L‑Impenn tal‑Arċidjoċesi għas‑snin 2020–2024
Wara proċess ta’ konsultazzjoni wiesgħa, fosthom ma’ dawk li ħadu sehem fl‑Assemblea Djoċesana tal‑2019, u mnebbħa mill‑viżjoni mfissra fl‑Ewwel Parti ta’ Knisja Waħda, Vjaġġ Wieħed, l‑Arċidjoċesi ta’ Malta qed timpenja ruħha li tagħti bidu għal proċessi li jwasslu biex jissaħħu l‑isforzi ta’ kull komunità ekkleżjali f’Malta.
L‑attenzjoni ser tkun fuq l‑erba’ dimensjonijiet tal‑missjoni fdata lill‑Knisja lokali: Knisja li tisma’, li tilqa’, li takkumpanja, li toħroġ.
Kull waħda minn dawn id‑dinamiċi hi meħtieġa biex il‑Poplu ta’ Alla f’Malta jinkultura l‑Evanġelju iktar fil‑fond. Madankollu, fuq livell personali u komunitarju, kull sena ser niffukaw fuq “verb” wieħed biex nikbru bħala dixxipli missjunarji.
Ilkoll mistiedna naħsbu dwar kull waħda mit‑tmien taqsimiet tal‑proċess, ibda mil‑laqgħa tagħna ma’ Kristu sa li nitgħallmu niddixxernu bil‑qawwa tal‑Ispirtu s‑Santu.
- Fl‑ewwel xhur ta’ dan il‑proċess, matul l‑2020, ser niffukaw fuq dawn iż‑żewġ pedamenti li fuqhom jeħtieġ tissejjes il‑Knisja f’Malta. Kull entità tal‑Knisja trid tgħix dan il‑proċess skont il‑kariżma partikolari u fil‑kuntest speċifiku tagħha.
- Fl‑2021 ser niffukaw fuq li nkunu Knisja li tisma’… lill‑Kelma ta’ Alla, lil xulxin, u lir‑realtajiet soċjali tagħna.
- Fl‑2022 ser niffukaw fuq li nkunu Knisja li tilqa’ … u, għax tilqa’, tirrikonċilja.
- Fl‑2023 ser niffukaw fuq li nkunu Knisja li takkumpanja … u għalhekk issaħħaħ il‑formazzjoni nisranija kontinwa min‑nieqa sal‑qabar.
- Fl‑2024 ser niffukaw fuq li nkunu Knisja li toħroġ … u għaldaqstant issir dawl profetiku iktar awtentiku, imma wkoll melħ moħbi u ħmira li tagħti l‑ħajja fi gżiritna.
- Fl‑aħħar, fl‑Assemblea Djoċesana tal‑2024 infakkru dak li Alla għamel magħna fil‑ħniena tiegħu sabiex induqu mit‑tjubija tal‑grazzji ekkleżjali li rċevejna u nitolbu għal sinjali sabiex nagħrfu fejn Alla qed isejjaħ il‑Knisja tiegħu f’Malta biex tkompli tagħti x‑xhieda tagħha tal‑Aħbar it‑Tajba. L‑Assemblea Djoċesana tal‑2024 tagħti bidu għal proċess fejn “noħorġu” biex inwieġbu għaż‑żminijiet.
Mill‑2020 sal‑2024, l‑Assemblea Djoċesana sservi bħala opportunità biex insaħħu s‑sens ta’ “Knisja Waħda” fi “vjaġġ wieħed” u hekk inġeddu l‑impenn tagħna biex inkunu dixxipli missjunarji billi nisimgħu, nilqgħu, nakkumpanjaw u noħorġu.