6. L-art fejn qed jintbagħat il-“Poplu ta’ Alla”

Huma wkoll tgħarrfulhom x’kien ġralhom fit‑triq, u kif kienu għarfuh fil‑qsim tal‑ħobż (Lq 24:35)

Nistgħu tassew insiru l‑Poplu Qaddis ta’ Alla magħqud ħaġa waħda bil‑qawwa tad‑Difensur (Parakletos) u l‑Għalliem waħdieni biss jekk inkunu attenti għalfejn l‑Ispirtu s‑Santu jixtieq iwelled u jżomm ħaj il‑“ġisem ta’ Kristu” f’nofsna.

Hemm sitt spazji distinti fis‑soċjetà Maltija tal‑lum fejn il‑Knisja trid tiddixxerni liema prattiċi ser jagħtu l‑aħjar xhieda tar‑rikonċiljazzjoni, formazzjoni u kontemplazzjoni ta’ Kristu billi fil‑konkret tfittex li tilqa’, tisma’ u takkumpanja:

L‑ispazju privileġġat fejn Kristu jixtieq jiltaqa’ mal‑magħżulin tiegħu u joffrilhom ħajja ġdida, hu proprju fil‑vulnerabbiltà tagħhom, qalb it‑tbatija tagħhom. Għalhekk, il‑missjoni tad‑dixxipli li jagħtu xhieda trid titwettaq l‑ewwel u qabel kollox “fl‑isptar fil‑kamp wara l‑battalja” għax hemmhekk hemm l‑ikbar xewqa umana għal Alla li jsalva.

Imma f’art fejn naħsbu li nafu kollox fuq kulħadd, mhux dejjem ikun ċar fejn qegħdin il‑“periferiji” u dawk li qed ibatu. Il‑foqra huma dejjem fostna u nistgħu wkoll nidentifikawhom: immigranti trawmatizzati minn vjaġġi perikolużi; dawk li m’għandhomx saqaf fuq rashom jew jgħixu f’kundizzjonijiet diżumani; nies bi problemi ta’ dipendenza jew ta’ saħħa fiżika u mentali; l‑anzjani u l‑familji b’ġenitur wieħed; tfal u żgħażagħ qalbhom maqtugħa dwar il‑futur.

Imma kultant lanqas dawn il‑kategoriji sterjotipati ta’ min huma “l‑foqra” ma jkunu biżżejjed għax hemm ukoll tbatija moħbija fejn l‑inqas tistennieha. U nistgħu nsiru “għomja” jew “indifferenti” għal dak li drajna naraw: l‑anzjani jitħabtu mas‑solitudni; dawk li qed jibku t‑telfa ta’ xi ħadd għażiż għalihom; tfal li qed jiġu traskurati u abbandunati emozzjonalment; il‑ġar li qed isofri minn abbuż fuq il‑post tax‑xogħol; familja maqbuda f’kunflitt matrimonjali; ommijiet waħedhom mingħajr sapport; il‑vittmi ta’ abbuż domestiku; il‑kollega maħkum mill‑ansjetà; sħabek li qed jieħdu ħsieb membru marid tal‑familja tagħhom.

Ir‑responsabbiltà ewlenija tal‑Knisja hija li tkun b’għajnejha u widnejha miftuħa għall‑krib ġej mill‑periferiji. B’hekk nistgħu tassew inkunu attenti u nwieġbu għal ħtiġijiet ta’ dawk fostna li huma miġruħin—hi kemm hi moħbija t‑tbatija tagħhom.

Ma jistax ikun hemm soċjetà mingħajr dawk l‑ispazji fejn in‑nies jiltaqgħu biex jistrieħu mix‑xogħol tagħhom ta’ kuljum; jiddjalogaw dwar interessi komuni; jaqsmu l‑ideat; irawmu spirtu kreattiv u intraprenditorjali; jikkollaboraw fi proġetti komuni; u jibnu futur aħjar flimkien. Soċjetà b’saħħitha tista’ tiffjorixxi meta kulħadd, b’mod speċjali ż‑żgħażagħ u t‑tfal—u anke bejn ġenerazzjonijiet differenti—jistgħu joħolmu flimkien, jibnu stejjer flimkien, u jinsġu identità komuni permezz tal‑ispirtu kreattiv tagħhom. F’dawn l‑ispazji, l‑Ispirtu jixtieq jiżra’ ż‑żerriegħa li twassal għall‑frott fil‑ġejjieni.

Permezz tal‑membri kollha tagħha, il‑Knisja mhux biss jeħtieġ li tieħu sehem fid‑dibattitu pubbliku biex tikkollabora mal‑bnedmin kollha ta’ rieda tajba; imma għandha wkoll ir‑responsabbiltà li tkun hi stess spazju ta’ djalogu fejn kulħadd hu mistieden jiltaqa’ u jieħu sehem attiv fil‑ħidma politika u ekonomika biex tinbena kultura ta’ żvilupp ekoloġiku integrali.

Permezz tat‑tradizzjoni għanja tagħha fejn tidħol ir‑riflessjoni dwar il‑ġid tal‑bniedem, u r‑rabta tagħha mal‑arti u x‑xjenzi naturali u umani, il‑Knisja lokali għandha r‑responsabbiltà li tikkultiva kultura ta’ ħbiberija fil‑kuntest Malti li kulma jmur qed isir iktar imħallat b’razez u twemmin differenti.

Dan jgħodd b’mod speċjali għaż‑żgħażagħ tagħna li, bid‑dispożizzjoni naturali tagħhom li jesploraw, li jaħsbu b’modi ġodda, li jesperimentaw, li jkunu iktar ħfief biex joffru l‑id tal‑ħbiberija u allura malajr jibnu pontijiet fejn il‑persuni, mhux biss huma simbolu ta’ ħajja ġdida, imma huma wkoll tant meħtieġa għall‑bini tal‑futur tas‑soċjetà.

Istituzzjonijiet pubbliċi bħal gvern, parlament, qrati, korpi tal‑infurzar tal‑liġi u tas‑sigurtà nazzjonali, soċjetà ċivili, sistema tas‑saħħa u skejjel, dawn kollha jiffurmaw il‑ħajja tagħna flimkien u huma responsabbli għall‑ħarsien tal‑futur tagħna bħala nazzjon. Dawn l‑istituzzjonijiet pubbliċi jeħtieġ li mhux biss jippromwovu l‑ġustizzja: jeħtieġ li wkoll jidhru li huma ġusti u qed jaqdu l‑ġid komuni. Għandhom ukoll jagħtu s‑saħħa lil dawk li huma vulnerabbli u leħen lil dawk li m’għandhomx, sabiex inkunu nistgħu nibnu u nħarsu n‑narrattiva komuni ta’ dak li jagħmilna poplu wieħed li jfittex li jsawwar ħajtu flimkien fuq din id‑daqsxejn ta’ gżira msieħba fl‑Unjoni Ewropea u fil‑komunità ikbar tan‑nazzjonijiet.

It‑tkabbir sostenibbli tan‑nazzjon tagħna jiddependi fuq kemm għandna l‑ħila nikkollaboraw fit‑tul flimkien u ma’ popli oħra flok nitmexxew mill‑interessi egotistiċi tagħna tal‑mument. Jeħtieġ li l‑istituzzjonijiet kollha tagħna jedukaw favur ir‑responsabbiltà ċivili u mhux għall‑gratifikazzjoni istantanja; li jrawmu sens ta’ kooperazzjoni iktar milli kompetizzjoni; li jfittxu l‑konverżjoni ekoloġika li tagħti kas tal‑effetti ħolistiċi u reċiproċi tal‑azzjonijiet tagħna, iktar milli ninħlew naħsbu biss fuq dak li jinteressana bħalissa.

Imkien mhuwa iktar meħtieġ dan il‑proċess daqskemm fl‑ispazji fi ħdan il‑Knisja stess li jridu jrawmu spirtu tassew nisrani u jiffurmaw il‑preżenza “Kattolika” tagħna fis‑soċjetà biex inkunu “melħ tal‑art” u “dawl tad‑dinja” (Mt 5:13,14). Jekk il‑“Poplu ta’ Alla” jonqos minn din il‑missjoni fundamentali tiegħu li jkun poplu rrikonċiljat u allura xhud tal‑istil ta’ ħajja li titlob “is‑Saltna” flok dak li titlob “id‑dinja”; jekk il‑melħ tagħna jitlef it‑togħma tiegħu, “ma jibqa’ tajjeb għal xejn iżjed ħlief biex jintrema barra u jintrifes min‑nies” (Mt 5:13).

Il‑Knisja, preżenti fis‑soċjetà permezz tal‑ħafna istituzzjonijiet tagħha, tibqa’ “relevanti” daqskemm ix‑xhieda istituzzjonali “pubblika” tagħha tkun taqbel ma’ dak li jitlob l‑Evanġelju—mhux b’legaliżmu riġidu, imma bħala turija ta’ ġustizzja li tpoġġi fil‑prattika “l‑għażla preferenzjali tal‑foqra”; u turija ta’ ħniena li tazzarda timxi “l‑mil l‑ieħor” biex tilqa’ b’ġenerożità u tjieba lill‑barrani u lil min hu l‑aktar fil‑bżonn.

Permezz tal‑istituzzjonijiet tagħha, il‑Knisja għandha wkoll ir‑responsabbiltà li tifforma soċjetà li tfittex il‑ġid komuni b’mod oġġettiv—mhux billi timponi l‑viżjoni tagħha tat‑tajjeb fuq l‑oħrajn, imma bil‑“ferħ tal‑Evanġelju” li minnu nnifsu għandu l‑qawwa li jikkonvinċi. Din l‑esperjenza ta’ ferħ toħroġ l‑iktar fl‑espressjoni pubblika tal‑fidi tagħna li, filwaqt li tfakkar fl‑għeruq “Kattoliċi” tal‑kultura Maltija, fl‑istess ħin ma tħalli lil ħadd barra anzi tħeġġeġ lil kulħadd għal għixien iktar profond u flimkien tal‑esperjenza umana.

Min aħna jidher l‑iktar fir‑relazzjonijiet l‑iktar intimi tagħna. Id‑djar tagħna huma l‑iskejjel l‑iktar fundamentali biex insiru persuni‑f’relazzjoni li jistgħu jaslu li jafdaw lil xulxin, jikkollaboraw fi proġett komuni, imma wkoll li jsolvu dawk il‑kunflitti li ma jistgħux jiġu evitati, u, fuq kollox, li jaħfru l‑ġrieħi u d‑diżappunti li jikkawżaw lil xulxin. L‑ispazji domestiċi jisfaxxaw jekk il‑membri tagħhom ma jipprattikawx ir‑rikonċiljazzjoni bħala parti minn dak il‑proċess li jrawwem il‑ġenerazzjoni li jmiss. Barra minn hekk, il‑maħfra—li hi meħtieġa għall‑fejqan personali u komunitarju—hija possibbli biss bil‑grazzja ta’ Alla. Għalhekk, l‑ispazji domestiċi tagħna huma l‑kejl tar‑reżiljenza tan‑nazzjon tagħna u wkoll tal‑awtentiċità tax‑xhieda li nagħtu bħala “Poplu ta’ Alla” li jirrikonċilja, jifforma u jista’ jieħu sehem fil‑ħniena ta’ Alla li ssalva.

In‑natura sagramentali taż‑żwieġ li jorbot flimkien żewġ dixxipli, u li fuqu tinbena l‑Knisja tad‑dar, irid ilaqqamna kontra l‑ħafna pressjonijiet li jagħfsu fuq il‑ħajja tal‑familja u r‑relazzjonijiet personali f’Malta llum. Imma anke ż‑żwieġ irid jingħex b’mod awtentiku, u biex jirnexxi jeħtieġ ħafna sapport mill‑Knisja u l‑istrutturi tagħha. Wara kollox, il‑familji Nsara huma, biex ngħidu hekk, l‑iskeletru li bis‑saħħa tiegħu jżomm il‑ġisem kollu tal‑ecclesia. Il‑kriżijiet ta’ mħabba fil‑ħajja tal‑familja mhumiex biss esperjenzi li jkissruna imma jridu jkunu wkoll dak li jiffurmana biex inkunu “Poplu ta’ Alla” msoffi, tassew kapaċi li jħobb “fir‑riżq tajjeb u l‑ħażin, fil‑mard u fis‑saħħa” hu u jimxi lejn it‑Tieni Miġja.

Kull spazju “fiżiku” (“offline”) imfisser hawn fuq, hu wkoll estiż “online” permezz tax‑xibka ta’ parteċipazzjoni umana “medjata” (jiġifieri, permezz tat‑teknoloġija jew media) li hi l‑internet. Din hi “d‑dinja l‑ġdida” li tikber u tespandi mid‑dinja materjali li konna nafu. Hija realtà li tixbah għanqbuta (web‑like reality), li tqabbad flimkien, wieħed ma’ waħda, u tqarreb lil kulħadd jinsab fejn jinsab,[1] fejn il‑mudelli ta’ relazzjonijiet soċjali li konna mdorrijin bihom—ġerarkija, awtorità, burokrazija—jċedu posthom għal modi ġodda ta’ interazzjoni, modi ġodda ta’ kollaborazzjoni, espressjonijiet ġodda ta’ kif inkunu bnedmin. Dan l‑ambjent ġdid—fejn il‑personalitajiet tagħna u dak li noħolqu aħna jsiru kobba waħda—mhux biss iwassal sat‑truf tad‑dinja għax m’għandux fruntieri; imma għaldaqstant jitlob li nikkunsidraw mill‑ġdid xi tfisser il‑partikularità “Maltija” tagħna.

“L‑uniku mudell biex nivvalutaw epoka b’suċċess hu li nistaqsu sa liema punt qed tiżviluppa fiha u tasal għar‑raġuni vera tagħha l‑milja tal‑eżistenza umana, fi qbil mal‑karattru partikulari u l‑possibbiltajiet ta’ dik l‑istess epoka” (Evangelii gaudium, 224, kwotazzjoni minn Romano Guardini).

Din ir‑realtà ġdida hija wkoll stedina biex nagħmlu iktar “uman” il‑potenzjal u l‑possibilitajiet li tkebbes din il‑kultura kkaratterizzata min‑“network” u intelliġenza artifiċjali (AI). Essenzjalment toffrilna opportunità biex niskopru (mill‑ġdid) dawk il‑karatteristiċi umani li llum jistgħu u għandhom jiffjorixxu b’mod ġdid. F’dinja fejn kulħadd hu konness u allura, kulħadd huwa qrib ta’ xulxin u ħadd ma jista’ jkun barrani, żgur li qed niġu mistiedna ngħixu esperjenzi ta’ ħbiberija awtentika, fi ftuħ għad‑djalogu, u ninsġu lingwaġġ iktar universali ta’ solidarjetà umana u ħbiberija.

Iktar ma jgħaddi ż‑żmien, iktar l‑ispazji soċjali fejn in‑nies jiltaqgħu biex jitkellmu, jaqsmu perspettivi, ideat u ħolm għal ġejjieni aħjar qed isiru “spazji awmentati” fejn l‑isfera diġitali testendi l‑ħajja soċjali, ekonomika u politika tagħna. Il‑postijiet fejn inqattgħu l‑ħin tagħna, fejn ninġabru biex inzekzku, niċċajtaw, naqsmu l‑aħbarijiet, nieħdu parir, niddevertu jew għall‑kumpanija … saru l‑ispazju fejn aħna niġu sempliċiment mistiedna “nkunu komunità.”

Dan ma jfissirx li niċħdu l‑għana tan‑natura fiżika tagħna bħala bnedmin. Imma qed niġu mistiedna li nistgħaġbu quddiem is‑sbuħija ta’ kif il‑moħħ tagħna—permezz tal‑esperjenzi tagħna—qed jiġi estiż, u b’xi mod allura anke l‑“ġisem” tagħna jekk aħna aktar “qrib”. Permezz ta’ screens ta’ kull daqs nistgħu nitgħallmu nersqu lejn xulxin u nilħqu dik “il‑komunjoni ta’ rwieħ” li umanament ilkoll nittamaw u nixtiequ.

Dan il‑mod ta’ kif “nersqu lejn xulxin” mhuwiex l‑istess bħal meta s‑soltu nitbissmu lil xulxin, inħarsu f’għajnejn xulxin, jew nieħdu b’idejn xulxin. Anke l‑mod ta’ kif ninġabru flimkien bħala “komunità li titlob” qed jiġi interpretat mill‑ġdid “skont il‑karattru partikolari u l‑kapaċitajiet tal‑epoka”.

Imma dak li qed niskopru huwa “lingwaġġ ġdid” ta’ tifkiriet u ħsibijiet li qsamna flimkien, frammenti ta’ emozzjonijiet, esperjenzi ta’ meta ħallejna s‑sbuħija tqanqalna … affarijiet li jispirawna, jagħmluna “min aħna”, il‑“persuni” li jfittxu l‑ħbiberija. Huwa lingwaġġ fejn dak li hemm f’moħħna u f’ruħna jitfisser b’simboli, bħala sensazzjonijiet mistura, li nippruvaw ngħaqqdu flimkien f’narrattiva waħda biex nagħmlu sens b’mod kollettiv ta’ din “id‑dinja ġdida”.

Minkejja dan, din l‑estensjoni tal‑personalità tagħna fid‑dinja diġitali tpoġġilna sfidi ġodda: il‑“paradigma teknokratika dominanti” timxi mal‑loġika tal‑utilità, hekk li tirriduċi l‑persuni għal informazzjoni, u allura għal opportunitajiet ta’ manipulazzjoni u gwadann. Għalhekk, il‑midja soċjali mmexxija mill‑loġika tal‑massimizzazzjoni tal‑profitti u tal‑bejgħ tal‑“informazzjoni” lil min joffri l‑iktar, qed isiru wkoll mezzi biex jiġu ddettati ideoloġiji, valuri relattivizzati, aġendi populisti, hekk li jwasslu biex tiġi llimitata l‑libertà tan‑nies.

Huwa għalhekk urġenti li nfasslu ħajja “globali” mgħixa flimkien billi nrawmu l‑arti tal‑ftuħ u tad‑djalogu bejn id‑differenzi kollha ta’ kultura, twemmin u opinjoni filosofika. Fil‑midja soċjali hemm ukoll riskju kbir fejn il‑manipulazzjoni sottili ta’ dak li jogħġobna u ma jogħġobniex, tal‑opinjonijiet u l‑preferenzi, tinfluwenza l‑viżjoni tagħna nfusna iktar milli jinfluwenzawna argumenti razzjonali persważivi. Bħalma r‑rabtiet immedjati jqanqlu ħafna emozzjonijiet, hekk ukoll din il‑prossimità ġdida toħloq kunflitti kollettivi u tribaliżmi ġodda. Barra minn hekk, permezz ta’ algoritmi u propaganda mmirata, faċilment nistgħu niġu mmanipulati emozzjonalment biex naqblu ma’ aġendi li jmorru kontra r‑raġuni u l‑ġid komuni. “Komunikazzjoni” ġenwina fi spazji medjati, l‑ewwel u qabel kollox, tfisser li neħilsu minn dawk il‑ktajjen li jippruvaw “ibigħulna” stili ta’ ħajja partikolari, fejn il‑ftit privileġġati jiggwadanjaw iktar, billi jirriduċu l‑mases għal “numri” li minnhom tista’ takkwista l‑informazzjoni.

F’din il‑ħidma globali biex dan l‑ispazju jsir iktar uman, il‑Knisja għandha dmir li titkellem b’mod profetiku billi tisħaq fuq il‑veritajiet fundamentali li huma meħtieġa għall‑iżvilupp tal‑bniedem. Barra minn hekk, il‑Knisja universali għandha titkellem bil‑lingwaġġ—u d‑doni—ta’ kull Poplu biex ħadd ma jkun imħolli barra, u kull kultura tkun inkluża. Dan jimplika l‑inkulturazzjoni tal‑Evanġelju f’kull realtà partikolari, sabiex flimkien, fir‑relazzjonijiet reċiproċi tagħna f’dan l‑ambjent diġitali ġdid, nistgħu naqsmu b’mod awtentiku d‑doni li jagħnu l‑“komunjoni tal‑popli”.


[1] UCAPP “ubiquitous connectivity and pervasive proximity”