Il-Korporal: simbolu tal-Fractio Verbi, tal-Fractio Panis, u tal-Fractio Vitae

Kitba ta’ Rev. Dr Paul Sciberras

Sa mis-seklu 8 u l-aktar fil-Medju Evu, l-artal kien jinsatar b’erba’ trieħi: it-Tetrasindòna. Id-dvalja ta’ fuq kienet tissejjaħ propju l-Palla Corporalis. Din kienet tkun kbira biżżejjed biex tgħatti l-artal kollu u kienet titqiegħed fuqu fil-bidu taċ-ċelebrazzjoni Ewkaristika u titneħħa fit-tmiem tagħha. Illum minnhom baqa’ biss terħa waħda u l-korporal. Dawn il-velijiet jew trieħi kienu intenzjonati li jagħtu sens misteriku lill-artal … għax l-artal għandu jkollu dan is-sens, għax hu u fuqu jiġi ċċelebrat misteru kbir! Fil-fatt kien jintena mid-djaknu nnifsu u kien jingħata qima aktar mir-relikwi tal-qaddisin għax fuqu kien jitqiegħed il-Ġisem tal-Mulej. Għalhekk fil-fatt sa ftit żmien ilu, il-korporal, ferm iżgħar fid-daqs, kien jintena u jitqiegħed fil-borża quddiem it-tabernaklu.

Il-velijiet u l-korporal inħobb inqabbilhom ma’ ħames tipi ta’ ħwejjeġ li bihom ġie mlibbes Ġesù, l-artal innifsu!

  1. Il-ħrieqi li fihom fisqietu Marija meta twieled – il-ħwejjeġ tal-umanità.
  2. Il-mantar li messet il-mara bit-tnixxija tad-demm – il-ħwejjeġ tal-fejqan.
  3. Il-fardal tal-ħasil tar-riġlejn – il-ħwejjeġ tal-qadi.
  4. Il-libsa minsuġa ħaġa waħda tas-salib – il-ħwejjeġ tal-Knisja.
  5. Il-liżar, il-maktur u l-faxex tal-kefen – il-ħwejjeġ tal-għotja sa l-aħħar: il-korporal.

Fir-Rit Ambrosjan, il-korporal jissejjaħ propju Sindone, bħalma jsejħu l-evanġelisti bil-Grieg il-liżar tal-kefen ta’ Ġesù.

Ma għandux biss użu prattiku l-korporal, biex jekk jaqa’ xi qtar tal-inbid ma jtebbax id-dvalja u lanqas, biex jekk jaqa’ xi frak mill-Ewkaristija jinġabar fuqu. Hemm simbolu li jagħmel ħafna sens.

Il-korporal ikun mitwi fuq l-artal, imma jinfetaħ f’forma ta’ salib (hekk kif jintewa wkoll) wara l-Liturġija tal-Kelma, qabel jitħejjew l-offerti. Il-korporal jiġi ‘spjegat’ fuq l-artal, jitneħħewlu l-piegi, it-tinjiet f’forma ta’ salib (mhux bħall-imkatar l-oħra li jintużaw waqt il-liturġija). Fuqu mbagħad Ġesù jista’ jgħid: “Dan hu ġismi li jingħata għalikom; dan hu demmi li jixxerred għalikom”. Fuq il-korporal, Ġesù jinfetaħ għalina bħal fuq is-salib.

Il-korporal jinfetaħ u jintena f’forma ta’ salib

Iż-żewġ dixxipli ta’ Għemmaws infushom kif jispjegaw li għarfu “ʼl-Barrani”? Fil-mument li jagħrfuh, huma jistqarru lil xulxin: “Ma kinitx qalbna taqbad ġewwa fina waqt li kien jitkellem magħna fit-triq, waqt li kien jiftħilna l-Iskrittura?” (Lq 24:32). Tifsira: “Imissna għarafnieh fil-qsim tiegħu tal-kelma lilna!” Hu dak li aħna nfusna nagħmlu–anzi nissimbolizzaw fil-ġesti–f’kull Ikla Ewkaristika.

Eżatt wara l-Liturġija tal-Kelma, eżatt qabel it-tħejjija tal-offerti, is-saċerdot jiftaħ il-korporal f’forma ta’ salib.

Hekk kif il-Mulej Irxoxt “jiftaħ l-Iskrittura għalina, waqt li jkun miexi magħna” (ara Lq 24:32) fil-Liturġija tal-Kelma, hekk issa hu “jiftaħ” lilu nnifsu fuq is-salib tal-artal tal-fidwa u fil-qabar tal-qawmien. Il-verb “spjega” jiddeskrivi dan il-ġest u t-tifsira tiegħu b’mod ċar u pittoriku ħafna: spjega, ‘s-‘ tan-negattiv u ‘pieg’, ineħħi l-piegi, it-tinjiet, l-istess kif ‘spjega’ tirreferi wkoll għal meta ‘jneħħi l-piegi u t-tinjiet’ ta’ dak li mhux ċar jew moħbi jew għandu bżonn ftuħ fil-Kelma ta’ Alla.

–         Il-Kelma ta’ Alla tiftaħli l-misteru tal-Mulej Irxoxt sabiex inkun nista’ nagħrfu kullimkien, imma l-aktar fl-Ikla u l-Misteru Ewkaristiku?

–         U kif nagħrfu b’mod li nkun nista’ nimxi miegħu fil-ħajja ta’ kuljum, lil hinn mill-Artal tal-Kelma u mill-Mejda tal-Ikla Ewkaristika?

Kumment

Fit-Triq lejn Għemmaws, Ġesù jagħmel xi ħaġa simili wkoll: ifisser l-Iskrittura lid-dixxipli ta’ Għemmaws … u lilna (Kleofa u “ieħor”). Ġesù jispjega l-Iskrittura, jiftaħha, biex jitmagħha lilna – il-Fractio Verbi. Hu hekk biss li mbagħad id-dixxipli u aħna nagħrfuh “fil-qsim tal-ħobż”, fil-Fractio Panis. Fit-test Grieg tar-rakkont ta’ Għemmaws, il-kelma “jfissrilna l-Iskrittura” hi “ὡς διήνοιγεν ἡμῖν τὰς γραφάς (ħōs diēnoigen ħēmìn tas grafás) jiftħilna beraħ il-Kitbiet”. Issa, mal-bidu tal-Liturġija tal-Ewkaristija, is-saċerdot jiftaħ il-korporal, li jkun mitni, fuq id-dvalja tal-artal, għax issa Ġesù se jiftħilna l-Mejda tal-Ġisem u d-Demm tiegħu. L-evanġelista Ġwann 1:14: “Il-Kelma ta’ Alla saret laħam”. Il-Kelma ta’ Alla li nfetħitilna minn Ġesù nnifsu, imqajjem mill-mewt, issa tinfetaħ quddiemna u għalina fuq l-artal imqaddes, fl-għotja tal-Iben ta’ Alla waqt il-Liturġija tal-Ewkaristija.

Fil-Liturġija Ewkaristika jispjega, ifisser, jiftaħ beraħ lilu nnifsu fuq l-artal tas-salib u l-qabar tal-qawmien biex jingħata lilna. Imbagħad ibattal il-qabar biex jimla l-artal, it-tabernaklu u ħajjitna, il-Fractio Vitae, ħalli mbagħad nagħrfuh tassew f’kull Ewkaristija li niċċelebraw, speċjalment dik tal-ħajja ta’ kuljum.

Fil-Liturġija tal-Kelma, Ġesù jiftħilna, ifissrilna, jispjega, ineħħi l-piegi, t-tinjiet tal-Kelma ta’ Alla. Fir-rakkont tad-dixxipli ta’ Għemmaws, Luqa jgħid kif iż-żewġ dixxipli, waqt il-qsim tal-Ħobż, il-fractio panis,wara li Ġesù għeb minn quddiemhom, jistagħġbu bihom infushom kif: “Ma kinitx imkebbsa qalbna ġewwa fina hu u jkellimna fit-triq u jfissrilna l-Iskrittura?” (24:32). Ma’ Ġesù għaddew mill-fractio verbi, għall-fractio panis, għall-fractio vitae, għax, wara li għarfuh fil-fractio panis, ġrew ħa jaqsmu l-esperjenza sħiħa ta’ djieqa, aspettattivi, illużjoni, imbagħad l-ikla tal-komunjoni, tal-ferħ, li kellhom fit-triq tal-ħajja mal-komunità kollha, il-Knisja Omm ta’ Ġerusalemm.

Fid-dawl tal-Iskrittura, fil-fractio verbi minnu stess, setgħu jagħrfuh imbagħad fil-Qsim tal-Ħobż, fil-fractio panis. L-Iskrittura li jiftħilhom, jispjegalhom, titkellem dwaru. Il-fractio verbi tippermetti, tiffaċilita l-fractio panis li fih insiru Hu. “Dan hu ġismi; dan hu l-kalċi ta’ demmi”. Għax “Dan hu ġismi; dan hu l-kalċi ta’ demmi”–imma l-ġisem u d-demm tiegħi, tas-saċerdot in persona Christi capitis u tal-Knisja miġbura–iż-żewġ fractiones ta’ qabel isiru l-fractio vitae, fid-dawl ta’ ħajti: ta’ ħajja mogħtija lil Alla, lill-Knisja, u lill-oħrajn. Għax hu fractio panis f’ħajti, isir fractio vitae u konkretizzazzjoni tal-fractio verbi għall-manteniment ta’ ħajti, dejjem imġedda. Jekk l-idea tagħna tal-Knisja hi r-realtà konkreta ta’ Ġesù Kristu li għadu jaħdem is-salvazzjoni tiegħu għat-tisħiħ u t-tiġdid tal-bniedem tal-lum, dan ifisser li t-tliet fractiones huma l-modi konkreti wkoll kif dan it-tiġdid u t-tisħiħ jasal għandna.