“Aħna konna nittamaw li hu kien dak li kellu jifdi lil Iżrael” (Lq 24:21)
Il‑ħajja Nisranija tieħu l‑forma tagħha mis‑salib. Fil‑ħajja tagħna ta’ kuljum, aħna nterrqu b’mod orizzontali, immorru mid‑dar għax‑xogħol, mill‑iskola għall‑postijiet ta’ divertiment, mill‑knejjes tagħna għall‑periferiji, u wkoll fl‑ispazji diġitali. U dan il‑vjaġġ nagħmluh konxji li l‑istorja tal‑fidi tagħna, mgħoddija lilna minn missirijietna, tiftaħ il‑ħajja tagħna ’l fuq b’mod vertikali għat‑tama tat‑Tieni Miġja. “Iż‑żmien hu aqwa mill‑ispazju” (Evangelii gaudium, 222‑225) għax iż‑żmien jgħaqqad kull mument tal‑eżistenza maħluqa tagħna mal‑aħħar taż‑żmien. Imma din l‑eżistenza trid tingħex f’komunità għax Alla hu Komunjoni; din il‑“ħajja” mogħtija ssib il‑milja tagħha fl‑esperjenza ta’ Knisja, fejn niġu trasformati f’Poplu Qaddis ta’ Alla miġbur fl‑imħabba tal‑Ispirtu s‑Santu u fil‑ferħ tal‑ewwel kerygma. L‑universalità tal‑Knisja tinbena minn dawn il‑ħafna espressjonijiet uniċi tal‑“Poplu Qaddis ta’ Alla” f’kulturi differenti.
Il‑Kattoliċità hija x‑xhieda ta’ kull wieħed mill‑“popli” differenti li flimkien jirriflettu s‑sbuħija tal‑għaġeb tas‑salvazzjoni u d‑divinizzazzjoni mwiegħda minn Alla lil kull bniedem.
“Kif dan il‑ħobż maqsum kien imxerred fuq l‑għoljiet u mbagħad inġabar u sar ħaġa waħda, ħa tkun miġbura wkoll il‑Knisja tiegħek minn truf l‑art fis‑Saltna tiegħek” (Didache 9.4).
Dak li jagħmel uniku lil kull poplu jidher fil‑kultura partikolari tiegħu. Għax hi dak “is‑sħiħ li hu ikbar mill‑ġabra tal‑partijiet flimkien” (Evangelii gaudium, 234‑237) u li jirrifletti l‑ispirtu ta’ poplu, il‑kultura hija dik il‑ħamrija għammiela li fiha x‑xhieda għall‑Aħbar it‑Tajba ta’ poplu partikolari tikber u tagħti l‑frott.
Hemm tliet aspetti li jibnu “poplu” fi knisja vera, “Poplu Qaddis ta’ Alla” uniku: l‑art, l‑istorja, l‑espressjoni tal‑fidi. Dawn ifakkruna li:
- jeħtieġ li nfittxu r‑rikonċiljazzjoni—li nsewwu t‑tiċrit tal‑passat, ta’ bejnietna, mal‑bqija tal‑ħolqien u, fuq kollox, ma’ Alla;
- ninvestu fil‑formazzjoni tad‑dixxipli kollha msejħa biex iħarsu u jibnu kultura ta’ ħajja, bħala x‑xhieda ta’ Kristu li ta ħajtu għad‑dinja;
- bħal Marija, irridu ndawru l‑ħarsa tagħna lejn il‑Missier biex irroddulu ħajr u nikkontemplaw bla heda l‑ħniena li wera magħna bħala l‑Poplu tiegħu.
- Hekk biss nistgħu nilqgħu l‑missjoni tagħna bħala l‑ġisem ta’ Kristu fi gżiritna.