4. Il-Pedagoġija ta’ Kristu f’Għemmaws: l-attitudnijiet pastorali tal-Poplu Qaddis ta’ Alla

Ġesù nnifsu resaq lejhom u baqa’ miexi magħhom (Lq 24, 15)

U beda minn Mosè u l‑Profeti kollha jfissrilhom kulma kien hemm fl‑Iskrittura fuqu (Lq 24, 27)

Bħalma jiġri lil popli oħra, artna, l‑istorja tagħna, il‑qima u l‑missjoni tagħna huma dejjem mhedda mill‑perikli tal‑kilba, tal‑firda u tal‑kburija. Bid‑doni tal‑fejqan u l‑fidwa li jagħtina Kristu, jeħtieġ li nħarsu sewwa lejn dak li qed jhedded it‑tessut kulturali tagħna llum u nitħabtu biex nibnu (mill‑ġdid) dar u ġrajja waħda, immarkata bix‑xewqa għat‑traxxendenza.

Bil‑ħarsa tagħha msammra fuq Kristu, l‑Imgħallem Veru tagħha, il‑Knisja titgħallem dawk l‑attitudnijiet li jagħmlu l‑kultura tagħna iktar awtentika u umana.

Mir‑rakkont ta’ Għemmaws joħorġu erba’ attitudnijiet pastorali li jisfidawna biex nitgħallmu kif inkunu Poplu ta’ kontemplazzjoni, rikonċiljazzjoni, formazzjoni u missjoni fi żminijietna:

Il‑Papa Franġisku jisħaq fuq l‑importanza ta’ Knisja li tisma’. L‑ewwel u qabel kollox, “jeħtieġ nitrawmu kontinwament fis‑smigħ tal‑Kelma” (Evangelii gaudium, 174) biex tassew insiru l‑Ġemgħa Qaddisa ta’ Alla.

“Fil‑bidu kien il‑Verb, u l‑Verb kien ma’ Alla, u l‑Verb kien Alla.

Hu kien fil‑bidu ma’ Alla.

Kollox bih sar, u xejn ma sar mingħajru;

kulma sar kellu l‑ħajja fih, u l‑ħajja kienet id‑dawl tal‑bnedmin.

Id‑dawl jiddi fid‑dlam, imma d‑dlam ma għelbux.

Kien fid‑dinja, u d‑dinja saret bih, imma d‑dinja ma għarfitux.

Ġie f’daru, u niesu ma laqgħuhx.

Imma lil dawk li laqgħuh tahom is‑setgħa li jsiru wlied Alla, dawk li jemmnu f’ismu,

li twieldu mhux mid‑demm, anqas mill‑ġibda tal‑ġisem, u anqas mir‑rieda tal‑bniedem, iżda minn Alla.

U l‑Verb sar bniedem u għammar fostna, u aħna rajna l‑glorja tiegħu,

il‑glorja li għandu mill‑Missier bħala Ibnu l‑waħdieni, mimli bil‑grazzja u l‑verità.

Għax mill‑milja tiegħu aħna lkoll ħadna, grazzja fuq grazzja.

Alla ta l‑Liġi permezz ta’ Mosè imma l‑grazzja u l‑verità seħħew permezz ta’ Ġesù Kristu.

Lil Alla għadu ħadd ma rah; imma għarrafhulna l‑Iben il‑waħdieni ta’ Alla, li hu fi ħdan il‑Missier.”

(Ġw 1:1–5,10–14,16–18)

“Is‑smigħ” jiftaħna għal dak li Alla jrid jgħid lilna, il‑Poplu tiegħu, fl‑istorja tas‑salvazzjoni. L‑ewwel, Hu tkellem “permezz tal‑profeti,” magħżula u midluka biex ikunu ħabbara tiegħu; imma f’dan l‑aħħar żmien, hu bagħat lil ibnu l‑waħdieni, il‑Verb magħmul bniedem, biex jgħammar fostna. U l‑Ispirtu tal‑Verità, li għadu fid‑dinja, ikompli jagħti xhieda għal Kristu u jfarraġ lill‑Knisja tiegħu.

Fl‑Iskrittura, nisimgħu l‑Kelma ta’ Alla li tidwi fl‑istorja tad‑dinja u fil‑qlub ta’ dawk li jixtiequ jkunu wlied Alla tassew; għax “jagħrfuh” bħala l‑Ħallieq. Jekk ma niqfux naħsbu fuq il‑Kelma ta’ Alla fl‑Iskrittura; jekk ma niġux iffurmati f’xebh ma’ Kristu billi nfittxu li niltaqgħu miegħu fl‑istejjer konkreti tal‑Evanġelju, widnejna jittarrxu, għajnejna jingħalqu u qalbna tibbies għal dik il‑grazzja li Alla jixtieq iferra’ fina. Mingħajr il‑Kelma ħajja ta’ Alla, ninxfu u mmutu.

Imma qalbhom kienet taqbad ġewwa fihom meta l‑Mulej Irxoxt fetaħ l‑Iskrittura lid‑dixxipli ta’ Għemmaws. L‑Iskrittura trattab l‑ebusija ta’ qalbna, tiftaħna għall‑Ieħor u għal dawk li Alla ħabbhom sa mill‑bidu.

Meta tiltaqa’ mal‑Kelma, qalbna tinfetaħ u toħroġ ’il barra minnha nfisha. Li noħolqu spazju għal persuni oħrajn bl‑individwalità tagħhom ifisser li nilqgħuhom u nidħlu fiż‑żarbun tagħhom, bħalma Kristu Rxoxt mexa mad‑dixxipli qalbhom maqtugħa. In‑Nisrani, għax hu dixxiplu tal‑Verb magħmul bniedem, hu ffurmat biex ikun attent għall‑oħrajn u, allura, biex jismagħhom.

“Għandna bżonn nitħarrġu fl‑arti tas‑smigħ, li hi iktar milli sempliċi tisma’ b’widnejk. L‑ewwel ħaġa, fil‑komunikazzjoni mal‑oħrajn, hi l‑ħila tal‑qalb li tersaq qrib ta’ ħaddieħor, li mingħajrha ma teżisti l‑ebda laqgħa spiritwali vera. Is‑smigħ jgħinna nagħrfu liema hu l‑ġest jew il‑kelma t‑tajba li tħarrikna mill‑qagħda trankwilla ta’ spettaturi.” (Evangelii gaudium, 171).

Is‑smigħ huwa l‑attitudni li biha wieħed jew waħda jpoġġu lilhom infushom b’mod sħiħ għad‑dispożizzjoni tal‑oħrajn; fejn l‑enerġija u l‑attenzjoni kollha tiegħu jew tagħha tingħata lill‑ieħor jew lill‑oħra. Li tisma’ jfisser li toħloq spazju fik innifsek fejn il‑persuna l‑oħra tħossha fiż‑żgur, tħossha milqugħa kif inhi u, allura, tħossha maħbuba.

Knisja li tisma’ hija Poplu magħqud għax ħoloq spazju komuni fejn ilkoll jistgħu jsiru jafu lil xulxin: “jiena nagħraf in‑nagħaġ tiegħi, u n‑nagħaġ tiegħi jagħrfu lili, bħalma l‑Missier jagħraf lili u jiena nagħraf lill‑Missier” (Ġw 10:14b–15a). Imma l‑Knisja li tisma’ anke fejn hemm il‑firda—b’mod speċjali ma’ dawk li jħossuhom barra l‑merħla—twettaq fil‑prattika dak li Kristu talab mill‑ħbieb tiegħu: “Għandi wkoll nagħaġ oħra, li mhumiex minn dan il‑maqjel; lilhom ukoll jeħtieġ li niġbor, u huma jisimgħu leħni, u jkun hemm merħla waħda, ragħaj wieħed” (Ġw 10:16).

Il‑bini ta’ pontijiet permezz tad‑djalogu jibni ġemgħa li titkejjel mhux b’simboli jew sinjali viżibbli ta’ appartenenza imma bix‑xewqa għal spirtu reċiproku ta’ ħbiberija u kollaborazzjoni. Il‑frott ta’ attitudni ta’ smigħ min‑naħa tal‑Knisja jikber u jissaħħaħ fit‑talb flimkien, li jistedinna għal dixxerniment u kontemplazzjoni iktar profondi.

Fir‑rakkont ta’ Għemmaws, Kristu “jiftaħ għajnejn” id‑dixxipli hekk kif kienu lesti li joħorġu mill‑fosdqa tan‑niket tagħhom u jagħrfu lill‑“ieħor”. Li tilqa’ jfisser li ddawwar il‑ħarsa tiegħek ’il barra minnek innifsek biex tassew tara lill‑ieħor jew oħra kif inhuma—anke jekk l‑għarfien tad‑differenza jgħinna napprezzaw kemm wara kollox, kollha nixxiebhu u saħansitra aħna l‑istess. Dak il‑ħin li nieħdu r‑riskju li niftħu selħa fis‑swar tagħna u noħorġu minna nfusna biex nibnu relazzjonijiet, hemmhekk niskopru min verament aħna. Il‑frott ta’ din l‑attitudni huwa r‑rikonċiljazzoni vera.

Għalhekk, jikteb il‑Papa Franġisku, “il‑Knisja trid tkun il‑post tal‑ħniena mogħtija b’xejn, fejn kulħadd jista’ jħossu milqugħ, maħbub, maħfur u mħeġġeġ jgħix skont il‑ħajja tajba tal‑Evanġelju” (Evangelii gaudium, 114).

Poplu li hu lest jilqa’ lill‑oħrajn isir iktar kunfidenti bid‑doni uniċi tiegħu—paradossalment, proprju fil‑ġest stess li jaqsam dawn id‑doni mal‑oħrajn. B’dawn il‑ġesti konkreti li jikxfu x‑xewqa tagħna li nibnu ħbiberija ma’ persuni ta’ twemmin differenti, ma’ dawk li mhumiex Maltin, u anke ma’ ħutna li minħabba l‑weġgħat tal‑passat, il‑piki jew sempliċiment il‑fehmiet u l‑opinjonijiet differenti tgħallimna ma nafdawhomx, il‑Knisja Maltija ssir bħal “ħobż li jinqasam” u hekk tiskopri mill‑ġdid is‑sejħa oriġinali tagħha kif imfissra f’Atti 28, jiġifieri li taqsam l‑Aħbar it‑Tajba billi taqdi lil kulħadd, bla ebda distinzjoni.

Li nkunu poplu “Malti” magħqud bid‑differenzi kollha huwa proċess kontinwu li fih nikbru u nkabbru ’l xulxin ukoll jekk dan iġib miegħu tbatija. In‑natura dejjem tfittex il‑bilanċ—anke meta dan il‑bilanċ jimplika li jiġi pperpetwat ħażen sistemiku u strutturi li ma jiffunzjonawx, li jikkontrollaw iċ‑ċikli ta’ vjolenza iktar milli jsolvuhom. Il‑fejqan ta’ preġudizzji b’għeruq qodma—sabiex “strutturi ta’ dnub” isiru “strutturi ta’ grazzja”—jitlob li ngħaddu minn żminijiet diffiċli ta’ tisfija. L‑akkumpanjament ifisser li jkollna r‑rieda li nbatu flimkien biex ħaddieħor isir aħjar. Ifisser li nkunu lesti li naffrontaw il‑burraxka għax nafu li mingħajrha qatt m’aħna ser naslu għall‑paċi dejjiema.

Il‑Knisja li takkumpanja tgħix mill‑ġdid is‑sagrifiċċju tas‑salib, fejn il‑vittma bla ħtija rebaħ fuq il‑mewt billi ħalla d‑dalma taqa’ fuq wiċċ l‑art kollha. Kien proprju bl‑inżul tiegħu fid‑dlamijiet li Bin il‑bniedem seta’ jeħles lil Adam u lill‑umanità kollha minn art l‑imwiet. Bħalma jgħid Ġesù stess, “Nar ġejt inqiegħed fuq l‑art, u kemm nixtieq li diġà qabad! Iżda hemm magħmudija li biha għandi nitgħammed, u x’diqa għandi sa ma dan iseħħ!” (Lk 12:49–50).

L‑akkumpanjament jitlob il‑kuraġġ li timxi ma’ persuna oħra tul it‑triq perikoluża imma meħtieġa li twassal mill‑mewt għat‑twelid mill‑ġdid. Fil‑Knisja tal‑bidu, dan kien iseħħ fil‑katekumenat tal‑adulti, fejn il‑katekist, megħjun mill‑komunità kollha, kien jimita lil Kristu l‑Għalliem billi jakkumpanja l‑katekumenu fil‑passaġġ tiegħu mill‑mewt għalih innifsu għall‑qawmien ma’ Kristu fil‑magħmudija. Din l‑esperjenza kienet ukoll tingħex permezz ta’ għemejjel komunitarji ta’ penitenza u tisfija li influwenzaw ix‑xewqa kontinwa tal‑Knisja biex tkun iktar safja u qaddisa.

“Il‑Knisja jeħtieġ tlaqqa’ lill‑membri tagħha—saċerdoti, reliġjużi u lajċi—ma’ din l‑‘arti tal‑akkumpanjament,’ biex ilkoll jitgħallmu dejjem jinżgħu l‑qorq quddiem l‑art qaddisa tal‑persuna l‑oħra (ara Eż 3:5). Jeħtieġ li l‑mixja tagħna nagħtuha ritmu b’saħħtu li jqegħidha qrib tal‑oħrajn, b’ħarsa mimlija rispett u ħniena imma li fl‑istess ħin ikollha l‑ħila tfejjaq, teħles u tħeġġeġ il‑maturità fil‑ħajja Nisranija” (Evangelii gaudium, 169). Dan hu li l‑Knisja hi msejħa toffri lin‑nies, b’sensittività u rispett sħiħ. “Bla nnaqqsu xejn mill‑valur tal‑ideal tal‑Evanġelju, jeħtieġ nakkumpanjaw bil‑ħniena u s‑sabar il‑passi ta’ maturità tal‑persuni li huma jibnu jum wara l‑ieħor.” (Evangelii gaudium, 44).

Dan il‑passaġġ mis‑salib għall‑qawmien, mill‑mewt għal twelid mill‑ġdid, mill‑ħajja l‑qadima għall‑ħajja l‑ġdida, bħala Nsara ngħixuh ukoll fil‑ħajja tagħna permezz tal‑formazzjoni kontinwa u fis‑sagramenti, b’mod speċjali l‑Ewkaristija, “għajn u quċċata” tal‑ħajja Nisranija.

Sal‑aħħar taż‑żminijiet, il‑missjoni tal‑Knisja li xxandar l‑Aħbar it‑Tajba tas‑salvazzjoni u tpoġġiha fil‑prattika għax tkun lesta li tilqa’, tisma’ u takkumpanja tibqa’ għaddejja. Kif jistqarr il‑Papa Franġisku: “Noħlom li nagħmlu għażla missjunarja li kapaċi tibdel kull ħaġa, biex hekk id‑drawwiet, l‑istili, il‑ħinijiet, il‑lingwaġġ u kull struttura ekkleżjali jsiru kanal tajjeb għall‑evanġelizzazzjoni tad‑dinja tal‑lum, iktar milli għall‑awtopreservazzjoni” (Evangelii gaudium, 27).

Din il‑missjoni tieħu lid‑dixxipli missjunarji sa truf l‑art (Mk 16:15; Atti 1:8): għax hu fil‑periferiji minsijin, fil‑postijiet tat‑tbatija, li Kristu jagħżel l‑ewwel biex jiltaqa’ mal‑bniedem. “L‑għażla favur il‑foqra” tal‑Knisja hija eku tal‑missjoni ta’ Ġesù: “It‑tabib ma jeħtiġuhx dawk li huma f’saħħithom, iżda l‑morda. Mhux il‑ġusti ġejt insejjaħ, iżda l‑midinbin” (Mk 2:17). Għalhekk, kif jinsisti l‑Papa Franġisku, hu mill‑periferiji li l‑Knisja tissaħħaħ u ssir iktar għanja. Il‑foqra huma d‑demm u l‑ilma tal‑Knisja għax il‑fidi tagħhom hija l‑iktar soda u profonda.

Il‑Poplu ta’ Alla f’Malta jeħtieġ li jfittex u jersaq qrib tal‑periferiji l‑ġodda tal‑kuntest tagħna. Hija din l‑attitudni ta’ ħruġ li tgħin lill‑Knisja tieħu r‑riskju li tmur fil‑periferiji jew fl‑ambjenti soċjo‑kulturali ġodda, li tfittex lil dawk li huma mbiegħda, u li tkun dejjem lesta tħalli “l‑kriterju pastorali komdu ta’ ‘għax dejjem hekk sar’” (Evangelii gaudium, 33).

Forsi wkoll il‑periferiji tagħna litteralment qed jilħquna fuq xtutna, bħalma għamlu matul l‑istorja kollha tagħna. Jew forsi qed jispuntaw fostna, fost il‑ġirien tagħna, u li nibqgħu ma nindunawx bihom għax dejjem mgħaġġlin, medhijin infittxu l‑għana, l‑istatus jew l‑aħħar moda u stil ta’ ħajja. Il‑Knisja Maltija qed tintbagħat għand dawk li donnhom ma jidhrux, dawk li sfaw mormija minn ekonomija teknokratika u l‑vanaglorja umana.