja, sew fil‑parroċċi, sew fil‑komunitajiet reliġjużi, u sew fil‑movimenti lajkali.

Il‑Knisja bħala “Poplu ta’ Alla” hi msejħa tkun “komunità ta’ ħbieb” li jterrqu flimkien. Il‑modus operandi u l‑istrutturi tal‑Knisja għandhom jirriflettu din it‑tfixxija biex inkunu “poplu f’pellegrinaġġ” flimkien. Il‑Knisja lokali hi miġruħa proprju fejn l‑istrutturi, l‑istituzzjonijiet u l‑proċeduri formali tagħha ma jiffaċilitawx, anzi jikkontradixxu, l‑ispirtu ta’ ħbiberija u reċiproċità.

Fl‑Ittra lill‑Poplu ta’ Alla (Awwissu 20, 2018), il‑Qdusija Tiegħu l‑Papa Franġisku identifika tliet ġrieħi fondi fil‑Knisja, li huma wkoll tagħna: “abbuż sesswali, abbuż ta’ poter u tal‑kuxjenza.” U identifika l‑għeruq ta’ dawn il‑ġrieħi fil‑klerikaliżmu li jikkaratterizza mod ta’ kif tiffunzjona “l‑Knisja istituzzjonali.”

Barra minn hekk, f’Malta, il‑ġrieħi tal‑klerikaliżmu għandhom il‑forom distinti tagħhom li jagħmlu ħafna ħsara minħabba fiċ‑ċokon tagħna, l‑istorja politika mqallba tagħna ta’ dawn l‑aħħar mitt sena, u d‑dinamiċi kulturali partikolari tagħna sforz sens ta’ vulnerabbiltà eżistenzjali: it‑tendenza li ma nafdawx lill‑“barrani,” il‑pika u t‑tribaliżmu bl‑attitudni ta’ aħna‑u‑huma.

Hu ferm importanti li nagħrfu d‑dgħufijiet tagħna, nirrikonoxxu kif ferejna lil xulxin fil‑passat u, bħala Nsara, infittxu li nagħtu bidu għal proċess biex nisimgħu lil xulxin, infittxu modi kif nistgħu nsewwu l‑kunflitti, u, fuq kollox, nitolbu l‑qawwa tal‑Ispirtu s‑Santu biex naslu li naħfru lil xulxin.

Fl‑istess ħin, jeħtieġ li ma noħolqux iktar firdiet fil‑ġemgħa meta ma jirnexxilniex inkampaw flimkien, naħdmu flimkien jew saħansitra nitolbu flimkien bħal aħwa. Għandna bżonn nitgħallmu napprezzaw iktar mhux biss id‑doni ta’ xulxin, imma wkoll is‑sbuħija tas‑sejħa partikolari tagħna—is‑sejħat distinti tal‑kleru, ir‑reliġjużi u l‑lajċi, imma li kollha għandhom sehem fil‑missjoni ta’ Kristu bħala Qassis, Profeta u Sultan, u għandhom l‑istess orjentazzjoni evanġelika għax‑xandir u l‑qadi, li naraw fl‑Imgħallem tagħna.

Bħalma Ġesù wissa lid‑dixxipli tiegħu meta nqalgħet kwistjoni bejniethom dwar min minnhom kellu jinżamm bħala l‑akbar wieħed:

“Fost il‑pagani s‑slaten jaħkmu fuq in‑nies, u dawk li jħaddmu s‑setgħa fuqhom isejħulhom benefatturi. Intom mhux hekk, imma l‑akbar fostkom għandu jġib ruħu tal‑iżgħar wieħed, u min hu fuq l‑oħrajn iġib ruħu ta’ qaddej. Għax min hu l‑akbar, dak li jkun fuq il‑mejda, jew dak li jkun qiegħed jaqdi? Mhux dak li jkun fuq il‑mejda? Imma jien qiegħed fostkom nagħmilha ta’ qaddej” (Lq 22:25–27).

Il‑Knisja Maltija ma tbatix biss minn ġrieħi istituzzjonali u storiċi. Imma aħna wkoll poplu miġruħ mit‑telqa, inħossuna mitlufin u mħawdin, għax nagħtu wisq importanza lill‑isforzi fjakki tagħna, u ma nagħtux kas biżżejjed ta’ dak li l‑Ispirtu s‑Santu qed iwettaq fostna.

Nisfaw miġruħa bħala Poplu meta neskludu gruppi partikolari mill‑istess ħajja tal‑Knisja għax ma nakkumpanjawhomx fit‑taħbit tagħhom, imma sempliċiment inwarrbuhom jew nidhru li qed inqaċċtuhom ’il barra permezz ta’ kliem li joqtol u jikkundanna flok jagħti l‑ħajja permezz tal‑ħniena u l‑fejqan ta’ Kristu.

Forsi m’għadniex nistgħu nitkellmu fuq Malta Kattolika, imma għandna nkunu grati għax dan l‑istess proċess li fih l‑“Knisja bħala istituzzjoni” qed tingħata ’l ġenb qed joħloq spazju fejn tista’ titwieled mill‑ġdid il‑“Knisja bħala komunjoni vera”; bħal ħmira li tista’ ttella’ l‑għaġna ta’ kultura ġdida ta’ ħbiberija, fejn ma nibżgħux mid‑differenzi reliġjużi u politiċi, imma minflok inħaddnu d‑diversità kollha bħala sinjal tal‑kreattività u s‑sbuħija infinita ta’ Alla.

Il‑ħeġġa evanġelika tagħna trid titkebbes mill‑ġdid billi nħossu li għandna għan komuni, li hu l‑Evanġelju nnifsu: mhux in‑nostalġija tagħna għal “Knisja” li spiċċat, jew l‑entużjażmu għal Knisja skont kif infassluha aħna, imma billi b’umiltà nagħrfu kif l‑Ispirtu s‑Santu qed jibni l‑ġisem ta’ Kristu f’Malta.

Il‑kliem tal‑Papa Franġisku fl‑ittra msemmija iktar ’il fuq jurina t‑triq tal‑fejqan għall‑parroċċi, il‑komunitajiet reliġjużi u l‑movimenti lajkali tagħna, u bħala “Poplu Qaddis ta’ Alla” wieħed. Jistedinna wkoll naħsbu fuq il‑misteru profond tal‑fidi tagħna ta’ kif it‑tbatija ssalva—anke l‑ansjetà spiritwali tal‑Knisja lokali tagħna fi żmien ta’ “konfużjoni”:

“‘Jekk membru jbati, ibatu l‑oħrajn flimkien miegħu,’ kien qalilna San Pawl. Permezz ta’ atteġġjament ta’ talb u ta’ penitenza nkunu nistgħu nidħlu f’armonija personali u komunitarja ma’ din l‑eżortazzjoni, sabiex fostna jitkattru d‑doni tal‑kompassjoni, tal‑ġustizzja, tal‑prevenzjoni u tat‑tiswija. Marija għarfet tibqa’ f’riġlejn is‑salib ta’ Binha. M’għamlitx hekk kif ġie ġie, imma kienet hemm b’mod deċiż, bilwieqfa u ħdejh. B’dil‑pożizzjoni tesprimi l‑mod kif kienet tkun fil‑ħajja. Meta nħossu n‑niket kbir li jqanqlu fina dawn il‑pjagi ekkleżjali, jagħmlilna tajjeb li flimkien ma’ Marija “ninsistu aktar fit‑talb” (ara S. Injazju ta’ Loyola, Eżerċizzi Spiritwali, par. 319), u nagħmlu ħilitna biex nikbru fl‑imħabba u fil‑fedeltà lejn il‑Knisja. Hi, l‑ewwel dixxiplu, tgħallem lilna lkoll dixxipli kif għandna nġibu ruħna quddiem is‑sofferenza tal‑innoċenti, mingħajr ħarba u bla ma nkunu beżżiegħa. Li nħarsu lejn Marija jfisser li nitgħallmu niskopru fejn għandu jkun u kif għandu jġib ruħu d‑dixxiplu ta’ Kristu.”

Kull soċjetà hi profondament miġruħa u tagħna mhijiex eċċezzjoni. Anzi, nitqarrqu jekk nippretendu li s‑soċjetà tagħna qed tiffjorixxi billi nkejlu biss fatturi ekonomiċi jew soċjali imma ninjoraw indikaturi oħra tal‑ġid. U iktar perikolużi huma l‑kontradizzjonijiet u l‑inkonsistenzi li naċċettawhom bħala normali, meta ngħidu li nħaddnu etika favur il‑ħajja jew l‑inklużjoni soċjali, jew tal‑libertà tal‑espressjoni u d‑demokrazija, imma mbagħad il‑fatti jitkellmu mod ieħor għax l‑imġiba tagħna tiċħad b’mod sfaċċat dawn l‑ideali.

Il‑qtil ta’ ġurnalista li ħasad lil kulħadd u l‑omiċidju kiesaħ u biered ta’ immigrant; il‑mod kif ħafna nies iqisu normali ċerti prattiċi “kollettivi” bħall‑evażjoni tat‑taxxa, it‑tixħim u l‑omertà, jew kif b’mod mill‑iktar naturali nibnu r‑rabtiet soċjali tagħna permezz tal‑“ħbieb tal‑ħbieb”, l‑unur, “familiżmu amorali,” il‑pjaċiri u l‑idea li l‑ewwel nieħdu ħsieb dak li hu tagħna qabel ir‑responsabbiltà soċjali … dan kollu juri li hemm qabża bejn ir‑realtà kif inhi u l‑ispirtu Kattoliku msejjes fuq il‑ġid komuni, is‑solidarjetà, l‑għażla preferenzjali favur il‑foqra, jew saħansitra dak is‑sens ċiviku bażiku fejn “is‑sħiħ” (il‑ġid tal‑polis fl‑interess ta’ kulħadd) hu tassew ikbar mill‑ġabra tal‑partijiet flimkien (jew l‑interessi individwali tagħna).

Dan qed jiġri mhux għax “il‑Knisja” bħala ġerarkija mhijiex titkellem fuq affarijiet marbutin mal‑ġid komuni, imma għax aħna stess bħala l‑Poplu ta’ Alla, fir‑relazzjonijiet soċjali tagħna, qed nonqsu milli nagħtu xhieda għall‑Evanġelju tal‑ħajja, kemm bil‑mod kif nikkomunikaw, imma wkoll bl‑istess ħajja li ngħixu.

Anke jekk “il‑Knisja”—b’mod speċjali l‑istituzzjonijiet tagħha—ifittxu li jkunu dawl fil‑proċess politiku u ekonomiku tagħna, “il‑Knisja” fid‑dinja—il‑ħajja tagħna fis‑soċjetà, fuq il‑midja soċjali, fuq il‑post tax‑xogħol, fi djarna u fil‑ħajja personali tagħna—hi msejħa biex b’urġenza tagħti xhieda ta’ kif “is‑Saltna ta’ Alla” tinkarna ruħha permezz tal‑għażliet konkreti tagħna li nilqgħu lill‑barrani, nakkumpanjaw lil dawk li huma vulnerabbli fil‑ħtiġijiet kollha tagħhom, u nisimgħu dwar kif il‑preġudizzji tagħna jferu lill‑istess ħajja tagħna flimkien. Il‑konverżjoni soċjali u politika trid tibda minna stess billi nħallu lilna nfusna niddakkru mit‑tagħlim soċjali tal‑Knisja li jisfida lil kull wieħed u waħda minna, personalment u bħala komunità, biex inkunu Knisja għal u mill‑periferiji, billi nfittxu l‑ġustizzja tagħhom qabel l‑għana tagħna, il‑ġid tagħhom qabel il‑kumdità tagħna.

Il‑ġrieħi fit‑tessut soċjali tagħna jidhru wkoll b’mod ċar fit‑tħarbit ta’ artna għall‑gwadann ekonomiku; fl‑arja mniġġsa tagħna; fil‑ġenn fit‑toroq tagħna u madwarna li jagħmilha diffiċli li nduqu mill‑ġdid dik is‑serenità li, fil‑passat, konna nassoċjaw mal‑eleganza moħbija tal‑irħula tagħna jew mas‑sbuħija tal‑pajsaġġ naturali tagħna. Qed ngħixu f’ambjent fejn il‑kruha qed ittaqqal lil ruħna u l‑ħajja tagħna ta’ kuljum.

Dawn il‑ġrieħi fis‑sensi u fis‑saħħa fiżika tagħna jsiru iktar gravi meta fl‑istil ta’ ħajja li qegħdin ngħixu “ma jkunx hemm ħin biżżejjed” għal dak li tassew jiswa. Bħal donnu l‑istess pajsaġġ tagħna mmarkat mit‑teknokrazija jissikka fuqna bħal morsa biex iġagħalna nikkonformaw mal‑loġika tagħha li tneżżagħna mill‑umanità tagħna. Minflok ma l‑bniedem jieħu ħsieb l‑art fi spirtu ta’ responsabbiltà reċiproka, il‑bniedem ikisser u jeqred, sakemm l‑istess pajsaġġ jirribella u jpattihielna.

Din hija l‑karba tal‑enċiklika ekoloġika Laudato si’, 106‑110 li tfakkarna li “l‑paradigma teknokratika dominanti” ġabet ħerba mhux biss fl‑ambjent tagħna, imma wkoll fl‑istrutturi politiċi u soċjali tagħna, u, saħansitra, fuq l‑istess ideal tagħna ta’ ħajja tajba. Bid‑delużjoni li ninsabu mixjin fit‑“triq tal‑progress”, qed ninqabdu minflok f’ċirku vizzjuż li qed jeqridna bil‑mod il‑mod.

U lanqas ma neħilsu minn din l‑ansjetà fl‑“ambjenti alternattivi” li ħloqna bit‑tentazzjoni li “naħarbu.” Il‑kuntest diġitali—dik ir‑realtà awmentata li fiha kulma jmur qed inqattgħu iktar mill‑ħin tagħna, anke l‑ħin biex “nissoċjalizzaw”—hu wkoll immarkat mill‑istess estetika ta’ esaġerazzjoni; etika ggwidata minn “kif nidhru”, fejn l‑“immaġni” tieħu post ir‑realtà, u l‑mod kif nippreżentaw ruħna jieħu post l‑awtentiċità. F’dal‑kuntest, dan il‑“bżonn” li nimpressjonaw u li tgħaddi tagħna—flok id‑djalogu u l‑konverżazzjoni—qed jimmarkaw xi minn daqqiet anke l‑preżenza tagħna bħala “Knisja”. Hu ta’ skandlu meta dak li suppost bħala Knisja msejħin li nkunu xhieda tiegħu—Knisja li tisma’, li tilqa’, li takkumpanja u li toħroġ—jissarraf f’oppożizzjoni, fil‑bini ta’ ħitan, f’attitudni li tfittex li tbaxxi lill‑ieħor, u meta ningħalqu fiċ‑ċertezzi tagħna u mal‑ftit li huma bħalna.

Irridu nibdew inwieġbu għas‑sejħa li nieħdu ħsieb il‑ħolqien bid‑deċiżjonijiet iż‑żgħar tal‑ħajja ta’ kuljum li nieħdu bħala persuni u fil‑komunitajiet tagħna. Bħala Knisja f’din il‑gżira ċkejkna tagħna, għandna tama li nistgħu nkunu preżenti fis‑soċjetà kollha; li nistgħu nieħdu passi konkreti biex inreġġgħu lura ċ‑ċiklu ta’ qerda ekoloġika u kulturali—offline u online—u niżirgħu mill‑ġdid il‑barka tal‑bidu tal‑ħolqien. Kemm aħna lesti nxandru l‑Evanġelju tal‑ħajja fejn l‑iktar meħtieġ—u aħna stess nikkonformaw miegħu?

Fl‑aħħar mill‑aħħar, il‑kawża tal‑ġrieħi tagħna hija d‑dnub—dik il‑kburija li taqtagħna minn Alla nnifsu, il‑Ħallieq, Feddej u Sostenitur tagħna. Meta nġibu ruħna daqslikieku Alla ma jeżistix; meta, bħala Knisja, nifirdu l‑ħajja “spiritwali” tagħna mill‑ħsibijiet tal‑ħajja fid‑“dinja”, aħna nferu l‑ispirtu tagħna li min‑natura tiegħu jfittex dak li hu traxxendentali u li jqim lill‑Missier. Meta d‑dnub tagħna jinfiltra f’kull aspett tal‑eżistenza tagħna, jidrob ukoll ix‑xewqa tagħna għal Alla u l‑qima tagħna titlef il‑vivaċità u l‑awtentiċità tagħha.

Din hi t‑traġedja tal‑ġrieħi fl‑esperjenza tagħna tat‑talb flimkien u personali. It‑talb li jsir id‑dar, bħala familja miġbura flimkien, jgħaddi esperjenzi ta’ devozzjoni u jrawwem fid‑dixxiplina tal‑kontemplazzjoni personali. Imma meta d‑dar ma tibqax spazju ta’ talb—jiġifieri, permezz ta’ ħin personali u bħala familja ddedikat għal xejn iktar ħlief għat‑tifħir ta’ Alla—imbagħad lanqas jirnexxilna nitgħallmu “kif nitolbu” u anke t‑talb pubbliku u komunitarju tagħna jbati.

Kull reliġjon, fil‑kult tagħha, għandha l‑obbligu li turi l‑qima tagħha lil Alla. It‑talb hu att pubbliku, li permezz tiegħu nagħrfu lil Alla bħala dak li jimla r‑realtà tagħna, u allura bħala dak li jixraqlu li nqimuh. Għalhekk, il‑mod ta’ kif, bħala l‑Poplu ta’ Alla f’Malta, nidhru nitolbu jgħid ħafna fuq l‑għarfien tagħna ta’ Alla u x‑xhieda li nagħtu għall‑Evanġelju.

Il‑mod li bih niċċelebraw il‑kalendarju liturġiku tagħna ta’ kull sena huwa wkoll partikolari. Il‑quċċata vera tal‑fidi tagħna—Żmien l‑Għid li jwassal sa Pentekoste—jinħass inqas fl‑esperjenza kollettiva tagħna ta’ qima. Iktar b’saħħithom u spiritwalment qawwija fi gżiritna huma s‑simboli tat‑tbatija—id‑Duluri u l‑Ġimgħa l‑Kbira. U iktar ikkuluriti huma ċ‑ċelebrazzjonijiet pubbliċi marbutin mal‑famużi festi tal‑qaddisin patruni.

Shopping street, Amsterdam, Netherlands, Europe — Image by © Royalty-Free/Corbis

Bla ebda dubju, il‑festi jġibu n‑nies flimkien u jgħaqqduhom flimkien fil‑memorja kollettiva ta’ ċelebrazzjonijiet li jmorru lura għal għexieren ta’ snin jew sekli. Din id‑dimensjoni tal‑festi terġa’ tlaqqagħna mal‑għejun fondi tat‑talb li għandna d‑dmir li niftakru fihom, ngħożżuhom u nkompluhom.

Imma meta l‑festi reliġjużi tagħna jsiru wirjiet ta’ qawwa maqtugħin mill‑memorja kollettiva tad‑devozzjoni reliġjuża; anke meta l‑liturġiji tagħna ta’ kuljum u tal‑Ħadd ikunu wisq iffukati fuq ir‑rubriki u fuq affarijiet sekondarji hekk li iktar isiru jixbhu xi spettaklu; jew meta l‑imqades tagħna, monumenti fil‑ġebel tad‑devozzjoni tal‑poplu tagħna, isiru s‑simbolu tal‑“Knisja” li teħtieġ “l‑attenzjoni u l‑manutenzjoni” hekk li jieħu post il‑ħtiġijiet tal‑“komunità ekkleżjali” nnifisha; ikun hemm ir‑riskju li noqogħdu nehdew bina nfusna u ninsew li hu l‑Ispirtu s‑Santu li jibni l‑Knisja u hu l‑għajn tal‑qima u t‑talb veri tagħha.

L‑imqades, ir‑ritwali u ċ‑ċelebrazzjonijiet ta’ barra m’għandhomx jieħdu post il‑ġid spiritwali tal‑komunità li jsib l‑għeruq tiegħu fil‑Kelma ta’ Alla, fil‑memorja appostolika tal‑fidi, u fiċ‑ċelebrazzjoni awtentika tal‑misteri li tinkarna ruħha f’kultura partikolari. It‑tradizzjoni ma tistax issir sempliċi tradizzjonaliżmu; lanqas ma jista’ t‑talb ma jġibx trasformazzjoni spiritwali li tgħaddina mill‑esperjenza tat‑tisfija sakemm twassalna għall‑għaqda sħiħa ma’ Alla.

Spiss, għal dawn il‑ġrieħi fit‑talb komunitarju u personali tagħna, inwaħħlu fil‑proċess mgħaġġel ta’ sekularizzazzjoni f’pajjiżna. Imma s‑sekularità għandha wkoll il‑vantaġġi tagħha, fosthom il‑ftuħ għad‑drittijiet ta’ kulħadd u x‑xewqa li ngħixu fil‑paċi minkejja d‑differenzi. Fil‑kultura tagħna, għadna qed nitħabtu biex ngħixu separazzjoni sana bejn Knisja u stat, fejn dak li hu sekulari u dak li hu reliġjuż jistgħu jeżistu flimkien u anke jħallu wisa’ għal xulxin biex jiżviluppaw għall‑ġid ta’ kulħadd. Imma hemm ukoll sinjali pożittivi f’dan ir‑rigward.

Għaldaqstant, il‑qalba tal‑ansjetà spiritwali tista’ tkun iktar fil‑fond.

Hu minnu li s‑sekulariżmu, minnu nnifsu, ma jħallix wisa’ fil‑kuxjenza tan‑nies għax‑xewqa ta’ dak li hu traxxendentali u jfittex b’mod radikali li jpoġġi l‑bniedem fiċ‑ċentru tar‑realtà nnifisha. Imma iktar serju mit‑theddida tas‑sekulariżmu huwa meta dak li hu “profan” jieħu bixra reliġjuża jew meta s‑“sagru” jiġi kkummerċjalizzat. Fil‑qalb tagħna, dak li hu tassew reliġjuż jixxekkel minn idolatrija li tipparalizza ruħ il‑bniedem. U dan jista’ jwassal biex il‑“konvinzjonijiet” personali tagħna jieħdu post argument razzjonali; il‑“preferenzi personali” tagħna jitgħallew għal “xewqat fundamentali”; u, għall‑kuntrarju, dak li hu “traxxendenti” jsir biss kwistjoni ta’ “etika” jew sempliċiment “għażla waħda fost ħafna oħrajn.”

Hu minħabba f’hekk li l‑kunflitti kulturali qegħdin dejjem jikbru, bir‑riskju li d‑differenzi kbar fit‑tifsira li nagħtu lir‑realtà jsiru ġerħa fonda fost il‑poplu tagħna, għax ma jirnexxilniex nibnu narrattiva komuni “miftuħa” u nibqgħu Poplu maqsum.