Dak il ħin stess qamu u reġgħu lura Ġerusalemm. Hemm sabu lill Ħdax u lil sħabhom miġbura flimkien (Lq 24:33)
Bħala l‑Poplu ta’ Alla li joħroġ flimkien ixandar l‑Aħbar it‑Tajba filwaqt li jfittex li jilqa’, jisma’ u jakkumpanja billi jġib ir‑rikonċiljazzjoni, jikber fid‑dixxipulat u jinġabar f’attitudni ta’ kontemplazzjoni, aħna nsiru l‑ġisem wieħed ta’ Kristu li, taħt it‑tmexxija tal‑Arċisqof, niksbu l‑qawwa biex naqdu skont id‑doni ta’ kull wieħed u waħda minna.
Il‑poplu tagħna flimkien għadu ħames kariżmi ewlenin x’joffri, skont ir‑rwoli differenti tal‑membri tiegħu.
Il‑Knisja hi minnha nnifisha sagrament tal‑preżenza ta’ Alla fid‑dinja. Fil‑ħajja sagramentali tagħha hi turi bl‑aqwa mod aspetti differenti tal‑imħabba ta’ Alla għall‑Poplu tiegħu, u turi kif il‑Poplu qaddis ta’ Alla, il‑Knisja, l‑Għarusa tiegħu, jfittex li jwieġeb għal din l‑imħabba li l‑Missier sawwab fuqu. Din l‑imħabba ta’ Alla msawba bil‑kotra tidher fl‑aqwa tagħha fil‑Bniedem‑Alla, Kristu, li mhux biss isalva imma huwa x‑xbieha tal‑Missier magħmula laħam. Ġesù Kristu, il‑Ħaruf u l‑Qassis il‑Kbir, jibqa’ mal‑Knisja tiegħu sal‑aħħar taż‑żmien u l‑preżenza ħajja tiegħu tidher fis‑saċerdozju tal‑Poplu tiegħu u tabilħaqq, sagramentalment, fis‑saċerdozju ta’ dawk li għandhom l‑Ordni Sagri.
Is‑saċerdozju ta’ dawk li rċivew l‑Ordni Sagri huwa kruċjali għall‑Knisja li, permezz tas‑sagramenti, tgħix sinjali reali tal‑preżenza ta’ Alla magħna u turi kif dawn huma mxerrda b’mod konkret fid‑dinja. Fuq kollox, il‑Knisja tiċċelebra l‑Ewkaristija bħala “l‑għajn u l‑quċċata” tal‑ħajja Nisranija għax, mhux biss tiġbor flimkien il‑Poplu ta’ Alla, imma tagħmlu “ħaġa waħda” bħalma Alla huwa komunjoni Trinitarja. Flimkien mas‑sagramenti l‑oħra tal‑bidu tal‑ħajja nisranija, l‑Ewkaristija tibni l‑Poplu ta’ Alla f’“ġisem” wieħed, l‑istess bħalma s‑sagramenti tal‑fejqan isaħħu l‑Knisja li dejjem tiddependi fuq il‑ħniena ta’ Alla, kemm fil‑ġisem kif ukoll fir‑ruħ. Iż‑Żwieġ u l‑Ordni Sagri, mill‑banda l‑oħra, jibnu pont bejn il‑Knisja tal‑lum u dik ta’ għada, mhux biss għax dawk li jirċevuhom iwiegħdu mħabba li tħalli l‑frott u qadi ġeneruż għal ħajjithom kollha, imma wkoll għax isiru sinjal tal‑fedeltà dejjiema tal‑Poplu.
Xorta waħda, is‑sagramenti mhumiex l‑unika mod kif il‑Knisja turi l‑imħabba ta’ Alla u tinġabar flimkien fit‑talb: ix‑xhieda kollha li nagħtu tal‑Aħbar it‑Tajba, it‑talb kollu tagħna, dak li jagħti l‑ħajja lill‑Knisja, jgħaqqadna flimkien fi Kristu sakemm inkunu tassew miftuħin għall‑Ispirtu wieħed li jibnina flimkien f’ġemgħa waħda, qaddisa, kattolika u appostolika.
Il‑preżenza saċerdotali fl‑espressjoni awtentika tal‑fidi tal‑Knisja, l‑aktar fil‑ħajja tagħha tat‑talb, tfakkarna fir‑rabta kumplimentari li hemm bejn Kristu u l‑Għarusa tiegħu, bejn il‑missjoni tal‑Iben u dik tal‑Ispirtu s‑Santu, għall‑ġid tad‑dinja kollha. Għalhekk, din il‑preżenza tfittex li ssaffi l‑istil tat‑tmexxija fil‑Knisja, il‑lingwaġġ tat‑tagħlim tagħha, imma wkoll id‑devozzjonijiet tal‑Poplu tagħna li ssawru fi żminijiet differenti tal‑istorja tagħna. Tfittex li ssostni espressjonijiet ġodda ta’ kif tkun il‑Knisja‑fid‑dinja bil‑preżenza, il‑kliem u t‑talb li jinbtu fil‑qalb tal‑Poplu llum. Tgħaqqad flimkien l‑espressjonijiet kollha ta’ riflessjoni, profezija u qima, bħalma ħafna vuċijiet jingħaqdu f’kor wieħed u ħafna strumenti f’orkestra waħda, biex tfaħħar lil Alla.
Dan ma jfissirx li d‑diversità ssir skop fih innifsu, u lanqas li niggranfaw mat‑tradizzjonijiet biex nissodisfaw in‑nostalġija tagħna; iż‑żbir huwa meħtieġ daqskemm huma meħtieġa l‑ilma u d‑demel, sabiex is‑siġra tagħmel frott tajjeb. U li jmexxu l‑Knisja fit‑talb, tfisser ukoll li jżommu sħiħ ma’ dak li tassew imantni d‑devozzjoni tal‑Poplu u mhux sempliċiment ma’ dak li hu popolari, jingħoġob jew iżidilhom il‑punti.
Il‑kariżma profetika tar‑reliġjużi rġiel u nisa li, bil‑konsagrazzjoni tal‑ħajja tagħhom lil Kristu, jagħtu xhieda għat‑tama eskatoloġika.
Il‑voti tal‑faqar, kastità u ubbidjenza, fi stil ta’ ħajja ddedikat għat‑talb u l‑qadi, jissimbolizzaw b’ċarezza liema bħalha kif il‑Knisja għandha tħabbar bil‑preżenza tagħha s‑Saltna mwiegħda fl‑aħħar taż‑żminijiet. Kull persuna kkonsagrata hi bħal fjamma ta’ xema’ li taqbad b’qawwa u perseveranza fid‑dlam. Huma wkoll ifakkru lill‑Poplu ta’ Alla, imsejjaħ li jgħix fid‑dinja, li daru tassew qiegħda “fis‑sema.”
Kull kongregazzjoni reliġjuża turi kariżma partikolari li l‑ecclesia lokali mhux biss wirtet imma wkoll jeħtieġ li tikkultiva fil‑preżent. Il‑Knisja lokali tagħna hi mbierka b’ħafna ordnijiet reliġjużi tal‑irġiel u n‑nisa. Il‑mod kif dawn jgħixu l‑kariżmi differenti b’fedeltà u bi trasparenza, juri lill‑Poplu kollu ta’ Alla liema huma dawk l‑aspetti kruċjali tal‑ħidma tal‑Knisja lokali li jeħtieġ nikbru fihom għall‑ġid ta’ kulħadd: il‑kontemplazzjoni, it‑tagħlim, il‑fejqan, id‑dixxerniment spiritwali, il‑qadi tal‑iktar batuti, l‑akkumpanjament spiritwali, l‑edukazzjoni ta’ wliedna.
Il‑perseveranza fl‑għixien tal‑istess kariżmi b’awtentiċità u bi kreattività tul is‑sekli, u allura fi sfidi kulturali dejjem jinbidlu, turi lill‑Knisja tal‑lum kif għandha tinkultura l‑Evanġelju mill‑ġdid f’Malta.
Li nkunu Poplu Qaddis ta’ Alla b’missjoni fid‑dinja, isserraħ fuq żewġ movimenti kumplimentari, minn barra għal ġewwa (ċentripetu) u minn ġewwa għal barra (ċentrifugu). It‑tnejn huma primarjament il‑vokazzjoni tal‑lajk.
L‑ewwel insibu l‑ministeru ta’ kuljum, u fil‑moħbi, tal‑ħafna ġenituri Nsara msejħin irawmu “il‑knisja tad‑dar” li fuqha jippresiedu. Dan il‑ministeru hu indispensabbli u, fl‑istess ħin, l‑iktar wieħed fraġli f’dawn iż‑żminijiet ta’ sfida. Il‑komunità ekkleżjali kollha għandha toffri għajnuna u akkumpanjament reċiproku lill‑ġenituri fit‑trobbija ta’ wliedhom fil‑fidi. Il‑Knisja hi magħmulha mill‑familji, u l‑maternità u l‑paternità huma l‑modi l‑iktar fundamentali li bihom nixbhu fl‑imħabba—fl‑imħabba divina li hi ħniena—il‑Paternità u l‑Maternità ta’ Alla u l‑Knisja.
Dan il‑ministeru fundamentali jiġi estiż u sostnut minn dawk li jgħinu lill‑ġenituri nsara l‑iktar mill‑qrib:
- il‑ministeru importanti tal‑katekisti fil‑parroċċi, u tal‑għalliema u professjonisti oħra fl‑iskejjel Kattoliċi, li l‑għan ewlieni tagħhom hu li jrawmu spirtu Nisrani fi wliedna;
- dawk li jaħdmu maż‑żgħażagħ u l‑familji, diretturi spiritwali, dawk li joffru akkumpanjament pastorali, u oħrajn li jaqdu billi jakkumpanjaw lill‑familji fil‑fażijiet differenti tal‑formazzjoni kontinwa tagħhom.
Dawn il‑ministeri jeħtieġ li jissaħħu għax iż‑żgħażagħ huma t‑tama tal‑Knisja; il‑ħarriesa tat‑tradizzjoni tagħha, imma kuraġġużi biżżejjed li jaddattaw bi flessibbiltà akbar għall‑inkulturazzjoni tal‑Evanġelju fi żminijietna. B’mod speċjali fir‑relazzjoni tagħhom man‑nanniet, il‑Knisja titwieled mill‑ġdid ma’ kull ġenerazzjoni, filwaqt li tibqa’ fidila għall‑kerygma tal‑Appostli.
Il‑missjoni tal‑ministri lajċi tinħass b’qawwa wkoll fil‑Knisja bis‑sehem tagħhom, permezz tal‑istess magħmudija tagħhom, fis‑saċerdozju ta’ Kristu. Ħafna rġiel u nisa, spiss fil‑moħbi, jaqdu fil‑ħajja tal‑parroċċi tagħhom permezz ta’ ministeri liturġiċi u ta’ talb, b’mod speċjali permezz tal‑kariżma partikolari tal‑moviment lajkali tagħhom. Il‑movimenti lajkali huma għejun ta’ ħajja fil‑Knisja li joffru diversità għanja li tilħaq ħafna djar u periferiji, u jfakkru fix‑xewqa tal‑Insara tal‑bidu li kienu jinġabru flimkien biex jaqsmu l‑Kelma u jsiru ħbieb fil‑Mulej.
Il‑lajċi jaqdu wkoll f’għemejjel ta’ karità: permezz tal‑ministeri soċjali tal‑parroċċi offruti lill‑komunità inġenerali u kif ukoll permezz tas‑servizz professjonali tagħhom fl‑istituzzjonijiet tal‑Knisja.
Fl‑aħħar mill‑aħħar, il‑ħidma tal‑lajċi trid tibqa’ orjentata lejn il‑missjoni ewlenija tal‑Knisja li tagħti xhieda fid‑dinja.
L‑insara ma jinqatgħux mid‑dinja permezz ta’ lbies jew marki oħra, għax id‑dar u l‑missjoni tagħhom hi d‑dinja stess li huma msejħin iqaddsu bil‑ħajja tagħhom. Għalhekk, dak li jiddistingwi lin‑Nisrani fid‑dinja hu dejjem is‑sinjal tal‑Aħbar it‑Tajba, il‑ferħ muri bħala s‑sinjal tas‑Saltna: il‑ħniena bla tarf ta’ Alla lejn id‑dinja. Bħalma jgħid Karl Rahner SJ, l‑Insara fid‑dinja jridu jkunu “mistiċi” b’dak kollu li jagħmlu; huma jdaħħlu l‑ħniena ta’ Alla fl‑azzjonijiet kollha tagħhom kull fejn ikunu.
L‑Insara huma professjonisti, nies tas‑sengħa, ħaddiema, dawk li jieħdu ħsieb djarhom u pensjonanti li, fl‑isfera tal‑ħajja tagħhom, huma msejħin jaħdmu mhux biss b’passjoni, kreattività u integrità, imma wkoll f’solidarjetà, dejjem attenti għall‑ġid tal‑oħrajn u jħabirku għall‑ġid komuni. Għandhom jgħaqqdu u jħeġġu n‑nies fl‑għeruq (grassroots) u jieħdu sehem fis‑soċjetà ċivili, mhux biss misjuqin minn sens ta’ ġustizzja imma, fuq kollox, minn sens ta’ tama, fiduċja u mħabba. Is‑sejħa tagħhom li jġeddu d‑dinja trid tingħex fi spirtu ta’ rażan, billi jiċħdu l‑kilba għas‑suċċess personali jew il‑vanaglorja. Trid tingħex b’kuraġġ, billi jkunu reżiljenti quddiem il‑kuntrarju ta’ kull xorta, imma wkoll billi jpoġġu l‑ġid tal‑minsijin qabel il‑kumdità tal‑kotra.
Il‑vokazzjoni tan‑Nisrani fid‑dinja tilħaq il‑quċċata tagħha meta jkun lest jew lesta, li jaqdi jew taqdi, lill‑“belt” kollha fl‑arti tal‑politika. Fil‑livelli kollha tal‑parteċipazzjoni politika, in‑Nisrani jrid jersaq biex jiddjaloga, bi kreattività jfittex li jsolvi l‑kunflitti għall‑ġid ta’ kulħadd, u jieħu deċiżjonijiet għaqlija waqt li jżomm quddiem għajnejh l‑ikbar ġid.
Fl‑aħħar mill‑aħħar, l‑inkulturazzjoni tal‑Evanġelju fil‑kuntest Malti tal‑lum mhijiex kwistjoni ta’ kemm hemm mgħammdin jew nies li jsejħu lilhom infushom Kattoliċi, imma kif flimkien, bħala poplu li jgħammar fuq dil‑gżira, ser inkunu sinjal tat‑tama tas‑Saltna fil‑livelli kollha tas‑soċjetà tagħna.
Il‑Knisja mhijiex biss komunità ta’ qaddisin: hi wkoll magħmula minn midinbin li jaqgħu fil‑mixja tagħhom bħala dixxipli imma li, xorta waħda, jibqgħu jippruvaw. Hi wkoll magħmula minn dawk li jissahraw u allura jistaqsu x’inhi tassew “il‑ħajja t‑tajba”: sakemm jibqgħu fidili u kommessi għat‑tfitxija tal‑Verità, huma wkoll qed ifittxu li Kristu jiftħilhom għajnejhom.
Il‑Knisja tal‑bidu rrikonoxxiet dawn it‑toroq ta’ tfitxija għall‑Verità u tar‑reġgħa lura fil‑merħla permezz tal‑Katekumenat u tal‑Ordni tal‑Penitenti. U f’Malta llum qed nerġgħu niskopru forom ġodda ta’ dawn it‑toroq: ir‑realtà tar‑Rit tal‑Bidu tal‑Ħajja Nisranija għall‑Adulti qed tikber bil‑mod imma b’pass kostanti. Kruċjali wkoll hu l‑akkumpanjament ta’ dawk li, għal raġunijiet differenti—forsi minħabba weġgħat personali, diżillużjoni bl‑istituzzjoni, jew għax, f’punt jew ieħor tal‑ħajja tagħhom, il‑fidi tagħhom ġiet imġarrba, jew birdu—jidentifikaw ruħhom bħala “Kattoliċi mhux prattikanti.”
Spiss, dawn il‑membri, li xi minn daqqiet b’konvinzjoni personali jgħammru lil hinn mill‑konfini viżibbli jew ta’ “prattika normali” tal‑Knisja, huma membri tal‑familja tagħna, ħbieb jew kollegi. L‑istess relazzjonijiet li jorbtuna magħhom huma sinjali ta’ kif l‑Ispirtu s‑Santu jibqa’ jaħdem: mhux biss biex dawk li tbiegħdu jistgħu jerġgħu lura “fiċ‑ċentru” għax jerġgħu jibdew jipprattikaw; imma anke biex dawk li jqisu lilhom infushom “fiċ‑ċentru” jgħarblu l‑awtentiċità tax‑xhieda tagħhom, u jħallu lilhom infushom jiġu sfidati, jissaffew bħala dixxipli. Fi kliem San Irinew ta’ Lyons, l‑isqof tat‑tieni seklu li mhux biss żviluppa l‑għarfien tal‑fidi tagħna imma wkoll kien mexxej ta’ Knisja tal‑martri:
“Fejn hemm il‑Knisja, hemm jinsab l‑Ispirtu ta’ Alla; fejn hemm l‑Ispirtu ta’ Alla, hemm tinsab il‑Knisja, u l‑grazzja kollha; imma l‑Ispirtu hu verità. Għalhekk, dawk li m’għandhomx sehem minnu, la jitmantnew minn sider ommhom, u lanqas igawdu mill‑għajn li tnixxi mill‑ġisem ta’ Kristu” (Adversus Haereses III.24.1). Mhijiex ir‑rabta mal‑istrutturi viżibbli tal‑Knisja li minnha nnifisha turi l‑awtentiċità tax‑xhieda ekkleżjali, imma hija t‑trasformazzjoni tal‑qalb mill‑Ispirtu, ħafna drabi b’modi li ma nifhmuhomx, li tagħmel dan.