Monthly Archives: February 2021

‘Read Think Speak’ mill-MCYN

Read Think Speak hi serje ta’ laqgħat li jagħmlu parti mill-proċess tas-smigħ li l-Knisja f’Malta qed tagħmel skont id-dokument ‘Knisja Waħda, Vjaġġ Wieħed’. Bħala entità tal-Arċidjoċesi, il-Malta Catholic Youth Network (MCYN) ħasset il-bżonn li tipprattika verament il-‘Knisja li Tisma’’. L-għan ewlieni ta’ dawn il-laqgħat huma li jisimgħu x’għandhom xi jgħidu ż-żgħażagħ, mexxejja ta’ gruppi taż-żgħażagħ u kappillani. Minkejja li dawn il-laqgħat qed isiru online minħabba r-restrizzjonijiet tal-pandemija, xorta qed ikunu opportunita biex żgħażagħ minn gruppi differenti jsiru jafu lil xulxin.

Il-proġett beda fi Frar 2021 u għadu għaddej. Kull xahar, l-MCYN tiltaqa’ ma’ żewġ gruppi ta’ żgħażagħ differenti għal laqgħa informali fejn it-team, il-mexxejja u ż-żgħażagħ jaqsmu l-esperjenzi tagħhom fil-laqgħa tagħhom ma’ Kristu, li hi l-aktar ħaġa li l-MCYN rat li tat frott minn dawn il-laqgħat. Fil-laqgħat jiġu diskussi wkoll temi mill-proċess ta’ ‘Knisja Waħda, Vjaġġ Wieħed’.

Kull laqgħa tinvolvi bejn 10 u 20 ruħ minn parroċċi jew komunitajiet lajċi differenti. Sa Awwissu 2021 l-MCYN iltaqgħet ma’ 123 ruħ, xi ħaġa li ma kinitx issir kieku mhux għall-koperazzjoni u d-dedikazzjoni tal-bosta mexxejja taż-żgħażagħ f’parroċċi differenti.

F’Malta hawn iktar minn 100 grupp ta’ żgħażagħ u l-għan tal-MCYN hu li jilħquhom kollha ftit ftit. Ir-rispons s’issa kien pożittiv u l-parteċipanti esprimew il-gratitudni tagħhom li ngħataw l-ispazju fejn jaqsmu u jisimgħu l-esperjenzi ta’ gruppi differenti. Permezz ta’ dan, iż-żgħażagħ u l-gruppi jesperjenzaw is-similaritajiet u d-differenzi ta’ bejniethom bħala individwi kif ukoll bħala gruppi. Ħafna drabi l-għarfien ta’ dawn id-differenzi jagħmel lill-Knisja aktar rikka.  

Riflessjonijiet mill-Ordni Karmelitan Sekulari Fraternità Mdina

L-Ordni Karmelitan Sekulari Fraternità Mdina organizza laqgħa virtwali fis-16 ta’ Frar 2021ispirata mill-irtir li sar fil-11 ta’ Ottubru 2020 bit-tema ‘Knisja waħda, Vjaġġ wieħed: kif il-Karmelitan Sekulari jissieħeb illum f’dan il-Vjaġġ’. Il-partċipanti matul il-laqgħa rriflettew fuq id-dokument tal-Knisja f’Malta għall-programm pastorali tas-snin li ġejjin.

Ir-riflessjonijiet dwar id-dokument:

B’dan id-dokument, il-Knisja f’Malta qegħda timpenja ruħha b’mod serju biex tiġġedded u tpoġġi fil-prattika it-tagħlim tal-Konċilju Vatikan II, fejn kien ippropona tiġdid radikali fil-Knisja billi nirreferu lura għall-ħajja nisranija fl-ewwel żminijiet tal-Knisja, u naraw kif l- Ispirtu ta’ Alla kien mexxa l-ewwel komunitajiet Insara sabiex jevanġelizzaw l-Aħbar it-Tajba. L-istess Konċilju enfasizza li dan l-eżerċizzju ta’ tiġdid jista’ jitwettaq biss bil-għajnuna tal-Kotba Mqaddsa, fejn nistgħu nisimgħu lil Alla jkellimna. Għalina Karmelitani dan hu punt tat-tluq importanti għax aħna msejħin biex ngħixu kuljum “lejl u nhar bil-ħsieb tal-Liġi/Kelma tal-Mulej… li għandha tgħammar f’qalbna u f’fommna” kif tgħammar ir-Regula Karmelitana u tapplikah għalina r-Regula OKS. Għaldaqstant dan hu mument ta’ grazzja għalina l-Karmelitani, għax nistgħu ngħinu lill-Knisja f’pajjiżna tisma’ l-Kelma, tixtarr il-Kelma, titlob il-Kelma u tħalliha titlaħħam fl-issa tal-istorja.

X’post għandha l-Kelma ta’ Alla f’ħajti u fil-fraternità tiegħi? Nitħarreġ fil-Lectio Divina?

Il-Konċilju Vatikan II kien sejjaħ il-Knisja bħala “misteru.” U għax hi misteru ma nistgħux inpoġġu limiti fejn tibda jew tispiċċa. Għalhekk, ikollna nużaw mudelli/tixbihat, sabiex nifhmu x-xogħol u r-rwol tal-Knisja fis-socjetà. Fil-fatt l-istess Konċilju jagħti erba’ mudelli, meħuda mill-Kotba Mqaddsa ta’ x’inhi jew xi tfisser l-Knisja: merħla (ara Iż. 40:11; Eż. 34:11-29; Ġw 10:1-10), għalqa (ara Iż. 5:1-7, Mt. 21:33-43, I Kor 3:9), bini ta’ Alla (I Kor 3:9; Mt. 21:42), u relazzjoni familjari, jiġifieri omm (ara Gal 4:26; Ap. 12:17) u l-għarusa ta’ Kristu (Ap. 19:7; 21:2, 9; 22:17).

Dan id-dokument ‘Knisja Waħda, Ragħaj Wieħed’ ukoll jissuġġerixxi mudell ta’ kif għandha tkun il-Knisja, meħud ukoll mill-Kotba Mqaddsa: Knisja li takkumpanja, li toħroġ sabiex tiltaqa’, tisma’ u tgħin lil kulħadd, fuq l-eżempju ta’ Sidna Ġesù Kristu meta mar jiltaqa’ maż-żewġ dixxipli tiegħu fit-triq ta’ Għemmaws. Dan il-mudell jippreżenta viżjoni ħajja ta’ kif għandha tkun il-Knisja billi fuq l-imitazzjoni tal-Imgħallem Divin, tpoġġi lilha nnifisha għad-diżpożizzjoni ta’ kulħadd bl-istess mod li Ġesù ta ħajtu għalina.

Bħala Knisja waħda, dan id-dokument għandu rabta partikolari mal-viżjoni tal-Papa Franġisku, kif inhi espressa b’mod partikolari fl-Eżortazzjoni Appostolika Evangelii Gaudium. Importanti ħafna hu s-suġġeriment kif dan il-proċess ta’ dixxerniment u tiġdid għandu jsir fil-prattika. Id-dokument jitkellem ċar: “It-tiġdid li qed ikun propost mhux xi ħaġa li se tkun “imposta” minn fuq għal isfel, imma se jkun tasew proċess ħaj li jikber b’mod organiku fl-aspetti kollha tal-Knisja f’Malta” (p. 2). Il-kliem “mhux … “imposta” minn fuq għal isfel” u “proċess ħaj li jikber b’mod organiku” juruna li t-tiġdid irid ikun magħmul b’mod ħieles u attiv, li jinkludi lil kulħadd, lil organi u membri kollha tal-Ġisem Mistiku ta’ Sidna Ġesù Kristu – mhux l-ewwel jiddixxernu l-awtoritajiet tal-Knisja, imbagħad jiddettawh lill-kumplament tal-Knisja, iżda jrid ikun proċess fejn kulhadd hu inkluż, sabiex il-Knisja tkun tista’ tuża d-doni u l-kariżmi kollha li l-Ispirtu s-Santu jżejjen lil-livelli kollha tal-Knisja.

Il-proċess irid ikun wieħed relazzjonali fejn kulħadd iħoss il-ħtieġa ta’ tiġdid u jaqsam dan it-tiġdid mal-Knisja kollha, jibda fil-komunità li jagħmel parti minnha, u din il-komunità tgħaddih lill-komunitajiet l-oħra. La l-proċess hu organiku ma jistax isir fuq bażi individwali biss, iżda irid ikun hemm sens ta’ sharing u belonging. Huma dawn li jagħmluna Knisja Waħda taħt Ragħaj Wieħed.

Il-fraternità li hi l-qafas fejn tista’ tingħex il-komunjoni jew l-għaqda tal-qlub fi Kristu hi wkoll element importanti fil-ħajja tal-Karmelu. Għall-grazzja ta’ Alla l-Fraternità tagħna fl-Imdina hemm sens qawwi u sabiħ ta’ fraternità mhux biss bejn it-Terzjarji Sekulari iżda wkoll f’għaqda mar-Reliġjużi patrijiet u t-Terz Ordni Regulari kif ukoll għarfien tal-Klawstrali Karmelitani li kellna x-xorti niltaqgħu magħhom. Innutajna l-esperjenzi pożittivi ta’ sens kbir fratern mat-Terzjarji f’Licata, fil-Bolivja u wkoll l-aħwa mill-Olanda li lqajniehom fostna jew żorniehom biex nitgħallmu minn xulxin.

Mill-Fraternità Universali napprezzaw iktar il-fraternità lokali għax ma nħossuniex waħedna. Lill-Knisja f’Malta nistgħu noffrulha dak li aħna f’dan il-vjaġġ billi nsaħħu l-fraternità u nkunu xhieda awtentiċi li “fejn hemm tnejn jew tlieta miġbura f’isem Ġesù hemm hu jinsab fostna:

  • fraternità mibnija madwar il-Kelma ta’ Alla
  • fraternità Ewkaristika
  • fraternità Marjana li hija spazju miftuħ li jilqa’ lil Alla u lill-aħwa minħabba fih
  • fraternità kontemplattiva li tħalli lil Alla jibdilha u jittrasformaha f’sagrament tas-Saltna ta’ Alla fost il-bnedmin: (ara l-ittra tal-Pirjol Ġenerali: Komunità li titlob fost il-poplu)

Xi tfisser għalija l-fraternità? Kif qed ngħixha? Kif qed nixhed għaliha? Kif nista’ ngħixha aħjar b’mod effikaċi?

Punt ieħor importanti li qam waqt il-laqgħa kien dwar il-mod kif il-Knisja trid timita lil Ġesù. Fin-narrattiva tal-laqgħa ta’ Ġesù maż-żewġ dixxipli fit-triq ta’ Għammaws, id-dokument jiddistingwi erba’ tappi:

  1. Ġesù imur jiltaqa’ mad-dixxipli
  2. Hu jisma’ l-uġigħ tagħhom
  3. Hu jakkumpanjahom fit-triq, u, wara l-esperjenza personali li iż-żewġ dixxipli kellhom ta’ Ġesù permezz tat-tagħlim tal-Iskrittura Mqaddsa u l-Ewkaristija
  4. Hu jqanqalhom u jqawwihom biex joħorġu jxandru l-Aħbar it-Tajba tal-esperjenza li huma kellhom ta’ Ġesù, jiġifieri, li Hu ħaj, rebbieħ fuq il-mewt u l-limiti tal-ħolqien.

Fuq l-imitazzjoni ta’ din “l-ikona ta’ Għammaws,” il-Knisja trid tisma’, tilqa’/tiltaqa’, takkumpanja u toħroġ. Dawn għandhom ikunu l-erba’ pilastri/attivitajiet, tal-Knisja fis-soċjetà tagħna. L-ewwel nett, il-Knisja teħtieġ li tisma’ lil Alla jkellimha permezz tal-Kotba Mqaddsa. Kif qal il-Papa Franġisku li “jeħtieġ nitrawmu kontinwament fis-smigħ tal-Kelma” (Evangelii Gaudium, n. 174). Hu permezz tas-smigħ tal-Kelma t’Alla li sseħħ fina bidla ġenwina, li aħna jkollna l-forma ta’ Ġesù Kristu.

Id-dokument jikkwota lill-Papa Franġisku: “Jekk ma niqfux naħsbu fuq il-Kelma t’Alla fl-Iskrittura; jekk ma niġux iffurmati f’xebh ma’ Kristu billi nfittxu li niltaqgħu miegħu fl-istejjer konkreti tal-Evanġelju, widnejna jittarxu, għajnejna jingħalqu u qalbna tibbies għal dik il-grazzja li Alla jixtieq iferra’ fina. Mingħajr il-Kelma ħajja ta’ Alla, ninxfu u mmutu” (Evangelii Gaudium, n. 31).

U dan is-smigħ tal-Kelma irid isir b’determinazzjoni u kontinwu. Għaliex importanti s-smigħ tal-Kelma ta’ Alla kontinwament mill-Knisja? Fir-rakkont ta’ Għemmaws, Ġesù jisma’ l-weġgħat li ż-żewġ dixxipli kienu jġorru f’qalbhom, it-telfa li għadhom kemm esperjenzjaw, id-diżorjentament u l-biża’ li waqgħet fuqhom. Imbaghad, l-Imghallem Divin ifarraġhom billi idur lejn l-Kotba Mqaddsa u jispjegalhom kif Alla tkellem permezz ta’ Mosè u tal-profeti, u li l-Messija kellu jbati u jiġi gglorifikat. Kienet ċanfira żgħira, bħal donnhom iż-żewg dixxipli nsew x’hemm miktub fl-Iskrittura. Ġesù hu l-Verb ta’ Alla (ara Ġw 1, 14, 18). Il-kelma “verb” timplika djalogu bejn żewġ persuni jew aktar.

Fil-fatt Alla, aktar milli hu Kelma, nom – hu Verb, għax Alla hu azzjoni. Għalkemm Alla jibqa’ dejjem traxxendentali, iżda hu wkoll imminenti u attiv fl-istorja tal-umanità. Alla niżel fl-istorja tal-bniedem, għax ried isir sar ħaġa waħda magħna l-bnedmin meta ħa l-ġisem, demm u ruħ umana permezz tal-Imbierka Verġni Marija. Alla twaħħad magħna fil-persuna ta’ Ġesù Kristu u jibqa’ jaħdem maghna u fostna permezz tal-Ispirtu s-Santu u l-Knisja, l-ġisem mistiku ta’ Ġesù għal ġid tal-bnedmin u l-ħolqien kollu.

Għalhekk, kif jgħidilna San Irinew, Alla l-Missier għandu żewġ idejn, Ġesù Kristu u l-Ispirtu s-Santu, li permezz tagħhom jaħdem fid-dinja. Għalina Karmelitani, is-smigħ u l-meditazzjoni tal-Kotba Mqaddsa hu fundamentali sabiex niġġeddu u ninbidlu fi Kristu ieħor: “L-Iskrittura trattab l-ebusija ta’ qalbna, tiftaħna għall-ieħor u għal dawk li Alla ħabbhom sa mill-bidu… Meta tiltaqa’ mal-Kelma, qalbna tinfetaħ u toħroġ ’il barra minnha nfisha” (p. 31).

Permezz tas-smigħ, il-Knisja tkun mimlija bl-Ispirtu ta’ Ġesù li joħroġha biex tiltaqa’ mal-oħrajn u xxandar l-esperjenza tagħha ta’ Kristu Rxoxt, il-ġrajja misterjuza li ssalva lid-dinja u tisboq il-ħolqien kollu. Din il-ġrajja ta’ qawmien tqawwi u tagħti kuraġġ lill-membri tal-Knisja sabiex jinfetħu għall-oħrajn: “L-ewwel ħaġa fil-komunikazzjoni mal-oħrajn, hi l-ħila tal-qalb li tersaq qrib ħaddiehor, li mingħajrha ma teżisti l-ebda laqgħa spiritwali vera. Is-smigħ jgħinna nagħrfu liema hu l-ġest jew il-kelma t-tajba li tħarrikna mill-qagħda trankwilla ta’ spettaturi” (Evangelii Gaudium, n. 171).

Waqt il-laqgħa, ħareġ l-importanza li l-membri kollha tal-Knisja jeħtieġu li jpoġġu lilhom infushom b’mod sħiħ għad-dispożizzjoni tal-oħrajn, il-ħtieġa tal-ftuħ u aċċettazzjoni għall-oħrajn, hekk kif il-Maestà Tiegħu, kif tħobb issejjaħlu Santa Tereża ta’ Ġesù, għamel matul ħajtu kollha. Diżpozizzjoni tfisser li tkun lest/a li tisma’ l-uġigħ u l-feriti tal-oħrajn, li tiftaħ djalogu ta’ mħabba għal ħaddieħor. U dan jgħodd mhux biss ma’ dawk li nafu jew ta’ ġewwa, iżda l-Knisja trid toħroġ fil-periferiji, mal-immigranti, ma’ dawk li huma waħedhom, mal-abbużati, ma’ dawk li ma għandhomx vuċi fis-soċjetà.

F’dan ir-rigward, waqt il-laqgħa, ingħatat l-importanza li l-Knisja, bħal San Pawl, trid tasal biex tistqarr fil-verità: “Sirt kollox ma’ kulħadd, biex insalva lil kulħadd” (I Kor. 9:22). Il-Knisja trid ukoll tilqa’. “Li tilqa tfisser li ddawwar il-ħarsa tiegħek ’il barra minnek innifsek biex tassew tara lill-ieħor jew oħra kif inhuma” (p. 32).

Dan jimplika li l-Knsija trid tkun lesta li tieħu “riskju”; hekk kif kull relazzjoni ġġib magħha l-element ta’ riskju tal-abbuż mis-sinċerità ta waħda mill-partijiet. Importanti li l-membri tal-Knisja jilqgħu ma’ kull min jiltaqgħu sabiex huma wkoll ikollhom esperjenza tal-ħniena ta’ Alla.

Il-Knisja trid tkun mezz ta’ fejqan, u dan irid isir b’mod ħolistiku. Ma nistgħux nifirdu l-ispiritwali mill-materjali. Il-firda tar-ruħ mill-ġisem hi falza. Ir-ruħ hi espressjoni tal-persuna totali, hi żżomm u tgħaqqad l-organi u l-fakultajiet tal-ġisem. Għalhekk, l-ispiritwalità trid tiġi kkonkretizzata u murija fil-ħajja ordinarja ta’ kuljum u jeħtieg li l-Knisja tgħin lil kull min hu fil-bżonn f’kull livell ta’ ħajja. Il-Knisja trid ukoll tilqa’ l-kultura ta’ kull pajjiż u poplu. Alla jikxef lilu nnifsu fl-istorja tal-bniedem, li jfisser fil-kultura u tradizzjoni ta’ poplu, hekk kif għamel mal-poplu Lhudi.

Id-dokument jitkellem fuq l-Inkulturazzjoni tal-fidi. It-tħabbir tal-Evanelju għandu jsir billi l-Knsja tisma’ u titħarreġ fil-kultura tal-pajjiż, biex tkun tista’ tinfiltra u twassal l-Aħbar it-Tajba, fl-istess l-kultura, l-istituzzjonijiet u t-tradizzjonijiet tal-pajjiż li jikbru u jiżviluppaw matul l-istorja ta’ ġens.

“Poplu ‘inkarnat’ hu poplu ‘kolt’ (‘ikkultivat’) b’għeruq li jinżlu fil-fond fl-art, b’zokk ewlieni b’saħħtu li kiber fl-istorja, u bil-friegħi li jinfirxu ’l barra f’atti ta’ qima (cultus) li jagħtu l-frott” (p. 9-10). B’hekk il-kultura tal-pajjiż, iz-zokk li kiber fl-istorja jixrob l-ikel mill-għeruq sabiex il-friegħi, kultura u tradizzjoni u drawwwiet ta’ poplu, jissaħħu u jkunu jistgħu jagħtu l-frott.

Fuq l-eżempju ta’ Sidna Ġesù Kristu, il-Knisja trid takkumpanja. Il-kelma takkumpanja ġejja minn cum+pane, jiġifieri taqsam il-ħobż ma’. Dan il-moviment hu biss possibbli jekk il-Knisja jkolla r-rieda li tingħata biex ħaddieħor isir aħjar. Li takkumpanja lil ħaddieħor ifisser li tkun lest tagħmel spazju għal djalogu sinċier u riskjuż, mal-persuna l-oħra, li tista’ tittradik. Id-dokument jgħid: “L-akkumpanjament jitlob il-kuraġġ li timxi ma’ persuna oħra tul it-triq perikoluża imma meħtieġa li twassal mill-mewt għat-twelid mill-ġdid” (p. 33). Akkumpanjament isir billi l-gwida spiritwali jimxi hu wkoll mixja spiritwali ta’ mħabba kif kien isir fil-bidu tal-Knisja meta għalliem matur fil-ħajja spiritwali kien iservi biex jgħallem u jwassal lill-katekumenu għas-sagrament tal-Magħmudija. Biex tiġġedded u takkumpanja, il- Knisja meħtieġ li toħroġ taqsam il-ħobż ta’ kuljum mal-bnedmin biex twassal l-esperjenza tagħha ta’ Ġesù Kristu Rxoxt li jsir għalina ħobż li jittiekel.

In-natura essenzjali tal-Knisja hi missjunarja: għandha mandat, ordni, minn Ġesù nnifsu li toħrog twassal il-Kelma ta’ Alla f’kull roqgħa fid-dinja. Importanti nifhmu li Ġesù, l-ewwel waqqaf il-Knisja mbagħad irxoxta, u wara ta l-ordni lid-dixxipli biex imorru jgħallmu. Fil-bidu tal-missjoni tiegħu, Ġesù għażel 12-il-appostlu kif ukoll 72 dixxiplu sabiex imorru jxandru l-Kelma ta’ Alla.

Ix-xandir tal-esperjenza li d-dixxipli għandhom ta’ Ġesù Kristu, l-kairos evanġeliku, hi karatteristika fundamentali tal-ewwel dixxipli ta’ Ġesù Kristu, u mhix xi ħaġa miżjuda. Għalhekk, hu fil-pjan ta’ Alla li l-Knisja tikkoltiva kontinwament attitudni ta’ ħruġ u ta’ inklussività sabiex twassal l-Aħbar it-Tajba, jiġifieri t-tgħanniqa tal-imħabba, ħniena u kompassjoni, li hi esperjenzjat fil-persuna unika ta’ Sidna Ġesù Kristu. Minn dan joħroġ li l-Knisja trid toqgħod attenta li ma tispiċċax aljenata meta tħossha komda fi strutturi, forom u drawwiet, li għalkemm kienu tajbin għal xi żmien partikolari, iżda mal-medda taż-żmien, spiċċaw aljeni mill-kultura u l-ħsibijiet tas-soċjetà kontemporanja li kontinwament tinbidel.

Importanti li dejjem inżommu f’moħħna l-kliem ta’ Ġesù Kristu: “Ħadd ma jaqta’ biċċa drapp minn libsa ġdida biex biha iraqqa’ waħda qadima” u “inbid ġdid iqegħduh f’damiġġani ġodda” (Lq. 5:36, 38). Id-dokument Knisja waħda, Vjaġġ wieħed jikkwota l-kliem tal-Papa Franġisku: “Hi din l-attitudni ta’ ħruġ li tgħin lill-Knisja tieħu r-riskju li tmur fil-periferiji jew fl-ambjenti soċjo-kulturali ġodda, li tfittex dawk li huma imbiegħda, u li tkun dejjem lesta tħalli l-kriterju pastorali komdu ta’ ‘għax dejjem hekk sar’” (Evangelii Gaudium, 33).

Hi l-missjoni tal-Knisja li tkun ta’ strument sabiex iddewwi l-ġrieħi ta’ dawk li huma fil-periferji – l-għażla tal-Knisja hi dejjem l-għażla favur il-foqra, li ma jfissirx biss dawk li jbatu minn faqar materjali iżda wkoll dawk li għadhom isofru minn weġgħat tal-passat, fejn hemm relazzjonijiet imkissra, dawk li huma emarġinati u mwarrbin mis-socjetà, dawk li huma waħedhom, oħrajn li jbatu minn trawmi u abbużi tat-tfulija. Hu d-dmir tal-Knisja li taqra s-sinjali taz-żminijiet u twassal l-Aħbar it-Tajba b’mod li l-ispiritwalità Nisranija tgħin sabiex l-bniedem jiżviluppa b’mod sħiħ.

Il-Knisja trid tkun bħal dik il-mara Samaritana, li wara l-esperjenza li kellha ta’ Ġesù, ħalliet kollox u marret tagħti xhieda tal-laqgħa li kellha mal-Imgħallem Divin. Matul il-laqgħa, issemma l-importanza li kull tiġdid u dixxerniment irid isir permezz ta’ talb personali u komunitarju, kontemplazzjoni u skiet. Irridu wkoll nagħtu importanza lis-sagramenti, speċjalment l-Ewkaristija, li tgħaqqadna flimkien u permezz tagħha nkunu nistgħu, verament u bla kundizzjoni, nagħtu lilna nfusna lil oħrajn kif Ġesù ta lilu nnifsu għalina.

X’nista’ nagħmel jien personalment fil-fraternità u fl-ambjent fejn ngħix bħala Terzjarju sabiex inkun xhud ta’ Knisja li tisma’, tilqa’, takkumpanja u toħroġ ixxandar l-Evanġelju? Kif qed nagħmel dan? Il-Fraternità?

Ma rridux ninsew li l-proċess ta’ tiġdid mhuwiex xi proġett uman, iżda jrid ikun imqanqal mill-Ispirtu s- Santu li juri x’inhu l-pjan ta’ Alla għal żmien partikolari fl-istorja ta’ poplu. Għalhekk, kull dixxerniment irid isir b’sottomissjoni għal Ġesù Kristu u għall-Ispirtu s-Santu. Bil-kelma “sottomissjoni” ma għandniex nifhmu kmand mogħti minn awtorità dittatorjali, iżda aċċettazzjoni ħielsa u b’lealtà għall-Kelma ta’ Alla, mibnijin fuq il-persważjoni li Alla ma jrid xejn ħlief il-ġid sħiħ tagħna, kif missier u omm jixtiequ l-aħjar lil uliedhom.

Dan jimplika li d-deċiżjonijiet ma għandhomx isiru skont il-kriterji umani iżda f’sintonja mal-Ispirtu s-Santu. Irridu dejjem inżommu f’moħħna li huwa l-Ispirtu ta’ Alla li qed jaħdem permezz tal-Knisja, li jiffurmana biex insiru Kristu ieħor, naħsbu, nitkellmu u naġixxu fuq l-eżempju ta’ Ġesù Kristu. Ġaladarba dan il-proċess hu ħidma tal-Ispirtu s-Santu, allura aħna rridu nkunu lesti li nistennew għax il-frott mhux dejjem narawh mill-ewwel.

Il-ħtieġa li nistennew: attendere Deum, kif jgħallmuna l-mistiċi Karmelitani. Irridu wkoll inkunu konxji li Alla hu sorpriża u, allura, irridu nkunu dejjem attenti għal dak li Alla jkun irid minna. Għalhekk irridu nibqgħu b’qalbna miftuħa għall-Ispirtu s-Santu li dejjem iżżejjen lill-membri tal-Knisja b’kariżmi u doni differenti fid-diversi dimensjonijiet tagħha: saċerdotali, ħajja kkonsagrata, movimenti spiritwali, parroċċi, u anke individwali.

Importanti li niddixxernu dawn il-kariżmi u d-doni fil-poplu ta’ Alla, nindunaw bihom u nagħtuhom spazju biex jitħaddmu, sabiex bihom tikber u tinxtered is-Saltna t’Alla. Hu importanti li dawn il-kariżmi u doni jitqassmu fil-Knisja kollha għall-ġid komuni spiritwali u materjali tal-membri kollha tal-Knisja.

Id-dokument jissuġġerixxi li d-dixxerniment irid isir fuq żewġ livelli:

Fuq livell orizzontali: diġà semmejna l-inkulturazzjoni, Knisja li toħroġ sabiex twassal is-salvazzjoni ta’ Ġesù u ddewwi l-ġrieħi ta’ dawk li soffrew inġustizzji u tbatija, mingħajr ma tirriduċi lilha nnifisha għal xi aġenzija tal-karità.

Fuq livell vertikali: il-Knisja trid tpoġġi dan il-proċess ta’ tiġdid f’kuntest eskatoloġiku, li jmur lil hinn mill-ispazju u żmien, għalkemm jitwettaq fid-dinja u fiż-żmien. Kull dixxerniment irid jitwettaq fl-isfond tat-Tieni Miġja ta’ Sidna Ġesù, billi ngħaqqdu u ngħixu l-issa fl-istennija tal-aħħar taż-żminijet, meta l-ħolqien kollu jiġi mifdi u gglorifikat u jerġa’ lura għand il-Missier permezz ta’ ħuna l-kbir Ġesù Kristu.

Knisja Waħda, Vjaġġ Wieħed: Messaġġ ta’ Introduzzjoni

Introduzzjoni

Malta u Għawdex għandhom storja li hija mlibbsa mhux biss b’avvenimenti storiċi li sawru l-kultura u l-identità tagħna iżda li mxiet ’il quddiem minn seklu għal ieħor bil-preżenza tal-fidi mħaddna mill-poplu tagħha.

Il-wasla ta’ San Pawl fil-gżejjer, fetħet lill-Maltin għal triq li ħadithom fuq vjaġġ ta’ fidi nisranija li għadu għaddej sal-lum. Minn sempliċi att t’ospitalità li n-nies tal-gżira wrew lil San Pawl mal-miġja tiegħu rebħu wkoll l-opportunità li jibdew il-proċess ta’ laqgħa ma’ Ġesù – laqgħa li żviluppat mal-medda tas-snin u li sal-lum il-ġurnata għadna nistgħu naraw madwarna tista’ tgħid f’kull rokna fiżika u simbolika ta’ pajjiżna. Identità Nisranija li kompliet tiffjorixxi u tinbidel u li hija riflessa fil-bini Malti, l-arti, il-kultura, tradizzjonijiet reliġjużi, il-figuri ekkleżjastiċi u n-nies infushom li flimkien jiffurmaw il-Poplu ta’ Alla fuq din l-art.

L-Oriġini tal-Identità u l-Vażun Imkisser

Il-laqgħa bejn il-poplu tal-gżejjer u Missierna San Pawl kienet iż-żerriegħa li ġabet impatt kbir fuq Malta bl-istess mod li San Pawl ġab bidla mal-bqija tad-dinja ta’ żminijietu. San Pawl wasal Malta mhux biss bħala ħabsi, imma għall-Maltin kien stranġier, barrani. Però l-Maltin laqgħuh “bi ħlewwa liema bħalha” (Atti 28:1-2) u din l-azzjoni serviet mhux biss bħala simbolu t’ospitalità imma anki ta’ rikonċiljazzjoni. Jekk qabel il-miġja tiegħu l-Maltin u San Pawl kienu żewġ biċċiet separati, żewġ dinjiet u kulturi li qatt ma missew ma’ xulxin, issa dawn setgħu jitwaħħdu. Il-Maltin – li kienu fid-dlam fejn tidħol l-aħbar it-tajba għad-dinja kollha, tal-qawmien ta’ Kristu, li pprietka San Pawl – taw id lil individwu li mhux talli kien differenti minnhom, iżda anki kien f’periklu. U l-fatt li fetħu qalbhom għal barrani, kien il-bidu tal-laqgħa tagħhom ma’ Kristu li ġabet ferħ u fejqan.

Min hu l-Poplu t’Alla llum?

Iżda min hu l-Poplu t’Alla f’Malta llum? Mhumiex biss il-figuri reliġjużi jew dawk li rċivew l-Ordni Sagri imma anki l-lajċi impenjati f’kull ħidma fil-ħajja ta’ kuljum u dawk li qed ifittxu l-verità. Il-mistoqsija ċentrali li wieħed għandu jistaqsi hija din: Min ngħid li jien bħala Nisrani u din il-fidi kif verament ngħixha fil-prattika? Qegħdin ngħixu fl-ispirtu ta’ dixxipli ta’ Kristu mibgħuta fid-dinja? Qegħdin infittxu li nsibu dawk l-ixquq, dak li forsi mas-snin inkiser, biex inkunu nistgħu nerġgħu nwaħħduh fi spirtu ta’ rikonċiljazzjoni?

Bħall-Maltin li ltaqgħu ma’ San Pawl meta kienu fid-dlam, l-istorja t’Għemmaus isservi biex niftakru kif il-laqgħa ma’ Kristu terġa’ twaħħadna bħala komunità waħda. Storja li bħala l-Poplu t’Alla fis-seklu 21, meta aħna wkoll għandna d-dlam tagħna, nistgħu nerġgħu niftakru u nispiraw irwieħna minnha. Id-dixxipli t’Għemmaus m’għarfux lil Kristu Rxoxt mill-ewwel, fi triqithom lejn Ġerusalemm. Kienu għomja għal dak li kien quddiemhom, wisq imbeżżgħa u mħawdin. Ħtiġilhom, però pass wieħed biss, ta’ ġest ta’ ospitalità, ta’ rikonċiljazzjoni fi stedina għal ikla flimkien, biex jerġgħu jiltaqgħu ma’ Kristu. Pass li kien biżżejjed biex idewweb is-sens ta’ diżorjentazzjoni tad-dixxipli u sabiex għajnejhom jerġgħu jinfetħu u jerġgħu jagħrfuh. Pass li bidilhom f’dixxipli missjunarji.

Allura, bħala l-Poplu t’Alla llum: kif jista’ wieħed jgħix il-missjoni b’mod konkret? Kif nistgħu nerġgħu niltaqħu ma’ Kristu u nesperjenzaw il-ferħ li nsiru dixxipli missjunarji? Bħal dawk il-Maltin li ltaqgħu ma’ San Pawl u bħad-dixxpli fi triqthom lejn Għemmaus.

Dixxiplu Missjunarju

X’inhu l-irwol ta’ dixxiplu missjunarju, jew dixxiplu mibgħut? Kif jista’ jrendi l-frott b’mod konkret f’dik li hija Malta moderna? Kif jista’ dixxiplu missjunarju jsir preżenza ta’ tama fil-komunità?

Kieku kellna nużaw metafora biex nimmaġinawh, dixxiplu missjunarju għandu jfittex li jkun id-dawl fl-irkejjen imdallmin, dak in-naqra melħ li jagħti t-togħma, il-ħmira li ttella’ l-għaġina. U għandu jfittex li dan l-irwol iwettqu fil-periferiji, fl-ibliet u fl-irħula, fid-dinja diġitali, fl-ispazji ċivili, domestiċi u fil-komunitajiet tagħna… kull fejn hemm ix-xquq li jistgħu jerġgħu jissewwew.

Li d-dinja moderna, inkluża Malta, iġġorr magħha ġrieħi varji fl-esperjenzi kollettivi, individwali, istituzzjonali u soċjali – mhix aħbar ġdida. Dan it-tbenġil u tifrik narawh kullimkien: fil-memorja personali u kollettiva tagħna, ir-relazzjonijiet intimi u familjari, l-istituzzjoni tal-Knisja stess, fil-ħajja pubblika tagħna, fl-ambjent li ngħixu fih u fuq kollox – ir-ruħ individwali u kollettiva tagħna. Biss, huwa d-dmir ta’ kull dixxiplu mibgħut li jimxi l-vjaġġ ta’ fejqan – flimkien bħala komunità. Għalhekk huwa importanti li biex jingħaqad dak li nkiser, il-Poplu ta’ Alla f’Malta jrid jibda billi jfittex lil dak li huwa muġugħ jew midrub biex, f’isem Kristu, joffri l-fejqan. Huwa faċli li wieħed jarmi l-frak ta’ xi ħaġa li forsi nkisret jew inkella frammentat ruħha. Iżda huwa propju fl-iktar irkejjen imdallma li t-tama tinstab u fejn il-fejqan u l-ferħ ta’ Kristu jista’ jiġi offrut biex li inkiser jerġa’ jsib ruħu sħiħ. B’mod ġdid u differenti, forsi. Imma sħiħ.

Dak li Jgħaqqadna

F’ċerti kulturi, il-preġju t’oġġett ikompli jiżdied mhux biss meta jgħaddi ż-żmien minn fuqu, imma anki fl-ammont ta’ xquq li ġew imwaħħda u msewwija mill-ġdid, biex l-oġġett mhux biss jibqa’ preservat, imma jsir wisq isbaħ. Dan il-proċess ta’ ‘fejqan’ tal-oġġett tant hu stmat li dawn il-kulturi spiss jużaw id-deheb biex jimlew dawk l-ispazji ġodda li jkunu nħolqu bejn framment u ieħor meta jkun seħħ il-ksur.

Jekk nużaw dan il-proċess dehbien bħala simbolu tal-vjaġġ ta’ fejqan tal-missjoni tal-Poplu ta’ Kristu – allura min hu l-kolla tad-deheb li jwaħħad il-biċċiet li jkunu sseparaw jew tfarrku?

Jekk Kristu huwa l-protagonist ta’ dan il-proċess, il-kaptan li qed imexxi l-vjaġġ waħdieni lejn Knisja waħda, huwa l-Ispirtu s-Santu. Huwa l-gwida ta’ dawk li jisimgħu, li jiftħu idejhom beraħ għall-proxxmu, dawk li lesti li jakkumpanjaw u jappoġġjaw il-ħidma tal-missjoni ’l quddiem. U huwa hawnhekk li kull dixxiplu missjunarju huwa estensjoni tal-ġisem tal-knisja, l-għalliem li jikkontribwixxi lejn it-tisħiħ tal-Poplu t’Alla f’Malta.

Bla dubju, it-tessut kulturali u kull spazju ieħor fis-soċjetà Maltija … dak li l-Malti jgħix u jesperjenza fid-dinja moderna, għandu l-ġrieħi, it-tikmix u l-ħofor tiegħu. Bħal kull soċjetà oħra nesperjenzaw sfidi kbar ta’ frammentazzjoni. Huwa hawn li l-Ispirtu s-Santu jnebbaħ lil kull dixxiplu mibgħut sabiex ifittex li jsib ir-rikonċiljazzoni. Bħall-Maltin li ltaqgħu ma’ Missierna San Pawl u d-dixxipli ta’ Għemmaus. Ir-responsabbiltà ta’ kull individwu hu li jifhem dak li l-Ispirtu s-Santu qiegħed isejjaħlu li jagħmel f’kull waqt fir-realtà konkreta tiegħu. Fuq livell personali, privat, komunitarju, istituzzjonali, fil-parroċċa, fil-movimenti lajċi, f’isem l-Arċidjoċesi u finalment fuq livell universali. Huwa permezz ta’ dan il-proċess li verament kull dixxiplu missjunarju jkun simbolu prattiku u konkret ta’ Knisja li tisma’, li tilqa’, li takkumpanja u li dejjem toħroġ bla biża’.

Fl-aħħar mill-aħħar id-dixxerniment mhu xejn ħlief il-fiduċja tal-Poplu ta’ Alla li l-Ispirtu s-Santu qed jurih it-triq, u li bħala Knisja, personalment u fil-komunità, aħna nistgħu nisimgħu leħnu u hekk nimxu fit-triq ta’ rikonċiljazzjoni li jurina. U bħalma l-antenati tagħna ma beżgħux mid-diversità li ġab miegħu San Pawl – anzi! Tawh spalla u offrew sens t’unità – hekk ukoll għandna nilqgħu l-isfida moderna li nerġgħu niskopru dik il-wegħda oriġinali li bħala poplu għamilna. Il-wegħda li noħolqu spazju sigur u unit, arrikkit mid-diversità f’dinja lokali, nazzjonali u diġitali. Huwa hekk li verament nitwaħħdu f’ħaġa waħda.
Din il-konverżjoni interna mhux ser tikkontribwixxi biss lejn il-vjaġġ ta’ fejqan – li fid-diffikultà tiegħu xorta għandu jkun il-pont li jgħaqqadna – imma ser jgħin lill-Poplu ta’ Alla modern jerġa’ jixrob b’mod frisk l-identità Nisranija u unikament “Maltija” tiegħu minn lenti li tagħmel sens għal kuntest li l-poplu Malti jgħix fih.

“Nedejna dan il-proċess li huwa viżjoni għall-Knisja f’Malta għas-snin li ġejjin. Insejjaħ lill‑entitajiet kollha tal‑Knisja f’Malta — il-parroċċi, il-kongregazzjonijiet reliġjużi, l-iskejjel, il-movimenti tal‑lajċi, il-familji u oħrajn — l-ewwel nett biex jippruvaw jaqraw u jifhmu d-dokument imma mbagħad biex ikunu parti huma minn dan il-proċess.

“Uħud qaluli li d-dokument huwa ftit tqil biex tifhmu. Għandek bżonn ftit impenn biex inti tidħol u tifhmu tassew. Imma jien nistedinkom li nagħmlu dan l-impenn biex il-viżjoni ma tkunx ‘l-Isqof qed jgħidilna x’għandna nagħmlu’ imma nisimgħu lkoll il-vuċi tal-Ispirtu u naħdmu flimkien għall-ġid tal-Knisja f’Malta.”

Agħfas hawn biex tniżżel koppja tat-test sħiħ tal-filmat.