Qsim tal-Ħobż u l-Kelma

Kitba ta’ Rev. Dr Paul Sciberras

Ejjew naqraw it-tema ta’ din il-karatteristika fundamentali tal-Komunità tal-Atti tal-Appostli b’moħħ pastorali:

Enzo Bianchi, Pirjol tal-Komunità ta’ Bose, għandu ktieb: Il pane di ieri, li fih jiddeskrivi dak li kienet tfisser il-produzzjoni tal-ħobż u l-ikel tiegħu fi żmien it-tfulija tiegħu.

Li tmur tixtri l-ħobż kienet xi ħaġa li tħares ʼil quddiem għaliha. Il-ħobż ifisser ħafna affarijiet!

Id-dris tal-qamħ fuq il-qiegħa kien faċenda tal-familja kollha u tar-raħal; il-bhejjem tal-familja kollha kienu jintużaw; il-familja saħansitra kienu jorqdu fuq il-qiegħa (ara l-Ktieb ta’ Rut).

Bil-Malti ngħidu: ‘Naqla’ biċċa ħobż; il-ħobża ta’ kuljum; jieħu l-ħobż minn ħalq xi ħadd, ħobż mimgħud.’

Hemm anke kwistjonijiet tal-ġeneru fejn jidħol il-ħobż. Noel Buttigieg, lettur speċjalizzat fl-istorja tal-ikel, studja s-saħħa li kellhom in-nisa bħala sidien tal-fran fi żmien il-Kavallieri fit-taħdita Is Bread Male or Female? Gender and Power Relations (2009), u mitbugħa fil-Proceedings of History Week 2009 (Malta: The Malta Historical Society, 2011), 97-105

Il-ħobż jimplika l-ħajja ta’ kuljum. Inġibu l-ħajja ta’ kuljum fuq l-artal, biex wara li jsir il-mezz li bih aħna “newkaristizzaw” lil Alla, aħna mmorru ngħixu dak li ċċelebrajna fil-ħajja ta’ kuljum.

Il-frażi “il-qsim tal-ħobż – ἡ κλάσις τοῦ ἄρτου (ħe klásis tou ártou)” saret terminu tekniku għall-Ewkaristija (Atti 2:42).

L-ewwel nett għandna ninnutaw li n-nom κλάσις klásis għandu jkun distint minn κλάσμα (klásma), fis-sens li bħala nom li jispiċċa b’-σις (-sis) jimplika proċess (ksir, ksur, qsim), filwaqt li κλάσμα(klásma), li tispiċċa b’-μα (-ma), timplika “loqma, kisra, biċċa, dak li hu maqsum”. Proċess kontra riżultat miksub ta’ azzjoni. It-“tiksir, il-qsim” ma jista’ qatt jieqaf; ladarba jintemm, ma jkunx hemm iktar “qsim tal-ħobż”!

Luqa 24:35 jgħid: “Imbagħad tarrfulhom dak li ġralhom fit-triq, u kif ġie mgħarraf lilhom fil-qsim tal-ħobż (ἐν τῇ κλάσει τοῦ ἄρτου en te klásei tou ártou).

Mark 6:43, Ġw 6:12, u Luqa 9:17 għandhom κλάσματα (klásmata) għall-bċejjeċ li tħallew wara li kulħadd kiel fil-miraklu tat-tkattir tal-ħobż.

Injazju ta’ Antijokja, fl-Ittra tiegħu lir-Rumani, jikteb: “Jiena l-qamħ ta’ Alla, mitħun tajjeb mis-snien tal-iljuni biex ikun magħmul ħobż safi għal Kristu.” F’dawn il-kliem, Injazju, it-tielet isqof ta’ Antjokja, jitlob bil-ħerqa lill-ħbieb influwenti tiegħu f’Ruma biex ma jindaħlux fil-martirju imminenti tiegħu. Għalhekk fl-20 ta’ Diċembru, fis-sena 107, Injazju ġie skortat mill-ġifen Ruman li kien ħa disa’ snin biex iwassal lill-priġunier minn Antjokja sa Ruma u ġie mressaq fl-anfiteatru ta’ Flavju, il-Kolossew, fejn fi tmiem festival Ruman hu kien mitmugħ lill-iljuni.

Martirju ta’ Polikarpu ta’ Żmirna 15:2: “In-nar, li ħa forma ta’ arkata, donnu l-qlugħ ta’ bastiment mimli bir-riħ, għamel donnu ħajt madwar il-ġisem tal-martri; u hu kien hemm f’nofsu, mhux bħal laħam jinħaraq, imma bħal ħobża fil-forn jew bħad-deheb u l-fidda msoffija fil-forġa. Għax aħna xammejna donnha riħa mill-aktar tfuħ, bħallikieku kienet ir-riħa ta’ nċens jew ta’ xi ħwawar prezzjużi oħra.”

Didakè 9: 3: “Imbagħad dwar il-ħobż miksur: Aħna rroddulek ħajr, O Missier tagħna, għall-ħajja u l-għarfien li inti tajtna permezz ta’ Ibnek Ġesù; tiegħek hi l-glorja għal dejjem ta’ dejjem.”

Didakè 9:4: “Bħalma dan il-ħobż maqsum kien imxerred fuq il-muntanji u mbagħad miġbur flimkien sar ħobża waħda, hekk il-Knisja tiegħek tinġabar flimkien mit-trufijiet tad-dinja fis-saltna tiegħek; għax tiegħek hi l-glorja u l-qawwa  f’Ġesù Kristu għal dejjem ta’ dejjem.”

Minn dawn it-tliet testi, nistgħu nindunaw li hemm element komuni fihom: il-qsim tal-ħobż hu marbut mal-martirju jew ma’ sitwazzjoni ta’ tixrid, sitwazzjoni negattiva, sitwazzjoni ta’ vjolenza ta’ xi forma jew oħra. Ma ninsewx li l-Evanġelista Ġwanni f’6:54.56-58 juża l-verb τρωγωεῖν (trogein), li aktar ifisser “hu magħad” milli “hu kiel”!

Dan l-element komuni kabbar l-ironija fl-espressjoni Latina: panem et circenses (ta’ Ġuvenal 10,81), biex l-Imperatur iżomm lin-nies kalmi u medhija. Fil-film epiku The Gladiator dan hu enfasizzat fil-kuntrast bejn il-kliem tas-Senatur Gaju fl-inawgurazzjoni ta’ Commodus (iben Marcus Aurelius) bħala l-Imperatur il-ġdid dwar il-miżuri tas-saħħa li għandhom jittieħdu, u l-festi mnedija mill-istess imperatur.

Is-simboli tal-Ħobż u tal-Inbid

Fl-Ewkaristija noffru l-ħobż u l-inbid. Żewġ realtajiet li jmorru tant tajjeb flimkien meta fuq il-mejda. It-tnejn għall-Poplu Lhudi jesprimu kuntest ta’ well-being li t-Testment il-Qadim jiġbor fir-realtà ta’ xālòm. Jesprimu passaġġ fundamentali għall-Poplu:

  • MINN stranġieri, jiġġerrew ’l hawn u ’l hinn, imkeċċija mill-oħrajn kollha,
  • GĦAL Poplu li hu at home. Biex ikollok il-ħobż u l-inbid irid ikollok il-qamħ u d-dwieli, u biex ikollok dawn ma tistax tkun nomadu; trid tkun poplu settled, at home. Kif tiżra’ l-qamħ u tikkoltiva d-dwieli, tagħġen id-dqiq u tagħsar l-għeneb biex tagħmel l-inbid jekk ma għandekx art tiegħek?
  • Lanqas tista’ tieħu ħsieb qamħ u dwieli jekk int fi żmien ta’ gwerra (Malta bil-ġuħ fit-Tieni Gwerra u l-qamħ tal-bdiewa Għawdxin). Il-ħobż u l-inbid ifissru li int poplu, b’art tiegħu, fi żmien ta’ paċi u well-being.
  • Il-ħobż u l-inbid ma jinżlulekx tajjeb jekk int imdejjaq jew fil-problemi, marid …
  • Il-ħobż u l-inbid isiru minn għaqda flimkien ta’ realtajiet individwali separati, li ma jibqgħux jintagħżlu minn xulxin, jitilfu ħafna mill-aspetti oriġinali tagħhom (minn qamħiet għal dqiq, minn għenbiet għal qtar) biex isiru ħaġa waħda fil-ħobż u l-inbid. Minn dawn is-sinjali ta’ well-being u stabbiltà, Ġesù jagħmilhom is-simboli tiegħu nnifsu li jagħti lid-dixxipli dak kollu li għandhom bżonn ħa jkunu “fix-xālòm.”
  • Għalhekk nitolbu maħfra ’l Alla, biex inneħħu dak li hu “stranġier, barrani” fina.
  • Għalhekk inħallu lil Alla jkellimna ħa jurina x’jagħmilna poplu wieħed bejnietna u fih.
  • Għalhekk noffru l-ħobż u l-inbid, u għalhekk il-ħobż u l-inbid isiru l-Ġisem u d-Demm tal-Iben ta’ Alla, mezz sublimi tal-għaqda u t-tqarrib tagħna fih.
  • l-Ewkaristija hi radd il-ħajr. Ta’ xiex ngħidu grazzi lil Alla fl-Ewkaristija u bl-Ewkaristija?

L-idea ta’ sitwazzjonijiet kuntrarji tkompli: Salm 80:5 – “Ħobż id-dmugħ”; Ġoż 5:9-12: L-Ewwel Qari tar-Raba’ Ħadd tar-Randan; malli n-nies daħlu fl-Art Imwiegħda u kielu l-frott tal-art (= ħobż bla ħmira u qamħ ingaljat), il-manna waqfet. Stabbiltà u u poplu b’art tiegħu, imma issa jridu jaħdmu u jaħmu l-ħobż tagħhom huma stess.

Ġwanni 6:54 juża l-verb τρωγεῖν (trogein), litteralment “hu magħad”.

L-Għid jiġi ċċelebrat lejlet il-passjoni ta’ Ġesù.

1 Kor 11:23 – L-Aħħar Ċena seħħet: “fil-lejl li fih kien ittradut”.

1 Kor 10:16 – “Il-kalċi mbierek li fuqu ngħidu l-barka mhux għaqda mad-demm ta’ Kristu? U l-ħobż li naqsmu mhux għaqda mal-ġisem ta’ Kristu?”

Il-kliem konsakratorju: “Ħudu u kulu lkoll minn dan”.

Accipite et manducate:

Hoc [corpus] est enim Corpus meum, quod pro vobis tradetur … mogħti, ittradut.

Hic [sanguis] est enim calyx sanguinis mei … qui pro vobis et pro multis effundetur … imxerred, mogħti.

X’għandu l-ħobż komuni ma’ ġisem, u mal-ġisem ta’ Ġesù?

κλάσις(klásis)– qsim, ksir qawwi / vjolenti – minn ħobża waħda, jistgħu jixbgħu ħafna.

Il-ħobż jimplika stabbiltà; dik l-istabbiltà tinkiser għall-finijiet tal-qsim, biex tissodisfa lil ħafna (biżżejjed – Mt 15:33; Ġw 6:7).

L-Ewkaristija timplika impenn, anke personali, tal-ġisem, impenn fiżiku …

Li tikkonsagra u tirċievi t-Tqarbin Imqaddes hu att vjolenti, ta’ impenn (Cantalamessa, The Mystery of the Eucharist – Scriptures and the Fathers).

Imma mbagħad il-formula konsakratorja tintemm bil-kliem: Hoc facite in meam comemorationemHoc = dan l-impenn personali; meam = il-mod kif għamilt dan jien!

Ewkaristija u l-Kelma:

Atti 2:42: “U kienu jżommu sħiħ fit-tagħlim tal-Appostli u fl-għaqda ta’ bejniethom, fil-qsim tal-ħobż u fi t-talb (τῇ διδαχῇ τῶν ἀποστόλων – te didake ton apostólon).”

It-tagħlim tal-Appostli jista’ jitqies bħala t-Tieni Stadju fil-Formazzjoni tal-Evanġelju. F’dan is-sommarju, dan it-Tieni Stadju hu marbut strettament mal-“Qsim tal-Ħobż”.

Issa Dei verbum iqabbel u kważi jidentifika l-Kelma u l-Ġisem ta’ Kristu fl-Ewkaristija: Dei verbum #21: “Il-Knisja dejjem tat qima lill-Iskrittura Mqaddsa kif tat lill-istess Ġisem tal-Mulej billi qatt ma naqset, l-aktar fil-liturġija mqaddsa, li tieħu l-għixien bil-ħobż tal-ħajja mill-mejda tal-kelma ta’ Alla u tal-Ġisem ta’ Kristu, u tagħtih lill-fidili.”

“Divinas Scripturas SICUT ET ipsum Corpus dominicum sempre venerata est Ecclesia, cum, maxime in sacra Liturgia, non desinat mens mens ex vermi Dei quam Corporis Christi panem vitae somere fidelibus porrigere.”

sicut et timplika tqabbil ta’ żewġ elementi preċiżament bħal xulxin. Bl-espressjoni Sicut et (bl-istess mod) il-Konċilju jrid iqiegħed fuq l-istess livell eżatt l-Ewkaristija u l-Kelma ta’ Alla.

• Il-Ħobż Ewkaristiku hu kwalifikat mhux bħala “il-Ħobż tal-Preżenza – léħem ħappanim, kif kien e.g., fis-Santwarju / Tempju ta’ Eż 25, 30, imma bħala l-ħobż tal-ħajja, il-Ħobż maqsum / miksur li hu “mogħti għalikom”, maqsum mal-Komunità ta’ dawk li jemmnu.

• mill-mejda tal-kelma tal-Kelma ta’ Alla u tal-Ġisem ta’ Kristu (tam verbi Dei quam Corporis Christi li terġa’ tesprimi mill-ġdid paragun fuq l-istess livell). L-idea tal-Kaporal: Ġesù qed ibati lilu nnifsu fuq is-Salib, l-istess kif kien espliċita t-tifsira tal-Iskrittura għad-Dixxipli ta’ Għemmaws.

• mill-mejda tal-kelma tal-Kelma ta’ Alla u tal-Ġisem ta’ Kristu = ex mensa. Jekk hi l-mejda tal-Ġisem ta’ Kristu, dan hu l-artal. Il-mejda tal-kelma ma tissejjaħx l-ambone jew il-leġiju jew il-pulptu, imma l-mejda / artal. Anke jekk l-ambone hu grandjuż daqs kif insibu fil-Bażiliċi Paleo-Kristjani. Nafu li dawn l-amboni titla’ għalihom b’serje ta’ tarġiet li fuqhom kienu jitkantaw diversi tipi ta’ salmi jew innijiet, imsejħa “Gradwali > gradus = tarġa” … preċiżament “innijiet-tarġa”. L-idea ta’ dawn il-Gradwali kienet li turi lill-insara li l-ħajja Nisranija hi ħajja axxetika, ascesis, tlugħ! Le, mhux il-każ ta’ kif Dei verbum issejjaħ “l-artal tal-Kelma ”. Hu artal u mhux taraġ axxendenti, minħabba l-kunċett ta’ stabbiltà, ta’ bilqiegħda / mimdudin flimkien tal-familja li tissejjaħ flimkien (ἐκκλησία ekklesίa) biex tikser / taqsam il-ħobż flimkien.

Lanqas ma jissejjaħ “ambone”. Waħda mill-interpretazzjonijiet tal-kelma hi mill-verb Latin “ambire”, dar dawra madwar (fl-ambitu tal-liturġija) = iċċirkonda, dawwar, ħaddan, ħażżem. Il-kelma ta’ Alla tħaddanna u tħażżimna għall-ħajja.

Oriġene ta’ Lixandra fl-Eġittu (185 – ċa. 254), u għalhekk Kristjan tad-djaspora: wieħed mill-ikbar teoloġi, filosofi u studjużi tal-Bibbja. Bħala filosfu, hu pproduċa l-opra seminali tan-neo-Platoniżmu Nisrani fid-De principiis tiegħu – Dwar l-Ewwel Prinċipji. Studja u għamel użu wiesa’ mill-filosofija pagana u kien jaf kif jaddatta l-aktar prinċipji bażiċi tagħha biex idawwal aħjar il-Fidi Kristjana. Oriġine diġà kien jipprattika l-idea fundamentali li llum għandna bżonn tant li jekk m’aħniex konvinti li l-battalja tagħna hi waħda ta’ ideat, allura diġà tlifna l-gwerra tagħna!

“Inti li inti mdorri tieħu sehem fil-misteri divini, meta tirċievi l-Ġisem tal-Mulej, ara b’kemm kura u attenzjoni tipproteġi u tħares dak il-Ġisem ta’ Ġesù b’devozzjoni u ġieħ, biex l-ebda farka jew biċċa ma taqagħlek fl-art! Għax temmen – u tagħmel sew li temmen hekk – li tkun ħati jekk xi biċċa minnu taqagħlek fl-art bi traskuraġni. Imma jekk inti tant attent biex tħares il-Ġisem ta’ Ġesù – u tagħmel sew tagħmel hekk – kif tista’ taħseb li tkun inqas ħati tal-Ġisem ta’ Kristu jekk bit-traskuraġni tiegħek inti ma tqimx u ma tagħtix kas il-Kelma ta’ Alla!” (In Exodum homilia 13.2).

Eżra u Neħemija f’Neħ 8:10: wara li sab l-iskroll tal-Liġi u qraha u spjegaha lill-poplu, li għaliha l-Poplu beka bil-ferħ, il-poplu jintbagħat id-dar biex jaqsam ma’ oħrajn dak li kienu rċevew. (Neħ 8:10 bħala xewqa ta’ congedo fl-aħħar tal-Quddiesa: il-ferħ li jiġi mill-Mulej ikun il-qawwa tagħkom).

Luqa 24 – Għemmaws. Għaliex għarfuh fil-Qsim tal-Ħobż, u fil-mument li għarfuh, hu sparixxa?

Kif għarfu lil Ġesù preċiżament fil-Qsim tal-Ħobż? X’kien hemm daqshekk partikolari u jixxiebah bejn il-Ħobż Maqsum u Ġesù?

Hu dak li ġie miksur skont l-Iskrittura, speċjalment bħala l-Qaddej li jbati ta’ Alla.

Ma għandux għalfejn ikun preżenti fiżikament: se jkun preżenti b’mod mistiku u fil-komunità. Mistikament anke fil-Kelma, li hi maqsuma għall-komunità … u aħna aħna dawk li niksru dak il-ħobż tal-Kelma. L-esperjenza tiegħi wriet li l-poplu ta’ Alla għandu tant ġuħ u għatx għall-Kelma. Jekk ma jsibuniex imħejjija biex naqsmuha għalihom, allura se jħabbtu fuq il-bieb ta’ xi ħaddieħor.

Il-mument li jagħrfuh, jistqarru: “Ma kinitx qalbna taqbad ġewwa fina waqt li kien jitkellem magħna fit-triq, waqt li kien jiftħilna l-Iskrittura?” (Lq 24:32) Għalhekk, fil-mument li jagħrfuh fil-Qsim tal-Ħobż, huma jfakkru lil xulxin kif qalbhom kienet taqbad ġo fihom hekk kif hu kien qed jikser / jiftaħ il-Kelma. Il-Kelma u l-Ewkaristija ma jistgħux jgħaddu mingħajr xulxin.

Amos 8, 11: “Ara, għad jiġi żmien, oraklu ta’ Sidi l-Mulej, meta nibgħat il-ġuħ fl-art; mhux il-ġuħ tal-ħobż, lanqas l-għatx għall-ilma, iżda għas-smigħ tal-Kelma tal-Mulej…” Għandna nissodisfaw dak il-ġuħ? Għandna naqtgħu dak l-għatx? Opus Dei: l-irġiel għandhom il-ħmar bħala s-simbolu tagħhom … li jiġbed l-ilma mill-bjar biex jissodisfa l-għatx tal-oħrajn. In-nisa għandhom il-papra … simbolu tat-tajra li tintefa’ fl-ilma hekk kif tarah. Jalla dan l-ilma jkun l-ilma tal-Għerf tal-Kelma ta’ Alla.