Kristu jistieden lid‑dixxipli missjunarji kollha biex jieħdu sehem fil‑missjoni tiegħu ta’ salvazzjoni li ġġib fejqan u tiġdid. Għalhekk, il‑Knisja hi mibgħuta ssewwi t‑tiċrit fit‑tessut kulturali tagħna, tfejjaq il‑qalb u r‑ruħ, iġġedded ir‑relazzjonijiet ma’ Alla u ma’ xulxin fi gżiritna, u tniedi proċess ta’ trasformazzjoni spiritwali.
Il‑mod li bih il‑“Poplu ta’ Alla” jagħti xhieda għal Kristu bħala l‑Knisja tiegħu huwa dejjem wieħed dinamiku. Meta tqis il‑ħtiġijiet tal‑“foqra” li magħhom Kristu jixtieq jiltaqa’ l‑ewwel; meta tieħu ħsieb l‑iżvilupp u l‑formazzjoni kontinwa tagħhom; bil‑qawwa tal‑Ispirtu s‑Santu, hemmhekk il‑Knisja tkun tassew idejn u saqajn Kristu.
Il‑qalba tal‑ħajja Nisranija hija l‑laqgħa ma’ Kristu li jsejħilna biex nibqgħu miegħu u biex jibgħatna.
Il-laqgħa ma’ Kristu tilħaq il‑milja tagħha fix‑xandir tal‑Aħbar it‑Tajba (Evanġelizzazzjoni) permezz ta’ atti konkreti ta’ mħabba (Djakonija).
L‑esperjenza ta’ Kristu tiffurmana bħala l‑“Poplu Qaddis ta’ Alla” li:
- jfittex l‑iżvilupp ekoloġiku integrali billi jieħu jsib l‑art li tħaddan ir‑relazzjonijiet kollha tagħna;
- hu rrikonċiljat mal‑istorjatiegħu u jgħix fit‑tama tal‑qawmien;
- jiċċelebra l‑Misteru tal‑Għid b’radd il‑ħajr għad‑doni kollha li rċieva.
Il‑Knisja hi msejħa tgħix l‑erba’ dinamiċi ekkleżjali li Kristu jgħallimna fil‑ġrajja ta’ Għemmaws:
- nisimgħu (il‑Kelma tiegħu);
- nilqgħu (lill‑“fqir u l‑barrani”);
- nakkumpanjaw (lil xulxin); u
- noħorġu (mingħajr biża’).
Biex nirreżistu t‑tentazzjoni għall‑frammentazzjoni u li nibnu n‑niċeċ tagħna fl‑ecclesia, jeħtieġ niftakru li bħala dixxipli—midinbin imsejħin minn Kristu—aħna marbutin ħaġa waħda fl‑Ispirtu s‑Santu biex niġu mibgħuta b’modi distinti imma fl‑istess ħin kumplimentari:
- bħala dawk li rċevew l‑ordni sagri;
- permezz tal‑kariżmi differenti tar‑reliġjużi;
- bħala ministri lajċi;
- bħala Nsara fis‑soċjetà;
- bħala nies li, permezz tal‑mistoqsijiet u t‑tfittxija tal‑fidi, jgħixu l‑magħmudija (jew ix‑xewqa għall‑magħmudija) mill‑periferiji.
Ix‑xhieda tagħna tal‑Aħbar it‑Tajba trid tingħex f’sinerġija fl‑“ispazji” distinti kollha li fihom il‑Knisja tfittex li tiżra’ żerriegħa li tikber f’“waqtha” f’Malta tal‑lum:
- fil‑periferiji,
- fil‑“belt”,
- fl‑istituzzjonijiet tal‑istat,
- fl‑istrutturi tal‑Knisja,
- fl‑isfera domestika, u
- fl‑ispazji diġitali.
Esperjenzi ta’ tbatija, li jaħsdu, jittrawmatizzaw u jipparalizzaw (ara Lq 24:17), huma dejjem il‑kairos fejn Kristu jixtieq jiltaqa’ ma’ kull bniedem biex joffri l‑fejqan u jibni l‑Knisja tiegħu. Għalhekk, l‑ewwel u qabel kollox, bħala l‑Poplu ta’ Alla aħna mibgħuta “fl‑isptar fil‑kamp wara l‑battalja” fejn it‑tbatija hi fl‑aqwa tagħha. Hemmhekk, il‑ġrieħi jistgħu jiddewwew u jitfejqu biex isiru l‑marki tal‑ġisem igglorifikat ta’ Kristu Rxoxt:
- ġrieħi fil‑memorja, personali u kollettiva;
- ġrieħi fir‑relazzjonijiet intimi, b’mod speċjali fil‑familji tagħna;
- ġrieħi fl‑istrutturi u l‑istituzzjonijiet tal‑Knisja, konsegwenza ta’ storja ta’ klerikaliżmu;
- ġrieħi ta’ telqa jew ħeġġa bla direzzjoni, ta’ ġlied u firda fil‑Poplu ta’ Alla;
- ġrieħi fil‑ħajja pubblika tagħna, speċjalment it‑tribaliżmu, ir‑rebgħa u l‑korruzzjoni politika, l‑omertà, il‑mibgħeda u d‑diskriminazzjoni;
- ġrieħi fl‑ekosistema tagħna, fit‑tkerrih tal‑ispazji umani u kull xorta ta’ tniġġis sensorjali u mentali fl‑ispazji fiżiċi u virtwali;
- ġrieħi fir‑ruħ individwali u kollettiva tagħna konsegwenza ta’ attiviżmu li jaqtagħna mill‑imħabba traxxendentali tal‑Missier u jdgħajjef il‑ħila tagħna li nikkontemplaw is‑sbuħija ta’ Alla.
Li nkunu dixxipli missjunarji jfisser li, permezz ta’ proċess ta’ dixxerniment personali u komunitarju fi ħdan il‑Knisja, inkunu f’sintonija mal‑Ispirtu s‑Santu huwa u jwelled ħolqien ġdid.
- Dixxerniment personali tal‑affarijiet privati tiegħi
- Dixxerniment personali (u komunitarju) fl‑interess ta’ dawk li huma fdati f’idejna
- Dixxerniment personali (u komunitarju) fit‑tmexxija ta’ istituzzjonijiet li jaħdmu għall‑ġid komuni
- Dixxerniment personali (u komunitarju) dwar kif ser nieħdu ħsieb id‑dinja
- Dixxerniment Ekkleżjali fil‑Knisja domestika jew fil‑komunitajiet iż‑żgħar
- Dixxerniment Ekkleżjali fil‑parroċċa
- Dixxerniment Ekkleżjali fil‑kongregazzjonijiet reliġjużi u l‑movimenti lajkali li għandhom rabta mal‑Knisja universali
- Dixxerniment Ekkleżjali bħala Arċidjoċesi
Fl‑aħħar, indawru l‑ħarsa tagħna fuq Ommna, li dejjem ħarset il‑komunità Nisranija f’Malta, nitolbu l‑interċessjoni tal‑Appostlu, missierna fil‑fidi, filwaqt li nżommu f’qalbna l‑kliem ta’ Papa Franġisku:
“Il‑fidi tfisser ukoll nemmnu fih, nemmnu li tassew iħobbna, li hu ħaj, li għandu l‑ħila jidħol b’mod misterjuż fil‑ħajja tagħna, li ma jitlaqniex waħidna, li, bil‑qawwa tiegħu u bil‑kreattività bla tarf tiegħu, mill‑ħażin jaf joħroġ it‑tajjeb. Tfisser nemmnu li hu għadu miexi rebbieħ fl‑istorja flimkien ma’ ‘dawk li huma miegħu msejħin u magħżulin u fidili’ (Apok 17:14). Nemmnu fl‑Evanġelju li jħabbar li s‑Saltna ta’ Alla diġà tinsab fid‑dinja, u qed tikber ’l hemm u ’l hawn, b’għadd ta’ modi: bħal dik iż‑żerriegħa ċkejkna li kapaċi tinbidel f’siġra kbira (ara Mt 13:31–32), bħal ftit ħmira li tgħolli l‑għaġna kollha (ara Mt 13:33), u bħaż‑żerriegħa tajba li tikber f’nofs is‑sikrana (ara Mt 13:24–30) u dejjem għandha l‑ħila tissorprendina b’mod sabiħ. Hi preżenti, tiġi mill‑ġdid, tħabrek biex twarrad mill‑ġdid. Il‑qawmien ta’ Kristu jqabbad ma’ kullimkien l‑għeruq ta’ din id‑dinja ġdida; u anki jekk jinqatgħu, jerġgħu jixirfu, għax il‑qawmien tal‑Mulej diġà daħal fin‑nisġa moħbija ta’ din l‑istorja, għax Ġesù ma qamx għalxejn mill‑imwiet. Ejjew ma nibqgħux mal‑ġenb ta’ din il‑mixja tat‑tama ħajja!
Billi mhux dejjem naraw dawn l‑għeruq, għandna bżonn ta’ ċertezza li tiġi minn ġewwa, jiġifieri tal‑konvinzjoni li Alla jista’ jaġixxi f’kull ċirkostanza, anki qalb dawk li minn barra jidhru fallimenti, għax “dan it‑teżor qiegħed għandna f’ġarar tal‑fuħħar” (2 Kor 4:7). Din iċ‑ċertezza hi dak li jissejjaħ “sens tal‑misteru”. Tfisser li nafu b’ċertezza li min joffri ruħu u jingħata lil Alla bi mħabba, żgur ser jagħmel il‑frott (ara Ġw 15:5). Dan il‑frott ħafna drabi ma jidhirx, ma tistax tmissu b’idejk, ma tistax tgħoddu. Wieħed jaf sew li ħajtu ħa tagħti l‑frott, imma mingħajr ma jippretendi li jaf kif, jew fejn, jew meta. Għandu ċ‑ċertezza li xejn mill‑ħidmiet li jwettaq bi mħabba mhu ħa jintilef, xejn mhu ħa jintilef mit‑tħassib ġenwin tiegħu għall‑oħrajn, xejn mhu ħa jintilef mill‑għemejjel ta’ mħabba tiegħu lejn Alla, xejn mhu ħa jintilef mill‑ħidma ġeneruża, xejn mhu ħa jintilef mis‑sabar li mhux nieqes mill‑uġigħ. Dan kollu jdur mad‑dinja tagħna bħala qawwa li tagħti l‑ħajja. Xi kultant jidhrilna li bl‑isforzi tagħna ma nkunu ksibna l‑ebda riżultat, imma l‑missjoni mhix xi ftehim jew biċċa negozju, lanqas hi organizzazzjoni umanitarja, mhix spettaklu biex ngħoddu kemm nies ħadet sehem grazzi għall‑propaganda tagħna; hi ħaġa wisq aktar profonda, li ma tista’ titkejjel bl‑ebda mod. Forsi l‑Mulej qed jinqeda bl‑impenn tagħna biex ixerred il‑barkiet tiegħu fuq xi post ieħor fid‑dinja fejn aħna qatt m’aħna ħa nirfsu. L‑Ispirtu s‑Santu jaħdem kif irid hu, meta jrid u fejn irid; aħna nħabirku b’dedikazzjoni imma mingħajr ma nippretendu li nistgħu naraw riżultati li jagħtu fl‑għajn. Nafu biss li hu meħtieġ id‑don tagħna nfusna. Nitgħallmu nistrieħu fi ħdan il‑ħlewwa ta’ dirgħajn il‑Missier fl‑għotja kreattiva u ġeneruża tagħna. Nimxu ’l quddiem, nidħlu għaliha b’ruħna u ġisimna, imma nħallu lilu jagħmilna għammiela fl‑isforzi tagħna kif jidhirlu Hu.” (Evangelii gaudium, 278–279)