Knisja Waħda, Vjaġġ Wieħed: Messaġġ ta’ Introduzzjoni

Introduzzjoni

Malta u Għawdex għandhom storja li hija mlibbsa mhux biss b’avvenimenti storiċi li sawru l-kultura u l-identità tagħna iżda li mxiet ’il quddiem minn seklu għal ieħor bil-preżenza tal-fidi mħaddna mill-poplu tagħha.

Il-wasla ta’ San Pawl fil-gżejjer, fetħet lill-Maltin għal triq li ħadithom fuq vjaġġ ta’ fidi nisranija li għadu għaddej sal-lum. Minn sempliċi att t’ospitalità li n-nies tal-gżira wrew lil San Pawl mal-miġja tiegħu rebħu wkoll l-opportunità li jibdew il-proċess ta’ laqgħa ma’ Ġesù – laqgħa li żviluppat mal-medda tas-snin u li sal-lum il-ġurnata għadna nistgħu naraw madwarna tista’ tgħid f’kull rokna fiżika u simbolika ta’ pajjiżna. Identità Nisranija li kompliet tiffjorixxi u tinbidel u li hija riflessa fil-bini Malti, l-arti, il-kultura, tradizzjonijiet reliġjużi, il-figuri ekkleżjastiċi u n-nies infushom li flimkien jiffurmaw il-Poplu ta’ Alla fuq din l-art.

L-Oriġini tal-Identità u l-Vażun Imkisser

Il-laqgħa bejn il-poplu tal-gżejjer u Missierna San Pawl kienet iż-żerriegħa li ġabet impatt kbir fuq Malta bl-istess mod li San Pawl ġab bidla mal-bqija tad-dinja ta’ żminijietu. San Pawl wasal Malta mhux biss bħala ħabsi, imma għall-Maltin kien stranġier, barrani. Però l-Maltin laqgħuh “bi ħlewwa liema bħalha” (Atti 28:1-2) u din l-azzjoni serviet mhux biss bħala simbolu t’ospitalità imma anki ta’ rikonċiljazzjoni. Jekk qabel il-miġja tiegħu l-Maltin u San Pawl kienu żewġ biċċiet separati, żewġ dinjiet u kulturi li qatt ma missew ma’ xulxin, issa dawn setgħu jitwaħħdu. Il-Maltin – li kienu fid-dlam fejn tidħol l-aħbar it-tajba għad-dinja kollha, tal-qawmien ta’ Kristu, li pprietka San Pawl – taw id lil individwu li mhux talli kien differenti minnhom, iżda anki kien f’periklu. U l-fatt li fetħu qalbhom għal barrani, kien il-bidu tal-laqgħa tagħhom ma’ Kristu li ġabet ferħ u fejqan.

Min hu l-Poplu t’Alla llum?

Iżda min hu l-Poplu t’Alla f’Malta llum? Mhumiex biss il-figuri reliġjużi jew dawk li rċivew l-Ordni Sagri imma anki l-lajċi impenjati f’kull ħidma fil-ħajja ta’ kuljum u dawk li qed ifittxu l-verità. Il-mistoqsija ċentrali li wieħed għandu jistaqsi hija din: Min ngħid li jien bħala Nisrani u din il-fidi kif verament ngħixha fil-prattika? Qegħdin ngħixu fl-ispirtu ta’ dixxipli ta’ Kristu mibgħuta fid-dinja? Qegħdin infittxu li nsibu dawk l-ixquq, dak li forsi mas-snin inkiser, biex inkunu nistgħu nerġgħu nwaħħduh fi spirtu ta’ rikonċiljazzjoni?

Bħall-Maltin li ltaqgħu ma’ San Pawl meta kienu fid-dlam, l-istorja t’Għemmaus isservi biex niftakru kif il-laqgħa ma’ Kristu terġa’ twaħħadna bħala komunità waħda. Storja li bħala l-Poplu t’Alla fis-seklu 21, meta aħna wkoll għandna d-dlam tagħna, nistgħu nerġgħu niftakru u nispiraw irwieħna minnha. Id-dixxipli t’Għemmaus m’għarfux lil Kristu Rxoxt mill-ewwel, fi triqithom lejn Ġerusalemm. Kienu għomja għal dak li kien quddiemhom, wisq imbeżżgħa u mħawdin. Ħtiġilhom, però pass wieħed biss, ta’ ġest ta’ ospitalità, ta’ rikonċiljazzjoni fi stedina għal ikla flimkien, biex jerġgħu jiltaqgħu ma’ Kristu. Pass li kien biżżejjed biex idewweb is-sens ta’ diżorjentazzjoni tad-dixxipli u sabiex għajnejhom jerġgħu jinfetħu u jerġgħu jagħrfuh. Pass li bidilhom f’dixxipli missjunarji.

Allura, bħala l-Poplu t’Alla llum: kif jista’ wieħed jgħix il-missjoni b’mod konkret? Kif nistgħu nerġgħu niltaqħu ma’ Kristu u nesperjenzaw il-ferħ li nsiru dixxipli missjunarji? Bħal dawk il-Maltin li ltaqgħu ma’ San Pawl u bħad-dixxpli fi triqthom lejn Għemmaus.

Dixxiplu Missjunarju

X’inhu l-irwol ta’ dixxiplu missjunarju, jew dixxiplu mibgħut? Kif jista’ jrendi l-frott b’mod konkret f’dik li hija Malta moderna? Kif jista’ dixxiplu missjunarju jsir preżenza ta’ tama fil-komunità?

Kieku kellna nużaw metafora biex nimmaġinawh, dixxiplu missjunarju għandu jfittex li jkun id-dawl fl-irkejjen imdallmin, dak in-naqra melħ li jagħti t-togħma, il-ħmira li ttella’ l-għaġina. U għandu jfittex li dan l-irwol iwettqu fil-periferiji, fl-ibliet u fl-irħula, fid-dinja diġitali, fl-ispazji ċivili, domestiċi u fil-komunitajiet tagħna… kull fejn hemm ix-xquq li jistgħu jerġgħu jissewwew.

Li d-dinja moderna, inkluża Malta, iġġorr magħha ġrieħi varji fl-esperjenzi kollettivi, individwali, istituzzjonali u soċjali – mhix aħbar ġdida. Dan it-tbenġil u tifrik narawh kullimkien: fil-memorja personali u kollettiva tagħna, ir-relazzjonijiet intimi u familjari, l-istituzzjoni tal-Knisja stess, fil-ħajja pubblika tagħna, fl-ambjent li ngħixu fih u fuq kollox – ir-ruħ individwali u kollettiva tagħna. Biss, huwa d-dmir ta’ kull dixxiplu mibgħut li jimxi l-vjaġġ ta’ fejqan – flimkien bħala komunità. Għalhekk huwa importanti li biex jingħaqad dak li nkiser, il-Poplu ta’ Alla f’Malta jrid jibda billi jfittex lil dak li huwa muġugħ jew midrub biex, f’isem Kristu, joffri l-fejqan. Huwa faċli li wieħed jarmi l-frak ta’ xi ħaġa li forsi nkisret jew inkella frammentat ruħha. Iżda huwa propju fl-iktar irkejjen imdallma li t-tama tinstab u fejn il-fejqan u l-ferħ ta’ Kristu jista’ jiġi offrut biex li inkiser jerġa’ jsib ruħu sħiħ. B’mod ġdid u differenti, forsi. Imma sħiħ.

Dak li Jgħaqqadna

F’ċerti kulturi, il-preġju t’oġġett ikompli jiżdied mhux biss meta jgħaddi ż-żmien minn fuqu, imma anki fl-ammont ta’ xquq li ġew imwaħħda u msewwija mill-ġdid, biex l-oġġett mhux biss jibqa’ preservat, imma jsir wisq isbaħ. Dan il-proċess ta’ ‘fejqan’ tal-oġġett tant hu stmat li dawn il-kulturi spiss jużaw id-deheb biex jimlew dawk l-ispazji ġodda li jkunu nħolqu bejn framment u ieħor meta jkun seħħ il-ksur.

Jekk nużaw dan il-proċess dehbien bħala simbolu tal-vjaġġ ta’ fejqan tal-missjoni tal-Poplu ta’ Kristu – allura min hu l-kolla tad-deheb li jwaħħad il-biċċiet li jkunu sseparaw jew tfarrku?

Jekk Kristu huwa l-protagonist ta’ dan il-proċess, il-kaptan li qed imexxi l-vjaġġ waħdieni lejn Knisja waħda, huwa l-Ispirtu s-Santu. Huwa l-gwida ta’ dawk li jisimgħu, li jiftħu idejhom beraħ għall-proxxmu, dawk li lesti li jakkumpanjaw u jappoġġjaw il-ħidma tal-missjoni ’l quddiem. U huwa hawnhekk li kull dixxiplu missjunarju huwa estensjoni tal-ġisem tal-knisja, l-għalliem li jikkontribwixxi lejn it-tisħiħ tal-Poplu t’Alla f’Malta.

Bla dubju, it-tessut kulturali u kull spazju ieħor fis-soċjetà Maltija … dak li l-Malti jgħix u jesperjenza fid-dinja moderna, għandu l-ġrieħi, it-tikmix u l-ħofor tiegħu. Bħal kull soċjetà oħra nesperjenzaw sfidi kbar ta’ frammentazzjoni. Huwa hawn li l-Ispirtu s-Santu jnebbaħ lil kull dixxiplu mibgħut sabiex ifittex li jsib ir-rikonċiljazzoni. Bħall-Maltin li ltaqgħu ma’ Missierna San Pawl u d-dixxipli ta’ Għemmaus. Ir-responsabbiltà ta’ kull individwu hu li jifhem dak li l-Ispirtu s-Santu qiegħed isejjaħlu li jagħmel f’kull waqt fir-realtà konkreta tiegħu. Fuq livell personali, privat, komunitarju, istituzzjonali, fil-parroċċa, fil-movimenti lajċi, f’isem l-Arċidjoċesi u finalment fuq livell universali. Huwa permezz ta’ dan il-proċess li verament kull dixxiplu missjunarju jkun simbolu prattiku u konkret ta’ Knisja li tisma’, li tilqa’, li takkumpanja u li dejjem toħroġ bla biża’.

Fl-aħħar mill-aħħar id-dixxerniment mhu xejn ħlief il-fiduċja tal-Poplu ta’ Alla li l-Ispirtu s-Santu qed jurih it-triq, u li bħala Knisja, personalment u fil-komunità, aħna nistgħu nisimgħu leħnu u hekk nimxu fit-triq ta’ rikonċiljazzjoni li jurina. U bħalma l-antenati tagħna ma beżgħux mid-diversità li ġab miegħu San Pawl – anzi! Tawh spalla u offrew sens t’unità – hekk ukoll għandna nilqgħu l-isfida moderna li nerġgħu niskopru dik il-wegħda oriġinali li bħala poplu għamilna. Il-wegħda li noħolqu spazju sigur u unit, arrikkit mid-diversità f’dinja lokali, nazzjonali u diġitali. Huwa hekk li verament nitwaħħdu f’ħaġa waħda.
Din il-konverżjoni interna mhux ser tikkontribwixxi biss lejn il-vjaġġ ta’ fejqan – li fid-diffikultà tiegħu xorta għandu jkun il-pont li jgħaqqadna – imma ser jgħin lill-Poplu ta’ Alla modern jerġa’ jixrob b’mod frisk l-identità Nisranija u unikament “Maltija” tiegħu minn lenti li tagħmel sens għal kuntest li l-poplu Malti jgħix fih.

“Nedejna dan il-proċess li huwa viżjoni għall-Knisja f’Malta għas-snin li ġejjin. Insejjaħ lill‑entitajiet kollha tal‑Knisja f’Malta — il-parroċċi, il-kongregazzjonijiet reliġjużi, l-iskejjel, il-movimenti tal‑lajċi, il-familji u oħrajn — l-ewwel nett biex jippruvaw jaqraw u jifhmu d-dokument imma mbagħad biex ikunu parti huma minn dan il-proċess.

“Uħud qaluli li d-dokument huwa ftit tqil biex tifhmu. Għandek bżonn ftit impenn biex inti tidħol u tifhmu tassew. Imma jien nistedinkom li nagħmlu dan l-impenn biex il-viżjoni ma tkunx ‘l-Isqof qed jgħidilna x’għandna nagħmlu’ imma nisimgħu lkoll il-vuċi tal-Ispirtu u naħdmu flimkien għall-ġid tal-Knisja f’Malta.”

Agħfas hawn biex tniżżel koppja tat-test sħiħ tal-filmat.