‘Fissrilhom kulma kien hemm fl-Iskrittura fuqu’ (Luqa 24:22-27)

Studju ta’ Rev. Dr Marcello Ghirlando OFM

Din is-silta ċkejkna hi parti essenzjali u integranti tal-ġrajja tal-manifestazzjoni liż-żewġ dixxipli ta’ Għemmaws kif irrakkuntata minn San Luqa (24:13-35), ġrajja partikulari għal dan l-Evanġelista u x’aktarx imsemmija minn San Mark f’16:12-13. Hawnhekk il-link jista’ jkun il-kumment ta’ Mark meta jgħid:  “wera ruħu taħt sura oħra lil tnejn minnhom huma hu sejrin bil-mixi lejn ir-raba’ … (v.12).

Il-ġrajja sħiħa ta’ Għemmaws isseħħ nhar Ħadd il-Għid filgħaxija. Jidher ċar li l-vrus 22-24 jiġbru fihom dak li jseħħ fl-ewwel tnax-il vers tal-istess kapitlu;  il-vers 35 imbagħad jagħti sommarju qasir ta’ dak li kien ġara fit-triq u mal-mejda.  Hu l-kjasmu li Luqa jirnexxilu joħloq madwar il-ġrajja ċentrali ta’ Għemmaws.  Hi ġrajja li sseħħ matul vjaġġ.  Jidher li dan hu l-vjaġġ tal-fidi li jippermetti lid-dixxipli jagħrfu li l-laqgħa mal-Mulej Irxoxt tagħti ċ-ċavetta biex wieħed jifhem li l-passjoni u l-qawmien/eżaltazzjoni tal-Mulej isibu x-xhieda anke fl-Iskrittura Mqaddsa.

Imma ejjew inħarsu ħafif ħafif lejn xi elementi eseġetiċi li jistgħu jgħinuna nifhmu aħjar dawn il-vrus magħżula u nħalluhom idawlu l-mixja tad-dixxipulat tagħna.

L-Eseġeżi tat-Test[1]

Issa wkoll xi wħud min-nisa tagħna ħasduna, għax marru kmieni ħdejn il-qabar 23u l-katavru tiegħu ma sabuhx; ġew jgħidu wkoll li dehrulhom xi anġli li qalulhom li hu ħaj (vv.22-23). 

Ἀλλὰ καὶ (allà kai)“Issa wkoll”, fis-sens ta’ “minkejja dan kollu”.  “Dan kollu” jirreferi għad-diskors fuq l-passjoni u l-mewt ta’ Ġesù li għal Kleofa kienu t-tmiem drammatiku tat-tama messjanika tagħhom. Minkejja dan kollu xi ċaqliqa kien hemm … u hawn il-kuntrast.  Hawnhekk Kleofa jagħti sommarju ta’ dak li kien ġara l-Ħadd filgħodu, jiġifieri r-rakkont tas-sejbien tal-qabar vojt, komuni għall-erba’ evanġelisti.

γυναῖκές τινες ἐξ ἡμῶν ἐξέστησαν ἡμᾶς (gunaikés tines eks hēmōn ekséstēsan hēmas), “xi wħud min-nisa tagħna ħasduna”.  Dawn huma n-nisa li jissemmew f’23:5-56, “li kienu ġew mill-Galilija ma’ Ġesù, marru wara Ġużeppi u raw il-qabar u kif kienu qiegħdu l-katavru;  mbagħad reġgħu lura u ħejjew il-fwejjaħ u l-mirra.”  Il-verb ἐξέστησαν ἡμᾶς (ekséstēsan hēmas), ‘ħasduna’, għandu sens qawwi ħafna:  il-ġrajja tal-qawmien li jxandru kienet kbira wisq biex titwemmen!  Kienet ġrajja li qanqlet sorpriża u anke nuqqas ta’ għarfien u konfużjoni.

γενόμεναι ὀρθριναὶ ἐπὶ τὸ μνημεῖον (genómenai orthrinaì epì to mnēmeion), “għax marru kmieni ħdejn il-qabar”. L-esperjenza tagħhom seħħet kmieni mas-sebħ.  Hawn sens qawwi ta’ ċaqliq: riedu jmorru kemm jista’ jkun malajr, kellhom xewqa li jaslu lejn il-qabar, γενόμεναι…. ἐπὶ τὸ μνημεῖον (genómenai… epì to mnēmeion). Kienu n-nisa li “ħejjew il-fwejjaħ u l-mirra” (v.56) imma li stennew li jgħaddi s-Sibt “skont il-preċett tal-Liġi”.

καὶ μὴ εὑροῦσαι τὸ σῶμα αὐτοῦ (kai mē heurousai to sōma autou), “u l-katavru tiegħu ma sabuhx”. Hi waħda mir-raġunijiet għaliex in-nisa riedu jerġgħu lura fi ħdan il-grupp tad-dixxipli”. Imma kien hemm it-tieni raġuni:

ἦλθον λέγουσαι καὶ ὀπτασίαν ἀγγέλων ἑωρακέναι (ēlthon légousai kai optasían angélōn heōrakénai), “ġew jgħidu wkoll li dehrulhom xi anġli”. Huma “ż-żewġt irġiel/messaġġiera” li jissemmew fil-v.4. It-tħabbira li l-qabar kien vojt u li dehrulhom xi anġli ssir lid-dixxipli miġbura. Lilhom ukoll tingħata l-kelma tal-anġlu: οἳ λέγουσιν αὐτὸν ζῆν (hoi légousin aotòn zēn), “li qalulhom li hu ħaj.” Dan hu l-kontenut essenzjali tat-tħabbira mlaqqma fir-realtà tal-qabar misjub vojt u li jikkonferma d-dikjarazzjoni doppja li nsibu fil-vers 6 tal-istess kapitlu:  “Mhuwiex hawn, imma qam.”

Imbagħad marru ħdejn il-qabar xi wħud minn tagħna u sabu kollox kif kienu qalu n-nisa, imma lilu ma rawhx! (v.24).

καὶ ἀπῆλθόν τινες τῶν σὺν ἡμῖν ἐπὶ τὸ μνημεῖον (kai apēlthón tines tōn sun hēmin epì to mnēmeion), “Imbagħad marru ħdejn il-qabar xi wħud minn tagħna”. Luqa donnu jagħmel insistenza fuq il-grupp tad-dixxipli, “minn tagħna.”  Imma anke dawn:  καὶ εὗρον οὕτως καθὼς καὶ αἱ γυναῖκες εἶπον (kai heuron houtōs kathōs kai hai gunaikes eipon), “u sabu kollox kif kienu qalu n-nisa.” Hi t-tmien darba li jissemma l-qabar, misjub “kif kienu qalu” (ara 19:32 u 22:13).

αὐτὸν δὲ οὐκ εἶδον (autòn de ouk eidon), “imma lilu ma rawhx!” Lilu – jiġifieri l-Mulej Ġesù – l-imfittex b’xewqa profonda, ma rawhx, minkejja t-tħabbira tal-anġli li kien xandruh ħaj lin-nisa “minn tagħhom.”

Qalilhom Ġesù: “Kemm intom boloh u tqal biex temmnu kulma qalu l-profeti! U ma kellux il-Messija jbati dan kollu u hekk jidħol fil-glorja tiegħu?” U beda minn Mosè u l-Profeti kollha jfissrilhom kulma kien hemm fl-Iskrittura fuqu (vv.25-27).

Καὶ αὐτὸς εἶπεν πρὸς αὐτούς “Ὦ ἀνόητοι καὶ βραδεῖς τῇ καρδίᾳ τοῦ πιστεύειν ἐπὶ πᾶσιν οἷς ἐλάλησαν οἱ προφῆται (kai aotòs eipen pros aoutous “Ho anóētoi kai bradeis tē(i) kardía(i) tou pisteύein epì pasin hois elálēsan hoi prophētai), “Qalilhom Ġesù: “Kemm intom boloh u tqal biex temmnu kulma qalu l-profeti!” Jidħol issa fid-diskors Ġesù li dak li se jgħid lit-tnejn, jgħidulhom b’enfasi. Il-bluha u t-toqol huma fil-fatt in-nuqqas ta’ twemmin, frott l-inkomprensjoni, f’dak li nkiteb kemm fil-profeti u kemm fil-Liġi (Mosè tal-v.27).  Hemm inkomprensjoni tal-moħħ u tal-qalb fil-veritù ta’ dak li nkiteb “mill-ispirtu ta’ Alla” fl-Iskritturi kollha. Hemm inkomprensjoni tal-verità li qajla qajl tasal qalbhom, bħala ċ-ċentru tal-intelliġenza, għaliha.  Niftakru li biex tasal temmen f’Ġesù, bir-realtà tal-qawmien, trid tagħraf l-Iskrittura, “kulma qalu l-profeti.”

·οὐχὶ ταῦτα ἔδει παθεῖν τὸν Χριστὸν καὶ εἰσελθεῖν εἰς τὴν δόξαν αὐτοῦ; (ouchì tauta édei pathein ton Christòn kai eiselthein eis tēn dóksan autou?)” “U ma kellux il-Messija jbati dan kollu u hekk jidħol fil-glorja tiegħu?” “U ma kellux” fis-sens li “kien meħtieġ”;  hi l-ħtieġa li tindika r-rieda ta’ Alla għall-Midluk tiegħu, “il-Messija”, it-titlu tal-feddej li kien meħtieġ li jingħata u li “kien meħtieġ” ukoll, bħala konsegwenza loġika, jidħol fil-glorja tiegħu. Hi l-mixja mlaqqma fil-loġika tat-tbatija. Hi l-ħtieġa ta’ Alla li jidħol isalva l-bniedem fil-mixja tal-istorja u l-aktar fil-ġrajja ta’ Ġesù.

καὶ ἀρξάμενος ἀπὸ Μωϋσέως καὶ ἀπὸ πάντων τῶν προφητῶν διερμήνευσεν αὐτοῖς ἐν πάσαις ταῖς γραφαῖς τὰ περὶ ἑαυτοῦ (kai arksámenos apò Mōüséōs kai apò pàntōn tōn prophētōn diermēneusen autois en pásais tais graphais ta perì heautou). “U beda minn Mosè u l-Profeti kollha jfissrilhom kulma kien hemm fl-Iskrittura fuqu” (v.27). Beda minn Mosè, il-Liġi, u kompla permezz tal-kitbiet profetiċi (ara: Lq 16:29-31 u Atti 26:22 u 2:23). Hi “l-ermenewtika” tal-Kristu, it-tifsira tal-loġika u l-ħtieġa tas-salib li ssib għeruqha fl-Iskritturi Mqadsdsa, Mosè u l-Profeti. Aktar ʼil quddiem it-totalità tal-Iskritturi hi enfasizzata meta Luqa, fil-vv.44 u 45 tal-istess kapitli jgħid:  “Jeħtieġ li jseħħ kulma nkiteb fuqi fil-Liġi ta’ Mosè, fil-Profeti u fis-Salmi. Imbagħad fetħilhom moħħhom, biex jifhmu l-Iskrittura.” Għandna ikona ta’ kif il-Knisja kellha, fuq l-eżempju tal-Irxoxt, “tittraduċi/tifhem u tfiehem l-Iskritturi fid-dawl tal-passjoni, il-mewt u l-qawmien tiegħu.

Kumment[2]

Irridu nifhmu dawn il-ftit vrus fir-rakkont sħiħ ta’ Għemmaws. Bih Luqa jrid jurina kif il-Mulej hu preżenti anke llum fl-istorja tagħna u l-mod kif id-dixxipli tiegħu jistgħu jiltaqgħu miegħu:  fil-Kelma u fil-Qsim tal-Ħobż jistgħu jagħmlu esperjenza tal-preżenza ħajja tiegħu, l-Imgħallem mislub u rxuxtat.

L-għarfien ta’ Ġesù neċessarjament jgħaddi mis-smigħ tat-tħabbira tal-kelma tal-Imgħallem u fil-viżjoni ta’ wiċċu fil-qsim tal-ħobż. Anke jekk id-dixxipli kellhom l-għarfien tal-Iskritturi, l-iskandlu tas-salib kien għamiehom. Kien neċessarju d-dawl ta’ Kristu u l-għarfien tal-ħtieġa tal-via crucis biex jifhmu kif Alla kien daħal b’mod definittiv fl-istorja tal-bnedmin.

Fil-pellegrinaġġ tal-ħajja, fit-toroq imwiegħra u bla tama tal-ħajja tal-bnedmin, hemm iterraq l-Imgħallem Irxuxtat, xewqan biex jimxi pass pass mal-bniedem u jurih il-ġmiel tal-imħabba ta’ Alla għalih li dehret … fis-salib, għajn tal-qawmien u ħajja ġdida li timla bil-ferħ.

Min jimxi miegħu fit-triq, bis-saħħa tal-Ispirtu li jkebbes il-qlub, jintgħaġen fil-kelma maqsuma u mfissra u jgħix bis-saħħa tal-ħobż li fuqha tingħad il-barka u jinqasam.

Ir-rakkont ta’ Luqa jfakkarna li lkoll pellegrini, imsejħa biex ngħaddu mill-qtigħ il-qalb għall-milja tal-ħajja fih. Ilkoll imsejħa nkunu pellegrini, anzi ġerrejja … li jterrqu bil-ferħ lejn il-ġemgħa tad-dixxipli li flimkien jistgħu jgħidu: “Il-Mulej qam u deher lil Xmun”… u lilna lkoll!

F’dan il-kuntest nifhmu allura dak li eżaminajna fil-qosor u mill-vrus nistgħu nisiltu xi indikazzjonijiet pastorali.

Indikazzjonijiet Pastorali / Kunsiderazzjonijiet

  1.  Il-qtigħ il-qalb ta’ Kleofa u sieħbu forsi jirrifletti l-kaos interjuri li kellhom jesperjenzaw anke n-nisa li marru u sabu l-qabar vojt u kellhom jisimgħu t-tħabbira tal-anġli jxandru l-qawmien ta’ Ġesù. Kemm id-dixxipli ta’ Għemmaws, kif ukoll in-nisa li marru kmieni filgħodu lejn il-qabar huma ppreżentati f’mixja … min imxennaq li jasal sal-qabar biex jidlek il-ġisem mejjet ta’ Ġesù u min qalbu maqtugħa miexi lejn ir-raħal tiegħu biex jerġa’ jibda mill-ġdid, b’ħafna domandi espressi f’diskussjoni mqanqla bejniethom.

Mhux rifless tal-bniedem tal-lum, dawk li jemmnu u dawk li ma jemmnux?  Spiss mingħajr tama qawwija u mfixxkla fuq x’inhu s-sens veru tal-ħajja … u fejn huma t-tamiet ta’ ħajja aħjar quddiem mewġa ta’ kultura ta’ mewt u ħażen?

Minkejja dan, il-bniedem jibqa’ pellegrin … min imxennaq li jsib il-verità jew sens fil-ħajja u min miexi f’rutina forsi monotona u mdella. Il-mixja lejn Għemmaws hi neċessità!

  • Kemm kien diffiċli għall-ewwel dixxipli jemmnu fil-qawmien ta’ Ġesù, anke wara t-tħabbira tan-nisa u l-esperjenza proprja tal-qabar vojt! Fil-fatt, fost dawk li jemmnu, kemm verament jemmnu fil-qawmien ta’ Ġesù, qawmien li jimplika l-qawmien korporali – tal-ġisem, igglorifikat – ta’ dawk li jemmnu? Twemmin f’dan, loġikament ikollu konsegwenzi prattiċi fuq il-qdusija tal-ġisem, tempju tal-Ispirtu s-Santu.

Jekk hu qam … jista’ jimxi magħna fit-triq, jista’ jfissrilna l-Iskritturi, jista’ jidħol magħna, jista’ jaqsam il-ħobż fuq il-mejda magħna. Id-dixxiplu ta’ Ġesù għandu din il-garanzija bis-saħħa tal-fidi. Imma kemm niftħu qalbna għal din il-bxara tal-ġenn, għal dan l-Evanġelju?

  •  Ġesù jkisser ftit ftit in-nuqqas ta’ tama, l-għeluq tal-moħħ u tal-qalb billi jifli/jfisser/jaqsam l-Iskrittura. L-għeluq tar-rakkont ifakkarna li dan kebbes il-qlub – hu d-don tal-Ispirtu, l-ewwel don per eċċellenza tal-fidwa ta’ Ġesù. L-Ispirtu jħoll l-iskandlu tas-salib, inissel il-fidi, iwassal għall-esperjenza li Kristu hu verament ħaj.

Ġesù jfisser il-ġdid tal-aġir ta’ Alla permezz tiegħu u b’mod partikulari il-ħtieġa ta’ salibu fid-dawl tal-Iskritturi.

Fuq livell pastorali dawn isiru sejħa għall-iskoperta mill-ġdid tal-Ispirtu li kapaċi jħoll l-ebusija tal-qalb quddiem il-Kelma ta’ Alla, Kelma li wieħed irid jixxennaq għaliha għax hi preżenza ta’ Kristu u tal-proġett tal-imħabba ta’ Alla lejn il-bniedem permezz ta’ Kristu.

  

[1]   Jannes Reiling, u Jan L. Swellengrebel, A Handbook on The Gospel of Luke. UBS Handbook Series (New York: United Bible Societies, 1971), 747-758; Luke T. Johnson, The Gospel of Luke. Sacra Pagina, 3 (Collegeville, MN: Michael Glazier – Liturgical Press, 1991), 395-396; John Nolland, Luke 18:35–24:53. Word Biblical Commentary, 35C (Dallas: Zondervan, 1993), 1194-1209.

[2]   AA.VV., Una comunità legge il Vangelo di Luca, vol. II. Lettura Pastorale della Bibbia (Bologna: Edizioni Dehoniane, 1991), 456-462;  Bruce B. Barton, David R. Veerman, Linda C. Taylor, u Grant R. Osborne, Luke (Wheaton, IL: Tyndale House, 1997), 557-565.