3. Il-Poplu Wieħed u Qaddis ta’ Alla f’Malta: artna, ġrajjietna, l-espressjoni tagħna tal-fidi

“Aħna konna nittamaw li hu kien dak li kellu jifdi lil Iżrael” (Lq 24:21)

Il‑ħajja Nisranija tieħu l‑forma tagħha mis‑salib. Fil‑ħajja tagħna ta’ kuljum, aħna nterrqu b’mod orizzontali, immorru mid‑dar għax‑xogħol, mill‑iskola għall‑postijiet ta’ divertiment, mill‑knejjes tagħna għall‑periferiji, u wkoll fl‑ispazji diġitali. U dan il‑vjaġġ nagħmluh konxji li l‑istorja tal‑fidi tagħna, mgħoddija lilna minn missirijietna, tiftaħ il‑ħajja tagħna ’l fuq b’mod vertikali għat‑tama tat‑Tieni Miġja. “Iż‑żmien hu aqwa mill‑ispazju” (Evangelii gaudium, 222‑225) għax iż‑żmien jgħaqqad kull mument tal‑eżistenza maħluqa tagħna mal‑aħħar taż‑żmien. Imma din l‑eżistenza trid tingħex f’komunità għax Alla hu Komunjoni; din il‑“ħajja” mogħtija ssib il‑milja tagħha fl‑esperjenza ta’ Knisja, fejn niġu trasformati f’Poplu Qaddis ta’ Alla miġbur fl‑imħabba tal‑Ispirtu s‑Santu u fil‑ferħ tal‑ewwel kerygma. L‑universalità tal‑Knisja tinbena minn dawn il‑ħafna espressjonijiet uniċi tal‑“Poplu Qaddis ta’ Alla” f’kulturi differenti.

Il‑Kattoliċità hija x‑xhieda ta’ kull wieħed mill‑“popli” differenti li flimkien jirriflettu s‑sbuħija tal‑għaġeb tas‑salvazzjoni u d‑divinizzazzjoni mwiegħda minn Alla lil kull bniedem.

“Kif dan il‑ħobż maqsum kien imxerred fuq l‑għoljiet u mbagħad inġabar u sar ħaġa waħda, ħa tkun miġbura wkoll il‑Knisja tiegħek minn truf l‑art fis‑Saltna tiegħek” (Didache 9.4).

Dak li jagħmel uniku lil kull poplu jidher fil‑kultura partikolari tiegħu. Għax hi dak “is‑sħiħ li hu ikbar mill‑ġabra tal‑partijiet flimkien” (Evangelii gaudium,  234‑237) u li jirrifletti l‑ispirtu ta’ poplu, il‑kultura hija dik il‑ħamrija għammiela li fiha x‑xhieda għall‑Aħbar it‑Tajba ta’ poplu partikolari tikber u tagħti l‑frott.

Hemm tliet aspetti li jibnu “poplu” fi knisja vera, “Poplu Qaddis ta’ Alla” uniku: l‑art, l‑istorja, l‑espressjoni tal‑fidi. Dawn ifakkruna li:

  • jeħtieġ li nfittxu r‑rikonċiljazzjoni—li nsewwu t‑tiċrit tal‑passat, ta’ bejnietna, mal‑bqija tal‑ħolqien u, fuq kollox, ma’ Alla;
  • ninvestu fil‑formazzjoni tad‑dixxipli kollha msejħa biex iħarsu u jibnu kultura ta’ ħajja, bħala x‑xhieda ta’ Kristu li ta ħajtu għad‑dinja;
  • bħal Marija, irridu ndawru l‑ħarsa tagħna lejn il‑Missier biex irroddulu ħajr u nikkontemplaw bla heda l‑ħniena li wera magħna bħala l‑Poplu tiegħu.
  • Hekk biss nistgħu nilqgħu l‑missjoni tagħna bħala l‑ġisem ta’ Kristu fi gżiritna.

Fl‑enċiklika tiegħu Laudato si’, il‑Papa Franġisku jsejjaħ għal “konverżjoni ekoloġika,” fejn ir‑relazzjonijiet ġusti bejn il‑membri kollha tas‑soċjetà—jiġifieri, kif jingħaqdu flimkien biex jibnu “ċ‑ċiviltà tal‑imħabba”—jidhru wkoll fir‑responsabbiltà sħiħa lejn id‑dinja u l‑ambjent naturali. Ir‑regħba mhux biss taħtaf minn dak li hu ta’ ħaddieħor, imma fl‑aħħar mill‑aħħar tħarbat u tisraq mill‑pjaneta stess. Ir‑regħba teqred ir‑relazzjonijiet ekonomiċi, soċjali u politiċi. U tispiċċa wkoll biex teqred lill‑bnedmin stess għax qatgħu kull rabta mal‑“omm”—l‑art, il‑baħar, l‑arja—li tagħtihom il‑ħajja.

Meta jitgħallmu japprezzaw kif kollox hu marbut flimkien—kif l‑identità unika ta’ poplu tissawwar permezz tar‑realtà kulturali u soċjali partikolari li fiha titnissel—il‑bnedmin imbagħad isiru verament sensittivi għall‑mod kif Alla jiltaqa’ magħhom fir‑realtà partikolari tagħhom. Bħala Ħallieq, Feddej u Sostenitur, Alla jħeġġiġhom għall‑konverżjoni personali biex isiru poplu li jibnu n‑nazzjon tagħhom u jikkontribwixxu għall‑fejqan tal‑ambjent sħiħ.

L‑istorja tal‑poplu, magħmula minn ħafna ġenerazzjonijiet li għaddew lil ta’ warajhom l‑għerf u l‑kisbiet li għamlu, imma wkoll id‑dgħufija, it‑trawmi mhux solvuti u l‑ħolm maqtugħ ħesrem tagħhom.

Kull ġenerazzjoni għandha d‑dmir mhux biss li tnissel u trabbi ’l uliedha, imma wkoll tikkoreġi l‑iżbalji tal‑passat, twassal fi tmiemu dak li ma temmewx il‑ġenituri tagħhom, u twettaq it‑tamiet u l‑ħolm tagħhom. L‑istorja tiffurmana mhux biss fil‑ġisem tagħna—aħna nġorru l‑ġenetika ta’ dawk li ġew qabilna—imma wkoll issawwar ir‑ruħ kollettiva tagħna, aħna u nġorru l‑fdalijiet ta’ ġrajjiet li ffurmaw il‑ħajjiet ta’ missirijietna u li jeħtieġ li ngħadduhom lill‑ġenerazzjonijiet ta’ warajna.

Wara kollox, l‑istorja hi l‑preżenza tal‑mejtin, ta’ dawk li ħallewna, fost il‑ħajjin, magħna li għadna fiċ‑ċans li nbiddlu għada. Fit‑tradizzjoni Nisranija tagħna, nitkellmu dwar dawk l‑erwieħ li nitolbu għat‑tisfija tagħhom sabiex ikunu jistgħu jiltaqgħu ma’ Alla wiċċ imb wiċċ; nitkellmu dwar il‑qaddisin li nqimu u li b’umiltà nitolbu l‑interċessjoni tagħhom. Fuq kollox, nitkellmu dwar ix‑“xirka tal‑qaddisin,” il‑Knisja ħajja, li tqim flimkien mhux biss fl‑ispazju, imma wkoll matul iż‑żminijiet u fl‑eternità.

Li nkunu ankrati fl‑istorja tagħna ma jfissirx li nkunu nostalġiċi għall‑imgħoddi; imma jfisser li għandna nilqgħu dawn il‑ġrajjiet, ngħarblu l‑emozzjonijiet tagħhom u nitgħallmu minnhom biex inkunu nistgħu ngħixu flimkien b’responsabbiltà fil‑preżent. Meta ninjoraw il‑passat jew nippretendu li qatt ma seħħ, insibu ruħna mjassra għax dak li naħarbu milli nagħmluh tagħna xorta waħda jkollu effett inkonxju fuqna, hekk li jispiċċa biex jisirqilna l‑libertà.

Din id‑dinamika mkien iktar ma tidher daqshekk ċar daqskemm meta nintilfu nippuntaw subgħajna lejn xulxin, inwaddbu l‑ġebel lil xulxin u ninqabdu f’ċikli ta’ vjolenza u tkissir reċiproku. Dawn iċ‑ċikli ma jinkisrux jekk ninjoraw id‑differenzi, imma billi naffrontawhom flimkien permezz tad‑djalogu, il‑fejqan u r‑rikonċiljazzjoni.

Kull Poplu ta’ Alla jingħaraf tassew bħala Knisja mill‑qima li jagħti.

Id‑devozzjoni popolari, bħala espressjoni tat‑talba spontanja tal‑poplu minquxa fil‑memorja għax ħierġa mir‑realtajiet mgħixa, turina l‑aspett l‑iktar intimu tar‑relazzjoni ma’ Alla. It‑talb li joħroġ b’mod spontanju u naturali mill‑kultura huwa espressjoni għanja ta’ kif Alla jiltaqa’ mal‑poplu, f’mumenti partikolari ta’ bżonn fejn il‑ġemgħa tesperjenza b’mod qawwi l‑ħniena divina fil‑vjaġġ ekkleżjali tagħha, li jsaħħaħ il‑fidi u t‑tama tal‑Poplu ta’ Alla. Sew jekk tifħir jew krib, sew jekk talba ta’ petizzjoni jew ta’ radd il‑ħajr, l‑espressjonijiet popolari tal‑fidi, għax huma eku tal‑istorja tas‑salvazzjoni, jistgħu juru li l‑komunità tassew qed tkun Knisja: il‑Poplu Qaddis magħżul minn Alla.

Imma meta jkunu maqtugħin mill‑memorja ħajja tal‑Knisja kollha kif insibuha fl‑Iskrittura u t‑Tradizzjoni—jiġifieri, meta espressjonijiet popolari lokali jsiru “tradizzjonijiet” battala li jipperpetwaw il‑pika jew jaqdu lis‑suq iktar milli lil Alla—it‑talb tal‑Poplu mhux biss jiftaqar, imma l‑“ġisem” stess jitfarrak. Meta t‑talb u l‑liturġija jispiċċaw biss ritwali vojta, jew meta naħa tirbaħ fuq oħra, u anke meta t‑tfittxija għall‑pjaċir tieħu post id‑devozzjoni, il‑Knisja tispiċċa tiċħad lilha nnifisha. Għalhekk jeħtieġ li nerġgħu niskopru l‑għeruq spiritwali tagħna—il‑memorja ta’ missirijietna bħala l‑“Poplu Qaddis u wieħed ta’ Alla.”