U wieħed lill‑ieħor bdew jgħidu:“Ma kinitx imkebbsa qalbna ġewwa fina huwa u jkellimna fit‑triq u jfissrilna l‑Iskrittura?” Dak il-ħin stess qamu u reġgħu lura Ġerusalemm (Lq 24, 32-33a)
Il‑poplu Malti kien imbierek bil‑Kelma li ssalva minn fomm l‑Appostlu stess u bl‑għixien tagħha fil‑qadi ġeneruż u leali. Kapitlu 28 tal‑Atti tal‑Appostli jixhed għall‑ospitalità murija lil Pawlu u l‑priġunieri l‑oħra u s‑suldati li salvaw mill‑għarqa. Missirijietna mhux biss kienu fost l‑ewwel li laqgħu l‑Evanġelju, imma wkoll għexuh billi taw kenn lill‑barrani. U, minkejja l‑istorja mqallba tagħna, fittixna li nkomplu din it‑tradizzjoni matul is‑sekli, b’mod partikolari billi nieħdu ħsieb il‑morda u l‑feruti li waslu fi gżiritna, liema servizz kien imsaħħaħ mill‑Ordni Sovran Militari u Ospitalier ta’ San Ġwann u Ġerusalemm (l‑Ordni ta’ Malta).
Illum, għandna l‑isfida li nkomplu ngħinu l‑immigranti li jissograw ħajjithom fl‑ibħra tagħna jew ifittxu ħajja ġdida f’din l‑art tagħna. U nkomplu nieħdu ħsieb dawk fostna li huma morda, foqra u dawk kollha li jħossuhom mgħaffġin mill‑ħajja.
Fuq kollox, aħna msejħin inpoġġu l‑ħarsien tal‑ħajja umana u d‑dinjità ta’ kull bniedem fiċ‑ċentru tax‑xandir u l‑qadi tagħna.
Il‑Knisja tagħna tissokta tagħmel il‑frott permezz tal‑għejun spiritwali tal‑Evanġelizzazzjoni u d‑Djakonija
Fis‑seklu li għadda, faru b’abbundanza l‑għejun tal‑Evanġelizzazzjoni u d‑Djakonija hekk kif San Ġorġ Preca rawwem spiritwalità ta’ katekeżi li biha stagħnew il‑parroċċi tagħna kif ukoll ġnus oħra. Hekk ukoll, ħafna mit‑tiġdid li sar fil‑Knisja lokali wara l‑Konċilju nibet bit‑talb permezz tal‑Kelma fil‑ħafna movimenti ġodda tal‑lajċi. Monsinjur Giuseppe De Piro u oħrajn waqqfu ordnijiet reliġjużi ta’ rġiel u nisa missjunarji biex jiddedikaw ħajjithom għall‑qadi tal‑aħwa kull fejn jibgħathom l‑Ispirtu. Monsinjur Mikiel Azzopardi fetaħ id‑Dar tal‑Providenza li, bil‑ġenerożità tal‑poplu Malti, għadha taqdi lill‑ulied l‑iktar għeżież tagħna.
Sal‑ġurnata tal‑lum, il‑Knisja Maltija, f’kollaborazzjoni mal‑Istat Malti, għadha taqdi lil dawk l‑iktar fil‑bżonn: sew jekk fid‑djar tal‑anzjani, bil‑kura ta’ dawk li waslu fl‑aħħar, bit‑trobbija ta’ tfal ġejjin minn sitwazzjonijiet diffiċli, kif ukoll bl‑għajnuna lin‑nies fil‑bżonn jew bi problemi ta’ dipendenza, dawk li jsofru minn abbuż domestiku, jew l‑immigranti u r‑refuġjati li qed jippruvaw jibnu ħajjithom mill‑ġdid.
Din il‑Kelma li ħalliet il‑frott f’għemejjel konkreti ta’ ħniena mill‑poplu tagħna, tista’ tinqara wkoll fl‑istess pajsaġġ tagħna ffurmat matul is‑sekli.
Il‑monumenti reliġjużi mxerrdin kull fejn tħares jirrakkuntaw ġrajja ta’ salvazzjoni u jiċċelebraw il‑glorja ta’ Alla permezz tal‑ġebel, tal‑arti u tat‑teżori nazzjonali. Ħafna mill‑wirt reliġjuż tagħna jfakkar it‑talb ħerqan tagħna matul iż‑żminijiet lil Marija, Omm Alla, li daħlet għalina biex stajna nġarrbu l‑grazzja ta’ Alla fil‑mumenti l‑iktar iebsa—mard u mewt, ġuħ u faqar, assedji u gwerer. Ma nistgħux ngħodduhom id‑drabi, tul l‑istorja twila tagħna, li fihom missirijietna għarfu li Alla biss seta’ jgħinhom fis‑siegħa tal‑prova, meta il‑Kelma u l‑Karità, l‑Evanġelizzazzjoni u d‑Djakonija, kienu ż‑żewġ dirgħajn li bnew il‑Knisja tagħna hi u terfagħhom mill‑ġdid lejn is‑sema fit‑tifħir u r‑radd il‑ħajr.
Hu minnu li, illum, Malta mhijiex tbati mill‑ħerba li jġibu l‑għaks estrem, il‑pestilenzi u l‑gwerer. Imma xorta waħda, ruħ in‑nies tagħna hi mħeddla bl‑indifferenza; imħawda minħabba l‑bidliet mgħaġġla fil‑kultura; għajjiena bil‑pass imgħaġġel tal‑istil ta’ ħajja li qegħdin ngħixu; imtaqqla bi tbatija fis‑skiet. Il‑feriti psikoloġiċi tagħna jidher li huma perikolużi daqs il‑ġrieħi fiżiċi “tal‑isptar fil‑kamp wara l‑battalja.” Dawn ukoll jeħtieġu li jiġu mdewwija u mfaxxati b’mod urġenti.
Filwaqt li l‑komunità Nisranija lokali tixxennaq li dduq mill‑ġdid il‑qawwa tal‑laqgħa ma’ Kristu li twellidna mill‑ġdid, hi tfittex li tieħu ħsieb ta’ ruħha mħeddla permezz tal‑Kelma tiegħu u li tirriforma ruħha billi timita l‑imħabba tiegħu li ċekken lilu nnifsu. Għalhekk jeħtieġ li mhux biss naqraw is‑sinjali taż‑żminijiet imma wkoll li niftakru f’dak li aħna msejħin inkunu bħala l‑Poplu wieħed u qaddis ta’ Alla f’din il‑gżira.
B’hekk biss il‑Knisja tista’ tintbagħat mill‑ġdid fir‑realtà soċjo‑politika li qegħdin ngħixu fiha.