Studju ta’ Rev. Dr Paul Sciberras
Il-funzjoni tat-test
Il-fatt li Luqa jagħti spazju letterarju tant konsiderevoli lir-rakkont ta’ din d-dehra ta’ Ġesù mqajjem mill-mewt, dakinhar stess tal-Ewwel Jum tal-Ġimgħa, juri li l-funzjoni tat-test mhix rakkont ieħor ta’ dehra oħra tal-Irxoxt. Kull rakkont għandu l-għan partikulari tiegħu. Dak li jirrakkonta Luqa fil-perikopi ta’ qabel,[1] iħalli intenzjonalment lill-qarrejja mdendlin ma jafux x’jaqbdu jemmnu jew jagħmlu.
Liż-żewġ dixxipli ta’ Għemmaws, il-Ħdax u sħabhom (v.33) qalulhom li l-Mulej qam tassew u deher lil Xmun Pietru. “Il-Mulej qam tassew u deher lil Xmun Pietru” saret stqarrija ta’ fidi u kérigma sa minn żmien bikri fil-Knisja. Il-ġrajja ta’ Ġerusalemm–Għemmaws–Ġerusalemm ħadet it-tifsira ta’ waħda mill-blatiet tal-pedament li fuqha l-fidi nisranija hi msejsa.
L-Appostlu Pawlu nnifsu f’1 Korintin 15:4-5 (fis-sena 56) jikkwotaha bħala Tradizzjoni li hu għadda lill-Korintin meta waqqaf dik il-Komunità (fis-sena 50), u li hu nnifsu kien irċieva (aktarx mill-Komunità ta’ Damasku, wara d-dehra li kellu ta’ Ġesù Rxoxt, fis-sena 36): “difnuh u qam mill-imwiet fit-tielet jum, skont l-Iskrittura. U deher lil Kefa,[2] u mbagħad lit-Tnax.”
F’v.24 tar-rakkont ta’ Għemmaws, iż-żewġ dixxipli jistqarru ma’ Ġesù nnifsu li, wara li n-nisa tagħhom marru ħdejn il-qabar u xi anġli qalulhom li hu ħaj, marru jivverifikaw xi wħud minn tagħhom li sabu kollox kif kienu qalu n-nisa imma lilu ma rawhx (v.24). L-appostli ma kinux emmnu dak li qalu n-nisa (vv.9-10). Pietru kien saħansitra mar ħdejn il-qabar imma r-reazzjoni tiegħu kienet biss waħda ta’ stagħġib (v.12).[3]
Dak li Luqa jirrakkonta qabel il-ġrajja taż-żewġ dixxipli ta’ Għemmaws hu msejjes fuq jekk id-dixxipli ta’ Ġesù raw jew ma rawx (vv.3.4.12)! Ir-rakkont ta’ Għemmaws jitqiegħed fuq modi oħra ta’ wirjiet: jagħrfuh fil-qsim tal-ħobż (vv.31.35) u li kien messhom jagħrfuh fil-ftuħ tal-Kelma lilhom minnu stess (v.32). Jidher li r-reazzjonijiet tad-dehriet qabel il-ġrajja ta’ Għemmaws kienu għadhom ma nisslux atti ta’ fidi f’Ġesù mqajjem mill-mewt. Il-ġrajja taż-żewġ dixxipli sservi biex turi meta u kif jitnissel l-att tal-fidi: fil-ftuħ tal-Kelma u fil-qsim tal-ħobż minn Ġesù nnifsu.
It-test hu mixja ta’ fidi fih innifsu. Minn nuqqas ta’ għarfien ta’ Ġesù miż-żewġ dixxipli (“għajnejhom kellhom xi jżommhom u ma setgħux jagħrfuh” – v.16), miż-żewġ dixxipli jqisu lil Ġesù bħala l-uniku barrani għall-ġrajja tal-passjoni u l-mewt ta’ Ġesù nnifsu (v.18), għal katekeżi min-naħa ta’ Ġesù dwar it-twettiq tal-Iskrittura fih (vv.25-27), għal laqgħa ta’ ospitalità lil Ġesù f’darhom (v.29), għal għarfien ta’ Ġesù Rxoxt waqt il-qsim tal-ħobż: “infetħulhom għajnejhom u għarfuh” (v.31, f’kuntrast ma’ v.16) u r-reazzjoni li kien messhom għarfuh anke waqt li hu kien qiegħed jiftħilhom l-Iskrittura fit-triq (v.32).
It-test jilħaq il-qofol narrattiv tiegħu biż-żewġ dixxipli jerġgħu lura lejn il-Komunità f’Ġerusalemm, jirċievu l-kérigma tal-qawmien li huma kienu diġà vverifikaw f’darhom, u huma min-naħa tagħhom jaqsmu l-ferħ tal-għarfien fil-qsim tal-ħobż mal-Komunità.[4]
Il-funzjoni tat-test tista’ titqies bħala katekeżi post-paskwali (wara l-Għid) tal-għarfien ta’ Ġesù mqajjem mill-mewt bħala l-Mulej[5], mhux iżjed preżenti fiżikament, imma fil-qsim tal-ħobż u tal-Kelma. Dawn iż-żewġ modi ta’ għarfien isiru l-karatteristiċi tal-komunitajiet Kristjani tal-bidu: “U kienu jżommu sħiħ fit-tagħlim tal-appostli [dejjem imqiegħed fuq l-Iskrittura Lhudija u l-ħajja u t-tagħlim ta’ Ġesù][6] u fl-għaqda ta’ bejniethom, fil-qsim tal-ħobż u fit-talb … U kuljum kienu jmorru fit-tempju flimkien, jaqsmu l-ħobż fi djarhom, u jissieħbu fl-ikel bi qlub ferħana u safja” (Atti 2:42.46).
L-eseġeżi tat-test
Meta qorbu lejn ir-raħal fejn kienu sejrin hu għamel tabirruħu li hu kien se jibqa’ sejjer aktar ’il bogħod (v.28).
Dak li “resaq lejhom u baqa’ miexi magħhom, huma u jitħaddtu u jitkixxfu bejniethom” (καὶ αὐτὸς Ἰησοῦς ἐγγίσας συνεπορεύετο αὐτοῖς, kaì autòs Iēsous engísas suneporeύeto autois) (v.15), issa “jagħmel tabirruħu li hu kien se jibqa’ sejjer aktar ʼil bogħod”.
Il-verb συνεπορεύετο (suneporeúeto)[7] hu imperfett medju, fejn l-imperfett juri tentattiv ta’ azzjoni: ipprova, xtaq, kellu l-intenzjoni, għamel tabirruħu.[8] F’dan il-każ hu għodda letterarja f’id Luqa biex imbagħad iż-żewġ dixxipli jistednuh f’darhom bi dmir soċjali ta’ ospitalità.
Luqa juża l-verb ta’ moviment πορεύεσθαι (poreúestai)[9] darbtejn: συνεπορεύετο (suneporeúeto – “kienu sejrin”)u ἐπορεύοντο (eporeúonto – “għamel tabirruħu li kien se jibqa’ sejjer”). Dan biex jenfasizza d-dinamika ġeografika dejjem iżjed: l-għan ġeografiku ntlaħaq (“qorbu lejn ir-raħal”) imma fil-fatt dan l-għan hu l-qofol u l-climax tal-vjaġġ, għax kienu se jagħrfuh propju f’darhom f’dak ir-raħal fejn kienu sejrin (“Imbagħad daħal biex joqgħod magħhom”).
In-narratur Luqa jintroduċi l-istedina taż-żewġ dixxipli, “Ibqa’ magħna” fil-vers 29, u għalhekk l-għan tal-ospitalità u tal-ikla, it-tieni skop tar-rakkont. Ma jidhirx li lil Luqa jinteressawh dettalji oħra: il-laqgħa mal-bqija tal-familja ta’ Kleofa u tad-dixxiplu l-ieħor,[10] it-tislimiet u ġesti ta’ laqgħat oħrajn. Il-protagonisti tar-rakkont jibqgħu l-istess, donnu li l-intenzjoni waħdanija tar-rakkont hi dik kateketika ta’ Ġesù fuq il-mejda maż-żewġ dixxipli.[11]
Iżda huma ġegħluh jibqa’ magħhom u qalulu: “Ibqa’ magħna, għax issa sar ħafna ħin u l-jum ġa wasal biex jintemm.” Imbagħad daħal biex joqgħod magħhom (v.29).
Huma li “b’ħarsa ta’ niket fuq wiċċhom” (v.17), stagħġbu li hu “waħdu l-barrani f’Ġerusalemm li ma jafx x’kien ġara” (v.18) (b’turija ta’ distakk minnu), issa “huma ġegħluh jibqa’ magħhom” (v.29) għax il-jum kien wasal biex jintemm. Il-verb παραβιάζεσθαι(parabiáżestai), litteralment ifisser ‘uża l-forza’; figurattivament, ‘ħeġġeġ b’mod qawwi, ġiegħel, ipperswada’.
Hu għamel tabirruħu li kien se jibqa’ sejjer; huma ġegħluh jibqa’ magħhom! L-iskop tar-rakkont beda joqrob lejn waħda miż-żewġ qċaċet tiegħu: li Ġesù, imqajjem mill-mewt, jidħol jaqsam il-ħobż mad-dixxipli biex huma jkunu jistgħu jagħrfuh.
Dawk li b’niket iqisuh l-uniku barrani li ma jafx x’ġara (u għalhekk iqisuh ʼil bogħod minnhom), issa jitolbuh jibqa’ magħhom u hu jsir ta’ ġewwa magħhom.[12] Luqa 24:18 – “Int waħdek il-barrani/viżitatur/passiġġier f’Ġerusalemm li ma tafx x’ġara f’dawn il-ġranet.” Dak li kien il-protagonist ewlieni tal-ġrajjiet li seħħew f’Ġerusalemm hu msejjaħ (minn Kleofa – xi ħadd magħruf mill-evanġelista u l-komunità li lilha qiegħed jikteb) bħala “l-uniku barrani/passiġġier/viżitatur f’Ġerusalemm!
Mill-banda l-oħra huwa huma li ma jafux, li ma jagħrfuhx! Hu nnifsu jsejħilhom “boloh u tqal biex temmnu” (v.25). Boloh: ma jafux dak li suppost kienu jafu b’moħħhom; tqal biex jemmnu: ma jafux dak li jsaħħan qalb il-bniedem.[13] Hu kien passiġġier f’Ġerusalemm (παροικεῖς Ἰερουσαλὴμ) … Jidħol fil-Belt trijunfalment, imut hemm, iqum mill-mewt hemm … u madankollu ma kienx se jibqa’ hemm għal dejjem, lanqas biss għal żmien twil. Jerġa’ jmur għand il-Missier minn Betanja (qrib Ġerusalemm imma mhux fil-Belt – Lq 24:50), mill-Galilija (Mt 28:16), minn barra Ġerusalemm (Atti 1:12 – id-dixxipli jerġgħu lura Ġerusalemm). Bħalu, id-dixxipli tiegħu kellhom jimxu minn Ġerusalemm għal-Lhudija lejn is-Samarija sa truf l-art (Atti 1:8). Jagħmel tabirruħu li se jibqa’ sejjer meta jaslu Għemmaws (v.28). Kellhom jipperswaduh jibqa’ magħhom (v.29). Meta għarfuh, baqa’ sejjer billi għab minn quddiemhom (v.31). Għalhekk issa kien se jkun magħruf mistikament fil-qsim tal-kelma u tal-ħobż.
Hu li kien distakkat minnhom fl-għarfien ta’ dak li kien ġara lilu stess, issa “daħal biex joqgħod magħhom” – εἰσῆλθεν τοῦ μεῖναι σὺν αὐτοῖς (eisēlten tou meinai sun autois).[14] Jekk qabel kien barrani u stranġier, issa daħal f’darhom u sar ta’ ġewwa magħhom. U daħal mhux biex kemm isellem u jerġa’ joħroġ, imma daħal biex joqgħod fit-tul magħhom: tul ta’ ġesti ta’ laqgħa ta’ ospitalità,[15] tul ta’ ikla, u ta’ qsim ta’ esperjenzi.
Fl-evanġelji l-oħra, “Ibqa’ magħna” tfakkarna f’“Għimmanu-El, Alla magħna” (Mt 1:23); “jiena magħkom dejjem” (Mt 28:20); “se nkun magħkom għal ftit ieħor”; “waqt li għadni magħkom” (Ġw 7:23; 14:25).[16] Bit-talba mħeġġa taż-żewġ dixxipli lill-barrani li mexa magħhom it-triq minn Ġerusalemm sa Għemmaws, Luqa jiftħilna t-tieqa fuq l-inkarnazzjoni tal-Iben ta’ Alla u l-modi kollha li bihom Ġesù Rxoxt se jwettaq dak li wiegħed: se jibqa’ magħna tassew![17]
Luqa, li jikteb l-evanġelju tiegħu lil insara mill-pagani qrib is-sena 85, hawnhekk ma jsegwix it-tqassim tal-ħin Lhudi. Għalkemm iż-żewġ dixxipli jistiednu lill-barrani Ġesù “għax il-jum [kien] wasal biex jintemm”, ma kienx ifisser iktar li x-xemx kien għoddha niżlet fl-ewwel jum tal-ġimgħa. Is-sigħat wara nżul ix-xemx huma għal Luqa parti minn dak l-ewwel jum. L-għan tal-evanġelista hu li dik l-istedina ħerqana taż-żewġ dixxipli ssir it-talba mħeġġa ta’ kull nisrani lill-Imgħallem Irxoxt wara l-qawmien u r-ritorn tiegħu għall-glorja tal-Missier: ‘Ibqa’ magħna għax il-lejl ta’ kull żmien tal-konfużjoni, tan-niket, tad-diqa, tal-problemi, u saħansitra tad-dnub diġà qiegħed fuqna u madwarna!’[18]
Id-dixxipli nsara jitolbu bil-ħerqa lill-Mulej Irxoxt biex jibqa’ magħhom. Id-diwi Kristjan f’dan il-vers u fid-dħul ta’ Ġesù f’dar iż-żewġ dixxipli hu sfiq biżżejjed:
- minkejja li jidher assenti mid-dixxipli għax issa fil-kundizzjoni tal-Imgħallem glorifikat imqajjem mill-mewt, Ġesù hu xorta waħda preżenti mad-dixxipli tiegħu (ara Mt 18:20: “Fejn tnejn jew tlieta jkunu miġbura f’ismi, hemm inkun jien f’nofshom”);
- li Ġesù jidħol joqgħod mad-dixxipli, li joffrulu l-ikla, ifakkarna f’dak li jgħid hu stess fl-Apokalissi: “Ara, jiena fil-bieb, u qiegħed inħabbat; jekk xi ħadd jismagħni u jiftaħli l-bieb, jiena nidħol għandu[19] u niekol miegħu, u hu jiekol miegħi” (3:20);
- li ż-żewġ dixxipli laqgħu għandhom lil xi ħadd li għalihom kien “(int waħdek) il-barrani”, kienu bil-ġest ta’ ospitalità tagħhom qegħdin jilqgħu għandhom lil Ġesù nnifsu: “kont barrani u lqajtuni … Tassew, ngħidilkom, kulma għamiltu ma’ wieħed mill-iżgħar fost dawn ħuti, għamiltuh miegħi” (Mt 25:35.40).
U waqt li kien fuq il-mejda magħhom, qabad il-ħobż, qal il-barka, qasmu u tahulhom (v. 30).
B’introduzzjoni narrattiva, Luqa jiftaħ il-qofol ewlieni tar-rakkont: “Waqt li kien fuq il-mejda magħhom”.[20] Jekk daħal joqgħod magħhom wara li huma talbuh, bilfors qagħad għall-mejda “magħhom”. L-enfasi fuq ‘il-magħhom’ hu ċar.
Li qagħad għall-mejda, li “niżel, miel, iltewa” magħhom (κατακλίνειν kataklínein) … juri azzjoni ta’ moviment għax irid ikun f’livell li jifhmuh (mhux bħal qabel li kellhom xi jżommhom milli jagħrfuh fil-v.16).[21]
Għalkemm setgħet kienet ikla ta’ filgħaxija ta’ kuljum, Ġesù jagħmel il-ġesti kollha ta’ ritwal ta’ ikla solenni Lhudija. Imma għall-qarrej Kristjan, il-kliem magħżula minn Luqa biex jiddeskrivi l-ġesti ta’ Ġesù għandhom importanza u piż kbir: huma wkoll il-lingwaġġ ta’ ġesti Ewkaristiċi. Għal Luqa, b’mod partikulari, “il-qsim tal-ħobż” hi formula teknika li turi l-Ikla Ewkaristika.[22] Il-kuntest sħiħ jistieden lill-qarrej jagħmel interpretazzjoni Ewkaristika tal-ikla ta’ Ġesù maż-żewġ dixxipli.
λαβὼν τὸν ἄρτον εὐλόγησεν καὶ κλάσας ἐπεδίδου αὐτοῖς
labōn tòn árton eulógēsen kaì klásas epedídou autois
It-tliet verbi λαβὼν, εὐλόγησεν, u κλάσας (labōn, eulógēsen u klásas) huma awristi, b’enfasi fuq l-azzjoni fiha nnifisha, azzjoni ta’ teħid, ta’ tberik, ta’ qsim, qisu li Luqa jrid lill-qarrej jara l-azzjonijiet preċiżi ta’ Ġesù waħda waħda, donnu qiegħed bil-camera bi close-up shottiffoka fuqu. Imma mbagħad ἐπεδίδου (epedídou)hu fl-imperfett, azzjoni kontinwata fil-passat … ħa, bierek, qasam u ‘baqa’’ jagħti. Jekk it-teħid tal-ħobż, it-tberik u l-qsim tal-ħobż huma azzjonijiet ta’ mument, l-għoti tal-ħobż maqsum hu azzjoni kontinwa: jibqa’ jagħti lid-dixxipli l-ħobż maqsum.[23]
Minkejja dan, irridu ngħidu li λαβὼν hu partiċipju awrist; mela jiddependi mill-verb ewlieni εὐλόγησεν (awrist indikattiv). La ż-żewġ verbi huma t-tnejn awristi, mela l-azzjoni seħħet fl-istess ħin: Ġesù bierek waqt li ħa; bierek il-ħobż li ħa f’idejh; bierek lil Alla fil-ħobż li ħa f’idejh u li fil-qsim tiegħu kienu se jagħrfuh id-dixxipli. Kif inhuma mqiegħda, l-azzjonijiet tat-tberik tal-ħobż meħud minn fuq il-mejda, iħarsu ʼl quddiem lejn l-azzjonijiet l-oħra tal-qsim u tal-għoti.
λαβὼν hu partiċipju awrist; mela jiddependi mill-verb ewlieni εὐλόγησεν (awrist indikattiv). Ġesù jbierek lil Alla għal dak il-ħobż li hu ħa minn fuq il-mejda u li hu frott il-ħidma ta’ ħafna nies flimkien. Id-dipendenza tal-azzjoni tat-teħid tal-ħobż minn fuq il-mejda fuq il-verb ewlieni tat-tberik εὐλόγησεν turi wkoll li l-ħobż frott ta’ ħafna ħidma jista’ jittieħed minn fuq il-mejda għax ipprovdieh Alla, li lilu jbierek Ġesù għall-għotja tal-ħobż.
Imbagħad, κλάσας hu partiċipju awrist, li għalhekk jiddependi mill-verb ewlieni ἐπεδίδου, imperfett indikattiv. Ġesù ma baqax jagħti (azzjoni ewlenija, kontinwata fil-passat) jekk mhux il-ħobż li kien qasam! L-azzjoni ewlenija tal-vers, ἐπεδίδου, “baqa’ jagħti kontinwament”, tikkwalifika speċifikament li kien il-ħobż li Ġesù kien qasam. Id-dipendenza tal-azzjoni fil-verb κλάσας fuq l-azzjoni fil-verb ἐπεδίδου, tirsalta l-azzjoni tal-qsim, għalkemm hu espress fil-partiċipju dipendenti.
Għalkemm l-azzjoni tal-qsim hi azzjoni dipendenti fuq l-azzjoni tal-għoti, xorta waħda l-għarfien miż-żewġ dixxipli jsir fl-azzjoni tal-qsim tal-ħobż (ara v.35). Azzjoni ta’ importanza ewlenija bħalma kien il-qsim tal-ħobż, tant li kien fil-qsim li għarfu lil Ġesù, titqiegħed f’dipendenza narrattiva mill-azzjoni tal-għoti. Fl-istess ħin, azzjoni narrattivament sekondarja tieħu l-prijorità fuq kull azzjoni oħra, tant li l-azzjoni sħiħa tal-Ewkaristija tibqa’ tiġi miġbura fl-isem tal-“Il-qsim tal-Ħobż”.
L-erba’ verbi λαβὼν, εὐλόγησεν, κλάσας, u ἐπεδίδου (labōn, eulógēsen, klásas u epedídou) insibuhom ukoll f’:
Luqa 9:16 – it-tkattir tal-ħobż – λαβὼν, εὐλόγησεν, κατέκλασεν, ἐδίδου (labōn, eulógēsen, katéklasen, edídou)[24]
Luqa 22:19 – it-twaqqif tal-Ewkaristija – λαβὼν, εὐχαριστήσας, ἔκλασεν, ἔδωκεν (labōn, eukaristēsas, éklasen, édōken)[25]
Atti 27:35 – in-nawfraġju tal-Appostlu Pawlu – λαβὼν, εὐχαρίστησεν, κλάσας (labōn, eukarístēsen, klásas)
1 Korintin 11:23-24 – Tradizzjoni tat-Twaqqif tal-Ewkaristija – ἔλαβεν, εὐχαριστήσας, ἔκλασεν (élaben, eukaristēsas, éklasen)
Lil min bierek Ġesù, εὐλόγησεν (eulógēsen), meta ħa l-ħobż: lil Alla? il-ħobż?[26] Nistgħu noqorbu lejn soluzzjoni jekk inħarsu tajjeb lejn Luqa 9:16, it-test tat-Tkattir tal-Ħobż, fejn insibu l-istess verb. Hemmhekk, Luqa hu espliċitu li Ġesù jbierek il-ħobżiet: εὐλόγησεν αὐτοὺς (eulógēsen autoùs)[= πέντε ἄρτους καὶ τοὺς δύο ἰχθύας – pénte ártous kaì toùs dúo iktúas], “berikhom” (= il-ħames ħobżiet u ż-żewġ ħutiet) li kien għadu kemm semma fil-vers.
Għalkemm Ġesù hu l-mistieden, dak il-ħin jieħu fuqu r-rwol li jilqa’ l-mistednin hu, tal-paterfamilias. Id-dixxipli huma miġbura miegħu għall-ikla li donnu joffrilhom hu, hekk kif fit-triq kien għadu kemm tahom jieklu l-ħobż miftuħ u maqsum tal-Kelma fl-Iskrittura!
λαβὼν u κλάσας (labōn u klásas)huma l-istess verbi bħal f’22:19 (u 9:16), imma Luqa ma jagħtix spjega ta’ dak li qed jagħmel Ġesù bħalma għamel fl-Aħħar Ċena: “Dan hu ġismi li jingħata għalikom; agħmlu dan b’tifkira tiegħi”.
L-oġġett tal-erba’ verbi jista’ jitqies li hu τὸν ἄρτον fil-v.30. Ġesù ħa “il-ħobż”, bierek il-ħobż, qasam il-ħobż, ta l-ħobż. Luqa jikteb li Ġesù “ħa l-ħobż”, mhux “ħa ħobża”, jew “ħa xi ħobż”. Fil-Grieg, “il-ħobż” hu τὸν ἄρτον, nom fl-akkużattiv għax hu l-oġġett tal-azzjoni. Juża l-artiklu definittiv Luqa: τὸν, donnu qiegħed jirreferi għal xi ħobż li kien diġà ssemma qabel[27] jew inkella xi ħobż speċifiku.[28] L-unika referenza li tissemma fit-test hi għall-ħobż li Ġesù kien se jbierek, jaqsam u jagħti, u li fil-qsim tiegħu kienu se jagħrfuh. Lanqas jgħid lil min ta dak il-ħobż, għalkemm nifhmu li liż-żewġ dixxipli li kien magħhom. Luqa jħalli l-azzjoni miftuħa mingħajr indikazzjoni ta’ min qiegħed jirċievi dak il-ħobż speċifiku għax irid b’hekk jindirizza lill-qarrejja fit-Tielet Stadju tal-formazzjoni tal-Evanġelju, dak tal-kitba tal-evanġelju, indirizzat lil insara mill-pagani, imxerrda mad-dinja wara s-sena 85, meta kiteb, aktar milli jirrakkonta biss x’ġara f’dik l-okkażjoni fid-dar ta’ żewġ dixxipli f’Għemmaws. Kull darba li d-dixxipli kienu se jagħmlu dak li għamel Ġesù f’dik l-okkażjoni, kienu se jkunu jistgħu jagħrfuh bħalma ġara f’dik l-okkażjoni f’Għemmaws.[29] Santu Wistin fil-fatt jikkummenta li dak il-ħobż kien il-ħobż tas-Sagrament (tal-Ewkaristija): “Ħadd m’għandu jkollu dubju li l-għarfien [ta’ Ġesù] fil-qsim tal-ħobż hu s-sagrament [tal-Ewkaristija], li jġibna flimkien filli nagħrfuh”;[30] “Mhijiex kull ħobża, kienet liema kienet, kif tista’ tara, imma dik il-ħobża li tirċievi l-barka ta’ Kristu u ssir il-ġisem ta’ Kristu. Huwa hemm li għarfuh”.[31]
Spunti kateketiċi
Il-qarrej hu għalhekk mistieden jaqra t-test f’perspettiva kateketika u mhux biss (u lanqas l-iktar) b’mod storiku:
- inżul ix-xemx bħala l-ħin taċ-ċelebrazzjoni tal-Ewkaristija, bħalma l-Aħħar Ċena saret fi tmiem il-jum;
- Luqa jinsisti għal tliet darbiet fil-versi 29-30 li Ġesù kien “magħhom”, biex jenfasizza r-realtà tal-komunjoni taż-żewġ dixxipli miegħu waqt iċ-ċelebrazzjoni tal-Ikla Ewkaristika;
- il-barrani mistieden biex jaqsam l-ikla ta’ filgħaxija jsir il-paterfamilias li jiftaħ il-mejda tiegħu tal-Ħobż u tal-Kelma lid-dixxipli.
- L-ikla filgħaxija għall-kenn tad-dar u tal-familja ta’ Għemmaws issir għall-Kristjani l-Ikla Ewkaristika, imħejjija mill-Mulej Ġesù Rxoxt innifsu, u li għaliha jiġu mistiedna jieħdu sehem biex hemm jagħmlu l-esperjenza tal-preżenza tiegħu.[32]
Il-ħobż bħala simbolu
L-erba’ verbi huma azzjonijiet li Ġesù jagħmel fuq il-ħobż: jieħu l-ħobż, ibierek lil Alla għalih u bih, jaqsam il-ħobż, u jagħti l-ħobż maqsum lid-dixxipli.
Fil-qsim tal-ħobż, fl-Ewkaristija, noffru l-ħobż u l-inbid. Żewġ realtajiet li jmorru tant tajjeb flimkien meta fuq il-mejda. It-tnejn għall-poplu Lhudi jesprimu kuntest ta’ well-being li t-Testment il-Qadim jiġbor fir-realtà ta’ Xalôm. Imma jesprimu wkoll passaġġ fundamentali għall-Poplu:
• minn stranġieri, jiġġerrew ’l hawn u ’l hinn, imkeċċija mill-oħrajn kollha,
• għal Poplu li hu at home.
Biex ikollok il-ħobż irid ikollok il-qamħ, u biex ikollok il-qamħ ma tistax tkun nomadu; trid tkun poplu b’art tiegħek, settled, at home. Kif tista’ tiżra’ l-qamħ u tagħġen id-dqiq biex tagħmel il-ħobż, jekk ma għandekx art tiegħek?
– Ġożwè 5:11-12 jiddeskrivi d-dħul ta’ Iżraël fl-Art Imwiegħda; minn hemm ʼil quddiem setgħu jieklu l-ħobż tagħhom: “U sewwasew l-għada tal-Għid, huma kielu mill-frott tal-art: ħobż ażżmu u qamħ inkaljat. Minn dakinhar, wara li kielu mill-frott tal-art, il-manna waqfet. Ulied Iżrael ma kellhomx aktar manna, imma minn dik is-sena bdew jieklu milli bdiet tagħtihom l-art ta’ Kangħan”;
– Il-Poplu Lhudi jokrob lil Alla dwar is-sitwazzjoni mwiegħra tiegħu fil-jasar, imma xorta jixxennaq għal ftit ħobż minn dawk li jassruh f’art barranija, għax hu art m’għandux, u għalhekk lanqas ħobż tiegħu ma seta’ jkollu: “Lejn l-Eġittu middejna jdejna, u lejn l-Assirja biex bil-ħobż nixbgħu” (Lam 5:6).
• Lanqas tista’ tieħu ħsieb l-għelieqi tal-qamħ jekk int fi żmien ta’ gwerra:
– Fiż-żmien meta Malta fit-Tieni Gwerra kienet għarkupptejha bil-ġuħ u se ċċedi, Mons. Mikiel Gonzi, li dak iż-żmien kien isqof ta’ Għawdex–milqut ħafna inqas minn Malta–talab il-qamħ lill-bdiewa Għawdxin ħalli jibagħtu Malta u jagħtiha ftit nifs;
– David jitlob il-ħobż lill-qassis Aħimelek tas-Santwarju ta’ Nob, meta kien man-nies tiegħu jaħrab minn Sawl: “U issa, x’għandek f’idejk? Ħames ħobżiet? Agħtini minnhom, jew minn dak li ssib.” U l-qassis wieġeb lil David u qallu: “Ma għandix f’idejja ħobż li jista’ jieklu kulħadd; m’hawnx ħlief ħobż ikkonsagrat” (1 Sam 21:4-5);
Il-ħobż u l-inbid ifissru li int poplu, b’art tiegħu, fi żmien ta’ paċi u well-being.
• Il-ħobż ma jinżillekx tajjeb jekk int imdejjaq jew fil-problemi, marid …
– Eliħu, ħabib Ġob, jitkellem fuq il-konsolazzjonijiet ta’ Alla meta l-bniedem iħossu mgħaffeġ mill-mard, l-inkomprensjoni, il-firda u t-tradiment:
“meta titmeżmeż gerżumtu mill-ħobż, u ma jitħajjarx aptitu mill-ikel bnin” (Ġob 33:20);
– is-Salm 80:5-6 hu talba tal-mirbuħin lil Alla biex jeħlishom mill-inkwiet tal-għedewwa u mix-xkiel tal-ħajja: “Mulej, Alla tal-eżerċti, kemm se ddum tinkorla minkejja t-talb tal-poplu tiegħek? Tmajthom il-ħobż magħġun bid-dmugħ, sqejthom id-dmugħ bix-xaba’”;
– Salm 42:4 jistqarr kif il-ħobż jinbidel fi dmugħ meta l-bniedem hu magħfus mill-problemi: “Id-dmugħ lejl u nhar kien l-ikel tiegħi, meta l-jum kollu kienu jgħiduli: ‘Fejn hu Alla tiegħek?’”;
– l-inkwiet fil-familja joħloq sitwazzjonijiet fejn lanqas sempliċi ikla ta’ kuljum ma tibqa’ ttiegħem l-istess, ifakkar il-Ktieb tal-Proverbji: “Aħjar loqma ħobż niexfa bis-sliem, minn dar mimlija bl-ikel u l-ġlied” (Prov 17:1).
• Il-ħobż isir minn għaqda flimkien ta’ qamħiet individwali separati, li ma jibqgħux jintagħżlu minn xulxin, jitilfu ħafna mill-aspetti oriġinali tagħhom (minn qamħiet għal dqiq) biex isiru ħaġa waħda fil-ħobż.
– 1 Kor 10:16-17: “U l-ħobż li naqsmu mhuwiex għaqda mal-ġisem ta’ Kristu? Għax la l-ħobża hi waħda, aħna, li aħna ħafna, aħna ġisem wieħed; ilkoll kemm aħna nieħdu sehem minn ħobża waħda”;
– id-Didakè 9:4: Kif dan il-ħobż maqsum kien imxerred fuq l-għoljiet u mbagħad inġabar u sar ħaġa waħda, ħa tkun miġbura wkoll il-Knisja tiegħek minn truf l-art fis-Saltna tiegħek.)
Minn dawn is-sinjali ta’ well-being u stabbiltà, Ġesù jagħmilhom is-simboli tiegħu nnifsu li jagħti lid-dixxipli dak kollu li għandhom bżonn ħa jkunu “fix-xalôm.”
- Għalhekk, meta niġu biex naqsmu l-Ħobż flimkien, l-ewwel nitolbu maħfra ’l Alla, biex inneħħu dak li hu “stranġier” fina, dak li ma jħalliniex inkunu ħobża waħda fil-Knisja;
- għalhekk inħallu lil Alla jkellimna fil-Kelma tiegħu ħa jurina x’jagħmilna poplu wieħed bejnietna u fih;
- għalhekk noffru l-ħobż u l-inbid, u għalhekk il-ħobż u l-inbid isiru l-Ġisem u d-Demm tal-Iben ta’ Alla, mezz sublimi tal-għaqda u t-tqarrib tagħna fih fil-qsim tal-ħobż.
Spunti komunitarji u komunjonali
Il-qarrej hu wkoll mistieden jaqra t-test u l-ġrajja ta’ Għemmaws f’perspettiva komunitarja:
- meta Ġesù waqqaf l-Ewkaristija u tenna l-istess ġesti fil-miraklu tat-tkattir tal-ħobż u f’Għemmaws, kien qiegħed juri li l-Ewkaristija ma tistax tiġi ċċelebrata mingħajr il-komunità. Hemm doża qawwija ta’ komunitarjetà fl-erba’ verbi użati minn Ġesù:
- “ħa l-ħobż”, ħa mill-frott ta’ ħidma flimkien ta’ ħafna jdejn: min iħejji r-raba’ għaż-żrigħ, min jiżra’, min jaħsad, min jidres, min jitħan il-qamħ u jieħu minnu d-dqiq, min jagħġnu u jaħmih ħobż, min iqiegħdu fuq il-mejda;
- “bierku”, bierek lil Alla fil-ħobż provdut, frott ta’ ħidma sfiqa ta’ ħafna jdejn;
- “qasmu”, minn ħobża waħda ħa ħafna loqom biex minn waħda jieħdu ħafna;
- “tahulhom”, hu, wieħed, jagħti ħobż li minnu jkunu jistgħu jixbgħu ħafna; tah lill-komunità żgħira (bħal f’Għemmaws), imdaqqsa (bħal fl-Aħħar Ċena) jew kbira (bħal fit-Tkattir tal-Ħobż).
Il-ġesti fil-qsim tal-ħobż jgħajtu: ‘komunità u komunjoni’!
L-Appostlu Pawlu jikteb f’Efesin 1:22-23: “il-Knisja kollha hi Ġismu”,” u f’5:30: “aħna lkoll membri tal-ġisem tiegħu”. Għalhekk, meta in persona Christi capitis,[33] is-saċerdoti jtennu l-kliem: “Ħudu u kulu minnu lkoll, għax dan hu ġismi,” ikunu jistqarru li l-Ġisem Ewkaristiku f’idejhom hu wkoll il-ġisem tal-Ġisem Mistiku tal-Knisja.[34] Ma hemmx Ewkaristija mingħajr il-Ġisem tal-Komunità li temmen. Il-qsim tal-ħobż ma jsir qatt mingħajr il-Komunità.
Meta ż-żewġ dixxipli għarfu lil Ġesù fil-qsim tal-ħobż, Ġesù jgħib minn quddiemhom. Hekk ma kellhom xejn iżjed f’idejhom x’jaqsmu mal-komunità: kien għab minn idejn u minn għajnejn iż-żewġ dixxipli li setgħu jaħkmu l-preżenza fiżika tiegħu biex jgħadduha b’xhieda lill-oħrajn. Imma r-reazzjoni tagħhom hekk kif għarfuh tispjega dak li kien ġara fil-fatt: kellhom xi ħaġa f’idejhom, l-aqwa ħaġa anzi: “Wieħed lill-ieħor [l-irwol tal-komunità mill-ġdid], ‘Ma kinitx imkebbsa qalbna ġewwa fina hu u jkellimna fit-triq u jfissrilna l-Iskrittura?’” (Lq 24:32). Kienu qegħdin jistqarru wieħed lill-ieħor li kien messhom għarfuh qabel u minkejja l-qsim tal-ħobż: fil-qsim tal-Kelma!
U l-Kelma kienet għandhom il-ħin kollu. U l-Kelma setgħu jeħduha magħhom kull fejn imorru: kienet l-istorja tal-imħabba ta’ Alla għall-poplu tagħhom stess; kienet l-istorja tas-salvazzjoni tal-komunità tagħhom; kienet l-istorja tagħhom miktuba bl-iswed fuq l-abjad fl-istorja tal-komunità tal-antenati u tal-poplu tagħhom. Mela kellhom tassew xi ħaġa x’jieħdu f’idejhom, xi jroddu ħajr ʼl Alla tagħha, x’jaqsmu u x’jagħtu lill-komunità tagħhom li temmen!
– Aħna wkoll għandna l-istorja tas-salvazzjoni tagħna riflessa fil-Kelma ta’ Alla nnifisha. Għandna l-istorja tas-salvazzjoni tal-komunità li timxi magħna, hekk kif l-istorja tiegħi stess tagħtini l-possibbiltà li naqsam l-imħabba ta’ Alla, fil-qsim tal-Kelma ta’ Alla miktuba u fil-qsim tal-ħobż mal-komunità tal-Ġisem ta’ Kristu Ġesù. F’dik il-Kelma nista’ nagħraf lilu xorta waħda għax hi l-istorja tal-komunità tal-fidi li ġiet qabli, u l-istorja tiegħi stess, imma hi storja–dik tal-komunità u tiegħi–li ssib il-qofol tagħha fih, għax “beda minn Mosè u l-Profeti kollha jfissrilhom kulma kien hemm fl-Iskrittura fuqu” (v.27).
Imbagħad infetħulhom għajnejhom u għarfuh (v.31a).
Il-partiċella δέ (dé) tat-test Grieg,li biha jiftaħ il-vers 31, turi xi mod ta’ konnessjoni ma’ dak li ngħad qabel. F’dan il-kuntest: infetħulhom għajnejhom ‘għax’ (konsekwenzjali) hu ħa, bierek, qasam u tahom. Infetħulhom għajnejhom ‘wara li’ (temporali) ħa, bierek, qasam u tahom.
Infetħulhom għajnejhom u għarfuh ‘għax’, ‘wara li’ ħa, bierek, qasam u tahom. Imma huma iktar tard jinterpretaw l-għarfien tagħhom f’v.35 “fil-qsim tal-ħobż”. Il-fatt li hu jaqsam il-ħobż[35] hi l-kawża li huma għarfuh. Jekk qasam il-ħobża, setgħu jieklu minnha t-tlieta (u iktar ukoll), bħalma minn ħames ħobżiet setgħu jieklu 5,000 raġel fit-tkattir tal-ħobż (Lq 9:12-17). Imma iktar minn hekk, fil-qsim tal-ħobż fl-Aħħar Ċena, il-qsim tal-ħobż li hu ġismu, u li jsir ġismu “li jingħata għalikom” (Lq 22:19), juri l-għotja sħiħa tal-Mulej lid-dixxipli.
Dawk li “kellhom xi jżommhom milli jagħrfuh” (μὴ ἐπιγνῶναι αὐτόν – mē epignōnai autón) (v.16), issa jagħrfuh għax qasam il-ħobż, waqt li qed jaqsam, fil-qsim. Lil Ġesù ż-żewġ dixxipli ma jagħrfuhx fil-biċċiet, fil-loqom tal-ħobż li jaqsam mill-ħobża, imma fl-azzjoni tal-qsim fih innifsu. Fil-Grieg, issir differenza fit-tifsira bejn κλάσις (klásis – qsim) u κλάσμα (klásma – biċċa ħobż, loqma).[36] Fir-rakkont tal-miraklu tat-Tkattir tal-Ħobż f’Luqa 9:10-17, id-dixxipli jiġbru “l-bċejjeċ tal-ħobż li kien fadal fi tnax-il qoffa” (v.17). Hemmhekk huma l-κλάσματα (klásmata) li jinġabru … imma l-folla u d-dixxipli ma jagħrfux lil Ġesù bħala l-Messija u l-Mulej f’dawk il-biċċiet. Proċess, bħal dak tal-qsim tal-ħobż, jekk ma jibqax sejjer, jintemm, ma jibqax proċess!
Waqt li f’v.16 kellhom xi jżommhom milli jagħrfuh, issa nfetħulhom għajnejhom għal kollox (διηνοίχθησαν, diēnoiktēsan).[37] Għarfuh bħala l-Kristu Mqajjem mill-mewt, għax huma dak li kienu qegħdin jiddibattu u jitħaddtu bejniethom fit-triq: insteraq, għab, qam?
Iżda hu għab minn quddiemhom (v.31b).
“Iżda hu għab (sar inviżibbli) minnhom,” għab minn quddiem għajnejhom. Għal darba oħra, reġa’ kellhom xi jżommhom milli jarawh bl-għajnejn tal-ġisem tagħhom.
U wieħed lill-ieħor bdew jgħidu: “Ma kinitx imkebbsa qalbna ġewwa fina hu u jkellimna fit-triq u jfissrilna l-Iskrittura? (v.32)
Ir-reazzjoni tagħhom it-tnejn (“wieħed lill-ieħor bdew jgħidu”, εἶπαν πρὸς ἀλλήλους, eipan pròs allēlous) tinterpreta l-mod tal-għarfien ġdid: mhux nuqqas ta’ għarfien bħalma kien qabel fil-v.16, ma għarfux li kien Ġesù nnifsu. Issa ma setgħux jagħrfuh iżjed fil-qsim tal-ħobż għax għab minn quddiemhom, imma seta’ kellhom għarfien mod ieħor matul it-triq kollha: fil-qsim tal-Kelma minnu lilhom: “Ma kinitx imkebbsa qalbna ġewwa fina hu u jkellimna fit-triq u jfissrilna l-Iskrittura?” καὶ εἶπαν πρὸς ἀλλήλους· οὐχὶ ἡ καρδία ἡμῶν καιομένη ἦν [ἐν ἡμῖν] ὡς ἐλάλει ἡμῖν ἐν τῇ ὁδῷ, ὡς διήνοιγεν ἡμῖν τὰς γραφάς;”
San Efrem mis-Sirja jispjega x’ġara dak il-mument tal-għarfien taż-żewġ dixxipli: “Meta l-armata dawret il-belt ta’ Dotan fejn kien qiegħed Eliżew, il-bniedem ta’ Alla, leħen kien li fetaħ għajnejn il-qaddej tiegħu (2 Slat 6:13-18). Meta għajnejn id-dixxipli kienu miżmuma milli jaraw, kien il-ħobż li serva biex jinfetħulhom għajnejhom biex jagħrfu lil dak li jaf kollox: għajnejn mimlija diqa jaraw dehra ta’ hena u jimtlew minnufih bil-ferħ.”[38]
Iż-żewġ dixxipli qegħdin jinterpretaw in-nuqqas ta’ għarfien wara l-qsim tal-ħobż għax kien imisshom jagħrfuh waqt li hu kien “jiftħilhom l-Iskrittura”. Jekk qabel kellhom xi jżommhom milli jagħrfuh, issa li għab minn quddiemhom wara li għarfuh, jistgħu jibqgħu jagħrfuh fil-ftuħ tal-Kelma. Jinfetħulhom għajnejhom (διηνοίχθησαν οἱ ὀφθαλμοὶ, diēnoíktēsan ħoi oftalmoi) u jagħrfuh għax / waqt li hu fit-triq kien fetħilhom l-Iskrittura (διήνοιγεν ἡμῖν τὰς γραφάς, diēnoigen ħēmin tas grafás)!
“Kif kien ikellimna fit-triq”: it-triq ġeografika minn Għemmaws sa Ġerusalemm terġa’ tieħu l-enfasi imma bi ħjiel tat-triq tad-dixxipulat. L-għan ġeografiku ntlaħaq meta waslu Għemmaws u Ġesù daħal magħhom; l-għan kerigmatiku u kateketiku intlaħaq hekk kif għarfuh fil-qsim tal-ħobż imma bl-għajnuna tiegħu li kien fetħilhom l-Iskrittura fit-triq (tad-dixxipulat). It-triq tad-dixxipulat tilħaq tmiemha biss fil-ftuħ tal-Kelma li jwassal għall-għarfien ta’ Ġesù bħala l-Mulej tal-ħajja, imqajjem mill-mewt.[39]
L-għarfien ta’ Ġesù fil-Qsim tal-Ħobż donnu jisfuma fix-xejn biex ir-rakkont jerġa’ jaqbad it-tema tal-Iskrittura fl-ewwel persuna taż-żewġ dixxipli nfushom. It-triq ġeografika li donnha ntemmet hekk kif waslu Għemmaws u daħlu f’darhom, terġa’ tibda bħala triq ta’ dixxipulat u evanġelizzazzjoni minn Għemmaws lejn Ġerusalemm u l-komunità miġbura hemm. Qabel Ġesù fetħilhom għajnejhom biex jagħrfuh fil-qsim tal-ħobż, kien fetħilhom qalbhom għall-Iskrittura: tħejjija indispensabbli għal-laqgħa personali ma’ Ġesù fil-fidi. Il-preżenza ta’ Kristu Ġesù Rxoxt tidħol fil-qalb tad-dixxiplu li għandu l-fidi permezz tal-Iskrittura interpretata (διήνοιγεν, diēnoigen) fit-tifsira tagħha paskwali u permezz tal-Ewkaristija, li jħeġġulu qalbu b’nar ħaj u jagħmluh kapaċi jifhem il-misteru li hu qiegħed fih fil-fidi.[40]
Dan l-għarfien ġdid ippermettielhom imorru lura lejn il-komunità tad-dixxipli f’Ġerusalemm (v.33) u jirrakkuntaw kif għarfuh fil-qsim tal-ħobż. Issa setgħu jmorru lura lejn Ġerusalemm (mhux bħal qabel ʼil bogħod minnha, f’v.13), għax issa setgħu jħabbruh lill-oħrajn. Kieku kien biss għarfien tal-persuna tiegħu (għarfuh fil-qsim tal-ħobż) ma kienx ikollhom xi jwasslu lid-dixxipli l-oħra, għax fiżikament ma kellhom xejn f’idejhom, la hu kien għab minn quddiem għajnejhom. Issa għandhom l-għarfien tiegħu fil-qsim u l-ftuħ tal-Iskrittura minnu stess. Dak it-tip ta’ għarfien–fil-qsim u l-ftuħ tal-Iskrittura–jista’ jkollhom dejjem u issa jistgħu jgħadduh lill-oħrajn kull fejn ikunu; m’hemmx għalfejn ikun hemm hu preżenti, quddiem għajnejhom.
Dak il-ħin stess qamu u reġgħu lura Ġerusalemm. Hemm sabu lill-Ħdax u lil sħabhom miġbura flimkien (v.33).
“Dak il-ħin stess” – jiġifieri, wara li pperswadew lilu biex jibqa’ magħhom u mhux jibqa’ sejjer għax il-ħin kien għafas u l-jum kien wasal biex jintemm, issa huma stess jiddeċiedu li jerġgħu lura lejn Ġerusalemm! Mit-triq ġeografika bejn Ġerusalemm sa Għemmaws b’qalb tqila u “b’ħarsa ta’ niket fuq wiċċhom” (v.17), issa jerġgħu lura fit-triq tal-evanġelizzazzjoni b’qalb “taqbad” (v.32), “dak il-ħin stess” (v.33), lejn il-komunità li temmen. Hemm, l-aħbar li kellhom x’jagħtu ma kellhiex għalfejn tkun fit-tul, bħalma hu “beda minn Mosè u l-profeti kollha jfissrilhom kulma kien hemm fuqu fl-Iskrittura” (v.27); kellha tkun biss: “x’kien ġralhom fit-triq u kif kienu għarfuh fil-qsim tal-ħobż” (v.35). Il-komunità tiġbor dan kollu f’żewġ frażijiet kerigmatiċi: “Il-Mulej qam tassew, u deher lil Xmun!” (v.34).
Il-Ħdax kienu l-Ħdax-il Appostlu, wara li Ġuda kien tradixxa lil Ġesù u neħħa ruħu b’idejh (ara Mt 27:5; Atti 1:18). Imma skont l-evanġelista Ġwanni, “Dakinhar filgħaxija, fl-ewwel jum tal-ġimgħa,” (Ġw 20:19, bħal Lq 24:13) Tumas ma kienx magħhom. Jekk ngħaqqdu ż-żewġ tradizzjonijiet, minflok kontradizzjoni dwar jekk Tumas kienx hemm jew le, jekk kinux ħdax jew għaxra, ikollna dettall ieħor dwar it-tema teoloġika tal-għarfien ta’ Ġesù Imqajjem mill-mewt, b’mod li ma jkunx hemm għalfejn il-preżenza fiżika, din id-darba ta’ min jemmen, Tumas f’dan il-każ. Il-konklużjoni tar-rakkont ta’ Tumas jiġbidha Ġesù nnifsu: “Tumas, emmint għax rajt; henjin dawk li ma rawx u emmnu” (Ġw 20:29). Iż-żewġ dixxipli ta’ Għemmaws jibqgħu jemmnu fil-qawmien ta’ Ġesù anke wara li jgħib minn quddiemhom, wara l-qsim tal-ħobż, tant li jmorru jħabbruh imqajjem saħansitra lill-appostli u lil sħabhom.
U dawn qalulhom: “Il-Mulej qam tassew, u deher lil Xmun! (v.34)
Qabel biss jiftħu fommhom biex jirrakkuntaw l-esperjenza tagħhom, iż-żewġ dixxipli jisimgħu t-tħabbira tal-qawmien u tad-dehriet ta’ Ġesù mill-Ħdax: Ġesù qam tassew u deher lil Xmun. L-intenzjoni tal-awtur hi ċara: il-fidi tax-xhieda uffiċjali u tal-komunità tal-bidu mhix imsejsa fuq diċeriji ta’ nies sekondarji għall-ġrajja tal-mewt u l-qawmien ta’ Ġesù, imma fuq il-laqgħa tal-Irxoxt innifsu ma’ Pietru, kap tal-grupp tal-Appostli. Pietru b’hekk qiegħed jiġi magħruf bħala l-ewwel xhud uffiċjali tal-qawmien. Ix-xhieda tiegħu, flimkien ma’ dik tal-Għaxra, taż-żewġ dixxipli u mhux inqas tan-nisa (vv.1-11), jqiegħdu x-xhieda tal-qawmien fuq il-blat sod ta’ dak li raw! Il-Ħdax issa jħabbru ċ-ċertezza tal-fidi tagħhom fil-qawmien ta’ Ġesù. Din hi mixja ta’ kérigma (“Il-Mulej qam tassew”), katekeżi (“tarrfulhom x’kien ġralhom fit-triq”) u xandir/qsim tal-fidi, evanġelizzazzjoni (“kif għarfuh fil-qsim tal-ħobż”).[41]
“Il-Mulej qam tassew u deher lil Xmun” (ὤφθη Σίμωνι, ōftē Símōni). Din hi formula kerigmatika, stqarrija tal-fidi.[42] It-titlu κύριος (kúrios), “Mulej”, hu użat minn Luqa hawnhekk fil-forma assoluta tiegħu: ὁ κύριος (ħo Kúrios), mingħajr l-ebda kwalifika oħra, kif jagħmel fil-v.3 (“l-Mulej Ġesù”) u fil-v.15 (“Ġesù nnifsu”). Issa, l-aħbar tal-irġiel (v.5): “Mhuwiex hawn imma qam” (οὐκ ἔστιν ὧδε, ἀλλ᾽ ἠγέρθη, ouk éstin ħōde, all’ēgértē), saret l-istqarrija tal-komunità sħiħa li temmen, jew aħjar, saret komunità li taqsam flimkien dik il-konvinzjoni li l-Mulej qam![43]
Luqa anke hawnhekk juża verbi tradizzjonali tal-istqarrija nisranija tal-qawmien: il-verb ἐγείρειν (egeírein) fil-passiv, li sar terminu tekniku biex juri l-qawmien ta’ Ġesù minn Alla[44] bħal f’1 Korintin 15:4.[45] Luqa juża wkoll il-verb “huwa ra” fil-passiv: “intwera”[46] (ὤφθη, ōftē), bħal f’1 Korintin 15:5. Luqa saħansitra jżomm l-istess ordni tal-verbi ta’ 1 Korintin 15:4-5: “qam … deher”.[47]
Mill-ġdid, Ġesù jerġa’ jidher (il-verb ὁραn, ħorán), din id-darba lil Xmun. L-isem Xmun fil-Lhudi hu שִׁמְעוֹן , Ximʽòn mill-verbשׁמע , xāmaʽ – ‘hu sema’’. Deher lil dak li jisma’! “Ma kinitx qalbna taħraq waqt li kien jiftħilna l-Iskrittura?” jirreaġixxu ż-żewġ dixxipli wara li għarfuh fil-qsim tal-ħobż u hu għab minn quddiemhom. Kien messna diġà għarafnieh fis-smigħ tagħna tal-Kelma miftuħa minn Ġesù Rxoxt innifsu; issa jidher lil dak li ismu jfisser “dak li jisma’”. B’hekk, Xmun Pietru jsir l-ewwel xhud uffiċjali tal-qawmien.
U huma wkoll tarrfulhom x’kien ġralhom fit-triq, u kif kienu għarfuh fil-qsim tal-ħobż (v.35).
Min-naħa tagħhom, id-dixxipli ἐξηγοῦντο, eksēgounto,jagħmlu eseġeżi, jinterpretaw dak li kien ġralhom fit-triq: l-ewwel kellhom xi jżommhom milli jagħrfuh, imbagħad ġie hu f’nofshom u mexa magħhom … imbagħad daħal joqgħod magħhom, qasam il-ħobż u għarfuh, u indunaw li kien messhom għarfuh waqt li kien jiftħilhom l-Iskrittura, waqt li kien miexi magħhom (vv.25-27).[48]
Lid-dixxipli l-oħra għamlulhom eseġeżi, interpretawlhom kif għarfuh fil-qsim tal-ħobż, azzjoni li kellha magħha sett ieħor ta’ verbi (ħa, bierek u baqa’ jagħti) imma li wkoll skattat fihom l-għarfien li kien messhom għarfuh xorta waħda, u qabel, meta hu kien qiegħed jiftħilhom l-Iskrittura!
Il-qsim tal-ħobż nerġgħu nsibuh fil-ktieb tal-Atti tal-Appostli. Atti 2:42.46 (“U kienu jżommu sħiħ fit-tagħlim tal-appostli u fl-għaqda ta’ bejniethom, fil-qsim tal-ħobż u fit-talb … U kuljum kienu jmorru fit-tempju flimkien, jaqsmu l-ħobż fi djarhom, u jissieħbu fl-ikel bi qlub ferħana u safja”); 20:7.11 (“Fl-ewwel jum tal-ġimgħa nġbarna flimkien biex naqsmu l-ħobż. Pawlu, li kellu jitlaq l-għada, qagħad jitħaddet magħhom u dam jitkellem sa nofsillejl … Imbagħad reġa’ tela’ fuq, qasam il-ħobż u kiel; u ssokta jitkellem magħhom sa ma sebaħ. Imbagħad telaq”); 27:35 (“Kif qal dan, qabad il-ħobż, radd il-ħajr lil Alla quddiem kulħadd, qasam u beda jiekol”).
Ernst Haenchen[49] jikteb li l-qsim tal-ħobż f’Atti 20:7.11 jirreferi għall-Ewkaristija imma f’2:46 u 27:35 għal ikla profana (forsi ikla solenni). Ma jidhirx għal xiex għandu jkun hemm distinzjoni. Forsi għax ma hemmx “u ta, qassam”? Luqa qiegħed jaqra lura fit-tielet stadju tal-formazzjoni tal-Evanġelju, imma hekk jixtieqha li tiftiehem.
Li d-dixxipli jagħrfu lil Ġesù fil-Qsim tal-Ħobż u li ma jidhirx fiżikament iżjed wara kienet u għadha l-esperjenza ta’ kull ġimgħa tad-dixxipli fl-Ewkaristija. Għalhekk insibu paralleliżmu sfiq ma’ Atti 20:7-12, fejn l-Appostlu Pawlu wkoll “jaqsam il-ħobż” fi Troas. Hemm fi Troas, Pawlu wkoll jaqsam il-ħobż u jiekol wara li jagħmel qsim tal-Kelma fit-tul. Hemm ukoll Luqa juża l-verb ὁμιλεῖν – ὁμιλήσας, ħomilein – ħomilēsas – 20:11) bħal f’Għemmaws (vv.14.15). Hekk kif il-qsim tal-Kelma fi Troas kien l-espożizzjonni tal-Kelma fi Kristu minn Pawlu, hekk f’Għemmaws Kristu Ġesù rxoxt ifisser liż-żewġ dixxipli “kulma kien hemm fl-Iskrittura fuqu” (v.27). Fi Troas ukoll, Pawlu “qasam il-ħobż u kiel” (20:11).[50] F’Għemmaws u fi Troas, u kull fejn kien hemm “tnejn jew tlieta miġburin f’ismi”, il-Kelma u l-Ħobż jinqasmu bejn l-Insara għall-ħajja ta’ dejjem. Dak li hu importanti hu li għarfuh fil-qsim tal-ħobż (v.35) u dan mhux billi rawh bl-għajnejn fiżiċi tagħhom imma bil-fidi fil-Kelma!
[1] 24:1-9, dehra tal-anġli lin-nisa ħdejn il-qabar; vv.10-11, in-nisa jirrakkuntaw x’raw u xi ntqal lilhom lill-Ħdax u lill-oħrajn magħhom; vv.12-12, Pietru jmur hu nnifsu ħdejn il-qabar.
[2] Ir-raba’ element tal-framment kerigmatiku li jsemmi l-Appostlu Pawlu hu d-dehra ta’ Ġesù Rxoxt lil Kefa, l-isem Aramajk ta’ Pietru, li Luqa jdaħħal indipendentement f’Luqa 24:34: “Il-Mulej qam tassew u deher lil Xmun.” Il-fatt li Pawlu–skont it-tradizzjoni li hu nnifsu rċieva–juża dan l-isem ta’ Kefa għal Pietru, juri li aktarx hu dan l-isem oriġinali li bih Pietru hu msemmi fit-tradizzjoni kerigmatika tal-qawmien. Barra Galatin 1:18; 2:9.11.14, Kefa hu l-isem li Pawlu normalment juża għal Pietru f’1 Korintin: 1:12; 3:22; 9:5. F’Galatin 2:7-8, l-isem Pietru hu użat, l-isem komuni fl-evanġelji, fl-Atti u fl-Ittri Kattoliċi. Saħansitra fi Ġwanni, li jikteb l-evanġelju tiegħu fis-sena 100 u li għandu wkoll it-tradizzjoni tad-dehra ta’ Ġesù lil Pietru, Kefa hu wkoll l-isem użat. Ġesù jidher lil Kefa–il-blata–għax kien il-kap tal-Appostli. Ara Joseph A. Fitzmyer, First Corinthians. A New Translation with Introduction and Commentary. The Anchor Bible, 32 (New Haven – London: Yale University, 2008), 549; ara wkoll William F. Orr, u Arthur Walther, 1 Corinthians. A New Translation. Introduction with a Study of the Life of Paul, Notes and Commentary. The Anchor Bible, 32 (New York – London: Doubleday, 1976),318; Craig F. Evans, Saint Luke. TPI New Testament Commentaries, 9 (London: SCM, 1990), 914-915.
[3] L-għeruq tal-verb θαυμάζειν (taumáżein) huma marbuta man-nom θέα (téa – dehra, viżjoni) u mal-verb θεάσθαι (teástai – ikkontempla). Meta hu intransittiv, bħal f’dan il-każ, jesprimi r-reazzjoni umana quddiem rivelazzjoni divina f’xi forma jew oħra, u l-aktar ir-reazzjoni tax-xhieda ta’ mirakli: hu stagħġeb. Fit-Testment il-Ġdid hu l-iktar użat minn Luqa. Ara Georg Bertram, “θαύμα,” f’Theological Dictionary of the New Testament, vol. III, ed. Gerhard Kittel, tr. Geoffrey W. Bromiley (Grand Rapids, MI: Eerdmans, 1965),25-42.
[4] It-tema tat-Triq fl-evanġelju ta’ Luqa u fl-Atti tal-Appostli hi tema ewlenija. Id-dixxiplu ta’ Ġesù hu meqjus li qiegħed miexi fit-Triq. Hemm ħafna referenzi għat-Triq fl-evanġelju u fl-Atti. Aktarx li l-iktar żewġ mumenti importanti f’dan ir-rigward hu l-vjaġġ ta’ Ġesù lejn Ġerusalemm–minn 9:51 sa 19:44–u d-dehra ta’ Ġesù Rxoxt lil Sawl hu u sejjer fi triqtu lejn Damasku, jaqbad l-insara li kien isib miexja fit-Triq (Atti 9:2). Fil-każ taż-żewġ dixxipli ta’ Għemmaws, Ġesù jidħol f’nofshom waqt li huma sejrin lura lejn Għemmaws minn Ġerusalemm, imħawdin għal dak li kien ġralu Ġesù (u huma minħabba fih). Kleofa jirreferi għal Ġesù bħala σὺ μόνος παροικεῖς Ἰερουσαλὴμ (su mónos paroikeis Ierousalēm), fejn πάροικος (pároikos) hu dak li hu pellegrin, bla dar jew art fissa, imma donnu l-ħin kollu jterraq. Fit-Triq, Ġesù nnifsu ‘jiftħilhom l-Iskrittura’ u jurihom li kulma hemm fiha jitkellem fuqu. Hekk kif jagħrfuh fil-Qsim tal-Ħobż, huma jerġgħu lura minn dik it-Triq lejn il-komunità tad-dixxipli f’Ġerusalemm; ara I. Howard Marshall, The Gospel of Luke. A Commentary on the Greek Text. The New International Greek Testament Commentary (Exeter – Grand Rapids, MI: Paternoster Press – Eerdmans, 1978), 400-402; Joseph A. Fitzmyer, The Gospel According to Luke (X-XXIV). Introduction, Translation and Notes. The Anchor Bible, 28A (New York: Doubleday, 1985), 823-827.
[5] It-test Grieg jispeċifika li Ġesù mhuwiex biss ‘Mulej, Lord’ imma ‘Il-Mulej: ὄντως ἠγέρθη ὁ κύριος’ (óntōs ēgértē ħo Kúrios).
[6] Id-diskorsi tal-Appostli fl-Atti tal-Appostli dejjem għandhom tliet elementi: i) il-ġrajja (ħajja, tagħlim, passjoni, mewt u qawmien) ta’ Ġesù, ii) interpretata mill-Iskrittura (titli, kwotazzjonijiet jew referenzi u allużjonijiet), iii) tisfida lis-semmiegħa (għall-indiema, għall-konverżjoni, għall-magħmudija): ara Etienne Charpentier, How to Read the New Testament (London: SCM, 1982), 34-35; 44.
[7] Ara William F. Arndt, F. Wilbur Gingrich, Frederick W. Danker, u Walter Bauer, A Greek-English Lexicon of the New Testament and Other Christian Literature (Chicago – London: University of Chicago, 1979), 692, 780.
[8] Dan it-tip ta’ Imperfett hu msejjaħ ‘Imperfett konattiv’ (bl-Ingliż, conative, voluntative, jew tendential): ara Maximilian Zerwick, Biblical Greek (Scripta Pontificii Instituti Biblici; Rome: Pontifical Biblical Institute, 1963), 92, #273; ara wkoll Friedrich Blass, Albert Debrunner, u Robert W. Funk, A Greek Grammar of the New Testament and Other Early Christian Literature (Chicago – London: University of Chicago Press, 1961), 169, #326, u Daniel B. Wallace, Greek Grammar Beyond the Basics. An Exegetical Syntax of the New Testament (Grand Rapids, MI: Zondervan, 1996), 550-552.
[9] Ara n-nota 7 iktar ʼil fuq, billi l-verbi συνεπορεύετο (suneporeúeto)u ἐπορεύοντο (eporeúonto) ġejjin mill-istess verb bażiku πορεύεσθαι (poreúestai).
[10] Forsi mart Kleofa, Marija. Fuq il-kalvarju, weqfin ħdejn is-salib ta’ Ġesù, kien hemm ommu, oħt ommu, Marija ta’ Kleofa, u Marija ta’ Magdala (ara Ġw 19:25). Jista’ jkun li Luqa u Ġwanni kellhom tradizzjoni komuni li taf b’din il-koppja, Kleofa u martu Marija. Għal tradizzjonijiet komuni bejn l-evanġelisti Luqa u Ġwanni, ara Joseph A. Fitzmyer, The Gospel According to Luke (I-IX). Introduction, Translation and Notes. The Anchor Bible, 28 (New York: Doubleday, 1981), 87-89; Raymond E. Brown, The Gospel According to John (I-XII). Introduction, Translation and Notes. The Anchor Bible, 29 (New York: Doubleday, 1966), xliv-xlvii; Paul N. Anderson, Acts 4:19-20—‘An Overlooked First-Century Clue to Johannine Authorship and Luke’s Dependence Upon the Johannine Tradition,’ Bible and Interpretation (September 2010), http://www.bibleinterp.com/ opeds/acts357920.shtml [aċċessat, 20 ta’ Ġunju 2020].
[11] Ara Gérard Rossé, Il Vangelo di Luca. Commento esegetico e teologico. Collana Scritturistica di Città Nuova. (Roma: Città Nuova, 21995), 1028.
[12] μεῖνον μεθ᾽ ἡμῶν (meinon met’ ħemōn) – meinon hu imperattiv ta’ kmand imma fl-awrist, li hu l-aspett lingwistiku li jitfa’ l-enfasi fuq l-azzjoni ta’ ‘ibqa’’ fiha nnifisha. L-imperattiv awrist ma jinteressahx kemm iddum l-azzjoni, meta tibda jew tispiċċa; ma jinteressahx l-aspett taż-żmien tal-azzjoni. Jissejjaħ ‘ingressiv’ jew ‘konstattiv’, u joħroġ l-idea ta’ ‘Ibda agħmel hekk u hekk’. Għalhekk f’dan il-każ: ‘ibda ibqa’ magħna’ (donnhom qegħdin jgħidulu: ‘għax s’issa ma kontx magħna’, jew aħjar ‘s’issa ma konniex miegħek għax ma għarafniekx’: ara Wallace, Greek Grammar Beyond the Basics, 718-720.
[13] Għal diskussjoni kif dan it-tagħrif li jagħtu ż-żewġ id-dixxipli lill-barrani magħhom jista’ jittieħed fid-dawl ta’ memorja jew memorjal, ara Paul Sciberras, “Il-memorja jew aħjar il-memorjal tagħna bħala konsagrati,” fi Lejn il-mixja ta’ Għemmaws: Il-memorja, l-istorja u l-passat tal-Ħajja Kkonsagrata (Malta: KSMR, 2017), 13-20.
[14] Il-verb εἰσῆλθεν (eisēlten) fil-vers εἰσῆλθεν τοῦ μεῖναι σὺν αὐτοῖς (eisēlten tou meinai sun autois), hu awrist indikattiv, li jiffoka fuq it-tip ta’ azzjoni li tkun qed issir, mhux it-tul tagħha. Għalhekk, f’dan il-każ, hu l-fatt li Ġesù ‘daħal’ joqgħod maż-żewġ dixxipli hi l-azzjoni li tinteressa lill-awtur.
[15] Tgħanniqa lil kull membru tal-familja, ħasil tar-riġlejn u l-idejn, u l-bqija. “L-ospitalità tista’ titqies bħala l-istituzzjoni-pedament tal-kultura ta’ Iżrael,” Oded Borowski, Daily Life in Biblical Times. Society of Biblical Literature, Archaeology and Biblical Studies, 5 (Leiden: Brill, 2003), 22-24. Ma jistax jonqos li stejjer ta’ ospitalità nsibu bħax-xita fil-Bibbja kollha: Abram u t-tliet mistednin tiegħu (Ġen 18:2-8), Gidgħon u l-anġlu tal-Mulej (Mħ 6:11-21), Elija milqugħ mill-armla ta’ Sarefta ta’ Sidon (1 Slat 17:8-16); il-mara minn Sunem tilqa’ lil Eliżew (2 Slat 4:8-11). Imbagħad fit-Testment il-Ġdid insibu d-dettalji ta’ ospitalità li kien fid-dmir li jagħti Xmun il-Fariżew lil Ġesù meta stiednu għall-ikel għandu (Lq 7:44-46), u Ġesù li jaħsel riġlejn l-Appostli qabel l-Aħħar Ċena (Ġw 13:3-5). Alfred Edersheim, Sketches of Jewish Social Life (Peabody, MA: Hendrickson, 1994), 46-48, ifakkarna f’dak li jgħid l-awtur tal-Ittra lil-Lhud 13:2: “Tinsewx tilqgħu lill-barranin; minħabba f’hekk xi wħud laqgħu l-anġli bla ma kienu jafu”. Iż-żewġ dixxipli ta’ Għemmaws laqgħu lill-Mulej innifsu!
[16] L-evanġelista Ġwanni għandu wkoll il-wegħda ta’ Ġesù lid-dixxipli fid-Diskors Saċerdotali fejn iwegħidhom li jibagħtilhom il-Paraklitu mingħand il-Missier, li fih se jkun dejjem magħhom: “Jiena nitlob lill-Missier, u hu jagħtikom Difensur ieħor biex jibqa’ magħkom għal dejjem” (14:16).
[17] Jagħmel ħafna sens il-fatt li Kleofa jirreferi għal Ġesù bħala σὺ μόνος παροικεῖς Ἰερουσαλὴμ (su mónos paroikeis Ierousalēm), fejn πάροικος (pároikos) hu dak li hu pellegrin, m’għandux dar jew art fissa, imma donnu l-ħin kollu jterraq. Dak li se jibqa’ magħna għal dejjem, hu dak li hawn fl-art hu biss pellegrin! Se jibqa’ magħna b’modi oħra.
[18] Ara Rossé, Il Vangelo di Luca, 1028.
[19] Hawnhekk ukoll jintuża l-istess verb εἰσέρχεσθαι (eisèrkestai, eiseleúsomai) bħal f’Luqa 24:29 (εἰσῆλθεν eisēlten).
[20] Ἐν τῷ κατακλιθῆναι (en tē kataklitēnai), infinittiv passiv awrist, li jitfa’ l-ispotlight fuq l-azzjoni ta’ Ġesù ‘milwi, mimdud’ (κατακλίνειν kataklínein = imtedd, jew qagħad bilqiegħda għall-ikel).
[21] Fl-Ittra lill-Filippin 2:7, f’innu li aktarx kien diġà jintuża fil-liturġija, l-Appostlu Pawlu juża l-verb ἐκένωσεν (eskénōsen, mill-verb κενοῦν [kenoun], ‘xejjen’. F’kuntrast ta’ paradoss divin, Alla “għollieh sas-smewwiet” ὑπερύψωσεν (ħuperúpsōsen) (v.9). L-inżul ta’ Ġesù biex “jiekol magħhom” isir simbolu tat-tixjin tiegħu għall-bnedmin. Ara Bruce J. Malina, u John J. Pilch, Social-Science Commentary on the Letters of Paul. Social-Science Commentary (Minneapolis: Augsburg Fortress Press, 2006), 305-306; Peter F. Ellis, Seven Pauline Letters (Collegeville, MN: Liturgical Press, 1982), 124-125; Chantal Reynier, “Lettera ai Filippesi,” in Chantal Reynier, Michel Trimaille, u Albert Vanhoye Lettere di Paolo, II, Efesini, Filippesi, Colossesi, 1-2 Tessalonicesi, 1-2 Timoteo, Tito, Filemone, Ebrei. Commento Pastorale (Cinisello Balsamo [MI]: San Paolo, 2000), 94-95. L-Evanġelista Ġwanni għandu l-famuż vers 14 tal-Prologu fl-ewwel kapitlu tal-evanġelju tiegħu: “Il-Verb sar bniedem u waqqaf it-tinda tiegħu f’nofsna”, mhux xi dar stabbli. Forsi għalhekk Kleofa ra fil-barrani miexi magħhom il-pellegrin bla dar fissa! Dak ukoll hu tixjin (κένωσις, kénōsis) bħal f’Filippin 2:7, tant li niesu, li hu ġie fosthom, lanqas biss għarfuh (Ġw 1:11).
[22] Nerġgħu nsibu l-istess verb f’Atti 2:42.46; 20:7.
[23] Luke T. Johnson, The Gospel of Luke. Sacra Pagina, 3 (Collegeville, MN: Michael Glazier – Liturgical Press, 1991), 396.
[24] F’dan ir-rakkont ukoll, fil-v.12, nerġgħu nsibu n-nota “Il-jum kien wasal biex jintemm” (Ἡ δὲ ἡμέρα ἤρξατο κλίνειν, ħe dè ħēméra ērksato klínein), bħalma fir-rakkont ta’ Għemmaws insibu: “Ibqa’ magħna, għax issa sar ħafna ħin u l-jum ġa wasal biex jintemm” (κέκλικεν ἤδη ἡ ἡμέρα, kékliken ēdē ħē ħēméra). Ir-referenza għall-Ewkaristija toħroġ ċara biżżejjed.
[25] F’dan il-każ, għandna εὐχαριστήσας (eukaristēsas) flok εὐλόγησεν (eulógēsen).
[26] Fitzmyer, fil-kummentarju tiegħu, The Gospel According to Luke (X-XXIV), 1567-1568,ma jidhirx li jagħmel differenza: Alla jitbierek fil-ħobż imbierek.
[27] Il-Grieg jagħmel differenza bejn l-assenza tal-artiklu u l-preżenza ta’ dak definittiv. Meta l-awtur ma jqiegħedx l-artiklu definittiv ma’ oġġett ikun irid jitfa’ l-attenzjoni tal-qarrej fuq il-kwalità tal-oġġett, mhux prinċipalment irid juri ħaġa minn ħafna: Ġesù ħa ħobża minn ħafna li seta’ ħa. “The ommission of the article shows that the speaker regards the person or thing not so much as this or that person or thing, but rather as such a person or thing, i.e. regards not the individual but rather its nature or quality”, ara Zerwick, Biblical Greek, 55, #171. Meta ma hemmx artiklu mal-oġġett hi l-kwalità tal-oġġett li tkun enfasizzata (ara Wallace, Greek Grammar Beyond the Basics, 243-254). Jekk, ngħidu aħna, Ġwanni jiftaħ l-evanġelju tiegħu bil-kliem: “Fil-bidu kien il-verb”, bil-Grieg jikteb, Ἐν ἀρχῇ ἦν ὁ λόγος (en arkē(i) ēn ħo lógos), fejn in-nom ἀρχῇ (arkē(i)), bidu, m’għandux artiklu. Kieku kellna nittraduċu litteralment, konna nagħmlu: “F’bidu”. Imma billi Ġwanni ried jiffoka fuq il-bidu bħala t-tluq u l-oriġini ta’ kollox, allura jqiegħed in-nom ‘bidu’ fil-kwalità tiegħu ta’ oriġini, allura jiktbu mingħajr l-artiklu.
F’dan il-każ ta’ Luqa 24:30, in-nom ἄρτον (ħobż) hu akkumpanjat mill-artiklu definittiv. Hawnhekk, l-artiklu jista’ jissejjaħ ‘artiklu anforiku’ (anaphoric), artiklu li jirreferi għal xi ħaġa li tkun issemmiet qabel. F’dan il-każ, Luqa qisu qiegħed jgħid, ‘ħa l-ħobż li kien issemma qabel’: ara Wallace, Greek Grammar Beyond the Basics, 217-220.
[28] Jissejjaħ ‘artiklu deittiku’ (deictic), għax donnu juri b’sebgħu jew jipponta lejn l-oġġett li kulħadd qiegħed jara quddiemu: ara Wallace, Greek Grammar Beyond the Basics, 221-223. Imma aħna ma nafux jekk kienx hemm iżjed ħobż(iet) fuq il-mejda. Hawnhekk, f’Luqa 24:30, jista’ jkun ukoll ‘artiklu monadiku’ (monadic), jiġifieri li hemm wieħed biss bħalu. Biex tinterpreta l-artiklu ma’ ἄρτον (ħobż) bħala artiklu monadiku, trid taqra t-test u dan il-ġest mil-lenti tal-insara li ġew wara l-ġrajja: il-qarrej ikun jaf li l-awtur qiegħed jirreferi għall-ħobż uniku tal-Ewkaristija.
[29] Fis-sena 56, l-Appostlu Pawlu jiġbor din l-idea fl-Ewwel Ittra lill-Korintin 11:26 b’din l-istqarrija: “Kull meta tieklu dan il-ħobż u tixorbu dan il-kalċi, intom ixxandru l-mewt tal-Mulej sa ma jiġi”.
[30] Ara Santu Wistin, Ittra 149, f’Luke. Ancient Christian Commentary on Scripture, New Testament, III; ed. Arthur A. Just (Downers Grove, IL: InterVarsity, 2003), 382.
[31] Santu Wistin, Prietka 234.2, f’Luke. Ancient Christian Commentary on Scripture, New Testament, III; ed. Arthur A. Just (Downers Grove, IL: InterVarsity, 2003), 382.
[32] Ara Rossé, Il Vangelo di Luca, 1029.
[33] “fil-persuna ta’ Kristu, ir-Ras [tal-Ġisem tiegħu li hu l-Knisja]”, ara Kol 1:18; Efes 5:23; Kol 1:24.
[34] Raniero Cantalamessa, The Eucharist: Our Sanctification (Collegeville, MN: The Liturgical Press, 21995), 16-38.
[35] Il-qsim tal-ħobż hu espress minn Luqa bħala (ἡ) κλάσις (τοῦ) ἄρτου ([ħē] klásis [tou] àrtou). In-nomi li jispiċċaw b’–σις (-sis) fil-Grieg jagħtu l-isfumatura ta’ proċess, azzjoni fit-tul, jew ripetuta, mhux ta’ darba: ara Carl Darling Buck, u Walter Petersen, A Reverse Index of Greek Nouns and Adjectives (Chicago: University of Chicago Press, 1970),221, 574.
[36] Ara Buck, u Petersen, A Reverse Index, 221, nomi newtri li jispiċċaw b’-μα (-ma)jindikaw riżultat ta’ azzjoni; f’dan il-każ: kull loqma ħobż li tirriżulta mill-ksir (κλάσις(klásis) tal-ħobża hi l-κλάσμα (klásma).
[37] διηνοίχθησαν (diēnoiktēsan) hu passiv awrist mill-verb διανοῖγειν (dianoígein). Il-prefiss διά- (diá-)juri ftuħ sħiħ, komplet. L-azzjoni tal-ftuħ ta’ għajnejhom issir minn Alla, għax il-verb hu fil-passiv mingħajr ma għandna indikazzjoni tas-suġġett li jagħmel l-azzjoni; meta jkun hekk, l-azzjoni nattribwuha lil Alla (passiv teoloġiku): ara Wallace, Greek Grammar Beyond the Basics, 437-438, #8).
[38] Efrem mis-Sirja, Innijiet fuq il-Ġenna, 15.4, f’Luke. Ancient Christian Commentary on Scripture, New Testament, III; ed. Arthur A. Just (Downers Grove, IL: InterVarsity, 2003), 382.
[39] Johnson, The Gospel of Luke, 398-399.
[40] Alois Stöger, Vangelo secondo Luca. Commenti spirituali del NT, 1. (Roma: Città Nuova, 1968), 330.
[41] Darrell L. Bock, Luke, vol. 2 (9:51-24:53). Baker Exegetical Commentary on the New Testament (Grand Rapids, MI: Baker Books, 1996), 1921-1922; Santi Grasso, Luca. Commenti Biblici (Roma: Edizioni Borla, 1999), 631-632; Marshall, The Gospel of Luke, 1978), 899-900; ara Johnson, The Gospel of Luke, 398-399.
[42] Forsi kien Luqa li daħħal il-kelma ‘Mulej’. Imma setgħet kienet diġà parti mill-formula fit-Tielet Stadju tal-formazzjoni tal-Evanġelju: dak tal-kitba, wara l-Istadju Storiku u l-Istadju Kerigmatiku tal-predikazzjoni mill-Appostli u l-ewwel xhieda, jekk mhux fit-tieni nnifsu! Għat-Tliet Stadji tal-Formazzjoni tal-Evanġelji, ara l-Istruzzjoni tal-Kummissjoni Biblika Pontifiċja, De historica Evangeliorum veritate (Il-verità storika tal-evanġelji), (21 ta’ April 1964), §2, f’AAS 56 (1964): 714-716; traduzzjoni għall-Ingliż, Joseph A. Fitzmyer, ‘Instruction Concerning the Historical Truth of the Gospels,’ Theological Studies 25 (1964): 404-406; Konċilju Vatikan II, Kostituzzjoni Dommatika dwar ir-Rivelazzjoni Divina, Dei verbum (18 ta’ Novembru 1965), §19, f’ AAS 58 (1966): 826-827. Traduzzjoni għall-Malti [aċċessata 6 ta’ Lulju 2020].
[43] Ara Johnson, The Gospel of Luke, 398-399.
[44] L-azzjoni tal-qawmien issir minn Alla, għax il-verb hu fil-passiv mingħajr ma għandna indikazzjoni tas-suġġett li jagħmel l-azzjoni; meta jkun hekk, l-azzjoni nattribwuha lil Alla (passiv teoloġiku): ara Wallace, Greek Grammar Beyond the Basics, 437-438, #8); ara wkoll Zerwick, Biblical Greek, 76, #236.
[45] Hawn f’v.34 hu awrist passiv (b’enfasi fuq il-fatt li qam) u hemmhekk f’1 Korintin hu passiv perfett. Fil-Grieg, il-perfett juri azzjoni li diġà ntemmet fil-passat, imma li l-effetti u l-konsegwenzi tagħha għadhom għaddejjin, jiġifieri Kristu Ġesù għadu mqajjem u ħaj: ara Wallace, Greek Grammar Beyond the Basics, 573; Zerwick, Biblical Greek, 96, #285.
[46] Il-verb hu fil-passiv, litteralment “intwera” (għamel lilu nnifsu viżibbli, bl-enfasi fuq il-fatt li l-inizjattiva tad-dehra ġiet minn Ġesù nnifsu), imma nistgħu nittraduċu “deher”: ara Jannes Reiling, u Jan L. Swellengrebel, A Handbook on The Gospel of Luke. UBS Handbook Series (New York: United Bible Societies, 1971), 758-759.
[47] L-istess formula kerigmatika tal-qawmien bl-istess verb ἐγείρειν(egeírein) insibuha f’Atti 3:15; 4:10; f’Rumani 4:24. Ara François Bovon, Luke 3. A Commentary on the Gospel of Luke 19:28-24:53. Hermeneia (Minneapolis: Fortress Press, 2012),376; Rossé, Il Vangelo di Luca, 1031.
Ta’ min jinnota tajjeb li l-verbi kollha fil-formula kerigmatika ta’ 1 Korintin 15:3-5 huma kollha fl-awrist (għalhekk mingħajr indikazzjoni tat-tul tal-azzjoni, imma f’enfasi fuq l-azzjoni nnifisha): ἀπέθανεν, apétanen – “miet” (v.3), ἐτάφη, etáfē – “kien midfun” (v.4), ὤφθη, ōftē – intwera / deher (v.5), barra ἐγήγερται, egēgertai – ġie mqajjem (v.4), li hu fl-indikattiv perfett, jiġifieri azzjoni kompluta fil-passat, li l-effetti tagħha għadhom sejrin: Kristu Ġesù ġie mqajjem mill-mewt, u għadu mqajjem u ħaj. Lill-qarrej u lin-nisrani jinteressah ħafna li Ġesù mhux biss miet, kien midfun, u ntwera lil Pietru, imma jinteressah ħafna iktar li Ġesù ġie mqajjem u għadu ħaj għalina.
[48] Il-verb ἐξηγήσθαι (eksēgēstai) hu sempliċement tarraf, informa? Jidher li l-verb għandu tifsira ta’ interpretazzjoni. Fit-Testment il-Ġdid il-verb ifisser biss ‘to expound’, ‘to present’, ‘to recount’, spjega fit-tul. Insibuh fi Ġwanni 1:18; f’Luqa 24:35; f’Atti 10:8; 15:12.14; 21:19. Hu verb tekniku għall-espożizzjoni tal-poeti, tal-liġijiet, għat-tagħlim reliġjuż tal-qassisin, u r-rivelazzjoni tal-allat. Fi Ġwanni 1:18 insibu t-tweġiba intenzjonata għal din il-kwistjoni. Ġesù l-Iben tal-Missier jispjega, ifisser min hu l-Missier. Dan għamlu matul ħajtu kollha fuq din l-art. Ara Friedrich Büchsel, “ἐξηγέομαι,” Theological Dictionary of the New Testament, vol. II, ed. Gerhard Kittel, tr. Geoffrey W. Bromiley (Grand Rapids, MI: Eerdmans, 1964),908.
[49] Fil-kummentarju tiegħu The Acts of the Apostles. A Commentary (Oxford: Basil Blackwell, 1985), 585-586.
[50] Ara Michael D. Goulder, Luke. A New Paradigm. Journal for the Study of the New Testament Supplement Series, 20 (Sheffield: Academic Press, 1989), 783.
Biblijografija
Konċilju Vatikan II. Kostituzzjoni Dommatika dwar ir-Rivelazzjoni Divina, Dei verbum (18 ta’ Novembru 1965), §19, f’ AAS 58 (1966): 826-827. Traduzzjoni għall-Malti [aċċessata 6 ta’ Lulju 2020].
Kummissjoni Biblika Pontifiċja. L-Istruzzjoni De historica Evangeliorum veritate (Il-verità storika tal-Evanġelji), (21 ta’ April 1964), §2, f’AAS 56 (1964): 714-716; tr. għall-Ingliż, Joseph A. Fitzmyer. “Instruction Concerning the Historical Truth of the Gospels,” Theological Studies 25 (1964): 404-406.
Anderson, Paul N. Acts 4:19-20— ‘An Overlooked First-Century Clue to Johannine Authorship and Luke’s Dependence Upon the Johannine Tradition,’ Bible and Interpretation (September 2010), [aċċessat, 20 ta’ Ġunju 2020].
Arndt, William F., F. Wilbur Gingrich, Frederick W. Danker, u Walter Bauer. A Greek-English Lexicon of the New Testament and Other Christian Literature (Chicago – London: University of Chicago Press, 1979).
Bertram, Georg. “θαύμα,” f’Theological Dictionary of the New Testament, vol. III, ed. Gerhard Kittel, tr. Geoffrey W. Bromiley (Grand Rapids, MI: Eerdmans, 1965),25-42.
Blass, Friedrich, Albert Debrunner, u Robert W. Funk. A Greek Grammar of the New Testament and Other Early Christian Literature (Chicago – London: University of Chicago Press, 1961).
Bock, Darrell L. Luke, vol. 2 (9:51-24:53). Baker Exegetical Commentary on the New Testament (Grand Rapids/MI: Baker Books, 1996).
Borowski, Oded. Daily Life in Biblical Times. Society of Biblical Literature, Archaeology and Biblical Studies 5 (Leiden: Brill, 2003).
Bovon, François. Luke 3. A Commentary on the Gospel of Luke 19:28-24:53. Hermeneia (Minneapolis: Fortress Press, 2012).
Brown, Raymond E. The Gospel According to John (I-XII). Introduction, Translation and Notes. The Anchor Bible, 29 (New York: Doubleday, 1966).
Büchsel, Friedrich. “ἐξηγέομαι”, Theological Dictionary of the New Testament, vol. II, ed. Gerhard Kittel, tr. Geoffrey W. Bromiley (Grand Rapids, MI: Eerdmans, 1964),908.
Buck, Carl D, u Walter Petersen. A Reverse Index of Greek Nouns and Adjectives (Chicago: University of Chicago Press, 1970).
Cantalamessa, Raniero. The Eucharist: Our Sanctification (Collegeville, MN: The Liturgical Press, 21995).
Charpentier, Etienne. How to Read the New Testament (London: SCM, 1982), 34-35; 44.
Edersheim, Alfred. Sketches of Jewish Social Life (Peabody, MA: Hendrickson, 1994).
Efrem mis-Sirja, Innijiet fuq il-Ġenna, 15.4, f’Luke. Ancient Christian Commentary on Scripture, New Testament, III; ed. Arthur A. Just (Downers Grove, IL: InterVarsity, 2003), 382.
Ellis, Peter F. Seven Pauline Letters (Collegeville, MN: Liturgical Press, 1982).
Evans, Craig F. Saint Luke. TPI New Testament Commentaries (London: SCM, 1990).
Fitzmyer, Joseph A. First Corinthians. A New Translation With Introduction and Commentary. The Anchor Bible, 32 (New Haven – London: Yale University Press, 2008).
Fitzmyer, Joseph A. The Gospel According to Luke (I-IX). Introduction, Translation and Notes. The Anchor Bible, 28 (New York: Doubleday, 1981).
Fitzmyer, Joseph A. The Gospel According to Luke (X-XXIV). Introduction, Translation and Notes. The Anchor Bible, 28A (New York: Doubleday, 1985).
Goulder, Michael D. Luke. A New Paradigm. Journal for the Study of the New Testament Supplement Series, 20 (Sheffield: Academic Press, 1989).
Grasso, Santi. Luca. Commenti Biblici (Roma: Edizioni Borla, 1999).
Haenchen, Ernst. The Acts of the Apostles. A Commentary (Oxford: Basil Blackwell, 1985).
Johnson, Luke T. The Gospel of Luke. Sacra Pagina, 3 (Collegeville, MN: Michael Glazier – Liturgical Press, 1991).
Malina, Bruce J., u John J. Pilch. Social-Science Commentary on the Letters of Paul. Social-Science Commentary (Minneapolis: Augsburg Fortress Press, 2006).
Marshall, I. Howard. The Gospel of Luke. A Commentary on the Greek Text. The New International Greek Testament Commentary (Exeter – Grand Rapids, MI: Paternoster Press – Eerdmans, 1978).
Orr, William F., u Arthur Walther. 1 Corinthians. A New Translation. Introduction With a Study of the Life of Paul, Notes and Commentary. The Anchor Bible, 32; New York – London: Doubleday, 1976)
Reiling, Janne, u Jan L. Swellengrebel. A Handbook on The Gospel of Luke. UBS Handbook Series (New York: United Bible Societies, 1971).
Reynier, Chantal. “Lettera ai Filippesi,” in Chantal Reynier, Michel Trimaille, u Albert Vanhoye Lettere di Paolo, II, Efesini, Filippesi, Colossesi, 1-2 Tessalonicesi, 1-2 Timoteo, Tito, Filemone, Ebrei. Commento Pastorale (Cinisello Balsamo [MI]: San Paolo, 2000).
Rossé, Gérard. Il Vangelo di Luca. Commento esegetico e teologico. Collana Scritturistica di Città Nuova (Roma: Città Nuova, 21995).
Santu Wistin. Ittra 149, f’Luke. Ancient Christian Commentary on Scripture, New Testament, III; ed. Arthur A. Just (Downers Grove, IL: InterVarsity, 2003), 382.
Santu Wistin. Prietka 234.2, f’Luke. Ancient Christian Commentary on Scripture, New Testament, III; ed. Arthur A. Just (Downers Grove, IL: InterVarsity, 2003), 382.
Sciberras, Paul. “Il-memorja jew aħjar il-memorjal tagħna bħala konsagrati,” fi Lejn il-mixja ta’ Għemmaws: Il-memorja, l-istorja u l-passat tal-Ħajja Kkonsagrata (Malta: KSMR, 2017), 13-20.
Stöger, Alois. Vangelo secondo Luca. Commenti spirituali del NT, 1 (Roma: Città Nuova, 1968).
Wallace, Daniel B. Greek Grammar Beyond the Basics. An Exegetical Syntax of the New Testament (Grand Rapids, MI: Zondervan, 1996).
Zerwick, Maximilian. Biblical Greek (Scripta Pontificii Instituti Biblici; Rome: Pontifical Biblical Institute, 1963).