Tag Archives: Knisja li tisma’

Ħidma tal-Kummissjoni Ġustizzja u Paċi

Wara li rat id-dokument tal-proċess ta’ tiġdid ekkleżjali, il-Kummissjoni Ġustizzja u Paċi bdiet numru ta’ kollaborazzjonijiet b’relazzjoni ma’ entitajiet oħra bħal MCYN, is-Segretarjat għall-Katekeżi, it-Taqsima Djakonija fil-Parroċċi u l-Kummissjoni Immigranti. Il-proċess għadu għaddej u ċerti proġetti għalissa jinsabu sospiżi minħabba s-sitwazzjoni tal-Covid-19.

Ħidma mid-Djakonija Unit fi ħdan il-Caritas, mal-parroċċi u entitajiet djoċesani tad-djakonija fil-komunità

Id-Djakonija Unit fi ħdan il-Caritas taħdem biex jikber il-koordinament u ssaħħaħ is-servizzi ta’ sostenn għad-djakonija fil-parroċċi. Dan tagħmlu flimkien ma’ bosta entitajiet oħra imma speċjalment mas-Segretarjat Djakonija, is-Segretarjat Parroċċi, il-Kulleġġ tal-Kappillani u l-Kummissjoni Migranti, St Jeanne Antide Foundation, Millenium Chapel, Institute Paolo Freire u s-Segretarjat Assistenza Soċjali, Fondazzjoni Sebħ (tim ta’ ħidma soċjali fil-komunitajiet tal-Ħamrun u l-Marsa). Bħalissa qed taħdem fuq għadd ta’ proġetti. Diversi parroċċi diġà bdew jerfgħu wkoll responsabbiltajiet ta’ koordinament f’din il-ħidma, fosthom il-parroċċi ta’ Marsaskala, il-Qawra u San Ġiljan li jirrappreżentaw ukoll ir-reġjuni tad-djoċesi. Flimkien dawn jaħdmu fuq għadd ta’ proġetti, fosthom:

  • Database komuni ta’ benefiċċjarji ta’ għajnuniet bażiċi (ikel, ħwejjeġ, bżonnijiet ta’ tindif)
  • Intrapriża soċjali li ssaħħaħ u tikkordina r-riżorsi u s-servizzi mogħtija fil-komunitajiet waqt li toħloq pjattaforma għall-ħidma volontarja, u fond ċentrali biex issostni d-djakonija fil-parroċċi. Din se tinkorpora: il-proġett Solidarity Kitchens id f’id mal-Fondazzjoni Alfred Mizzi, ħanut, u laundry fost l-oħrajn.
  • Servizz ta’ sostenn ta’ ħidma soċjali għall-kappillani
  • Servizz ta’ xiri ta’ ikel u ħwejjeġ tat-tindif li jitqassmu lin-nies fil-bżonn bl-ingrossa
  • Diskussjonijiet biex jitnieda servizz ta’ sostenn professjonali għad-dispożizzjoni tal-ħidma tad-djakonija fil-parroċċi

Dawn il-proġetti huma frott ta’ ħidma ta’ laqgħat regolari li saru ma’ kappillani, ħidmiet u inizjattivi tad-djakonija fil-parroċċi, u kummissjonijiet djakonija parrokkjali li bdew f’Marzu 2020. Hemm madwar 40 voluntier involut fil-proġetti fuq ħidma ta’ kull ġimgħa jew ġimagħtejn. It-Taqsima Djakonija qed tittama li tilħaq lis-70 parroċċa u l-bqija tal-entitajiet djoċesani.

Kull ġimagħtejn ssir laqgħa online li tlaqqa’ rappreżentanti mill-Fondazzjoni St Jeanne Antide, Millenium Chapel, Institute Paolo Freire, Segretarjat Assistenza Soċjali, Fondazzjoni Sebħ (tim ta’ ħidma soċjali fil-komunitajiet tal-Ħamrun u l-Marsa), il-Caritas Social work & Counselling Unit, u rappreżentanti tal-ħidma tad-djakonija tal-parroċċi ta’ San Ġiljan u Marsaskala. Matul il-laqgħat inħass li jingħata bidu għal dawn il-proġetti wara li ġew diskussi dawn l-ideat u bżonnijiet:

  • Aħna lkoll aħwa benefatturi u benefiċċjarji ta’ xulxin.
  • Anke jekk nista’ nagħti biss ftit, dak il-ftit huma l-muniti tax-xwejħa tal-parabbola, li l-Mulej jbierek u jkattar.
  • Għandna bżonn li naddattaw għall-possibbiltà li l-volontarjat naqas mal-knisja fir-realtà tad-dinja tal-lum.
  • Hemm bżonn naħdmu id f’id ma’ professjonijiet ġodda, u jkollna komunikazzjoni ma’ professjonijiet li naħdmu magħhom spalla ma’ spalla fil-ħidma tad-djakonija.
  • Ix-xewqa li l-ħidma tad-djakonija ma tibqax ta’ ftit nies fil-kummissjoni djakonija imma li ssir tassew parti interna ta’ kull nisrani – kulħadd bil-mod tiegħu – waqt li l-kummissjoni tkun realtà li tkun xprun u toffri sostenn, gwida u parir professjonali għad-diversi ħidmiet tad-djakonija fil-parroċċa.
  • Għandna barka fid-diversità u l-ammont ta’ ħidmiet organizzati li diġà jeżistu fi ħdan il-parroċċi u l-entitajiet djoċesani ta’ djakonija fil-komunità u tkun ħasra jekk dil-ħidma kollha ma tkunx msaħħa permezz ta’ koordinament, tisħiħ ta’ riżorsi, it-taħriġ u sostenn adegwat lill-kappillani u l-operaturi pastorali tad-djakonija.

Bħalissa t-Taqsima tad-Djakonija fil-Parroċċi tinsab fl-aħħar stadju li titnieda l-Kummissjoni Djoċesana Djakonija b’rappreżentanza tal-kummissjonijiet djakonija tal-parroċċi u l-Kulleġġ tal-Kappillani. Dan kollu qed iservi bħala bażi ta’ komunikazzjoni, koordinament u tisħiħ biex il-ħidma tkun tassew msejsa fuq dixxerniment u azzjoni komunitarja.

Il-proċess fil-Parroċċa ta’ Santa Venera

Il-Parroċċa Santa Venera bdiet il-proċess ta’ tiġdid ekkleżjali wara l-Assemblea Djoċesana tal-2019 bl-involviment tal-Kunsill Pastorali Parrokkjali u kummissjonijiet. Ix-xewqa tal-parroċċa hi li tkun komunità Nisranija mibnija fuq Ġesù li tgħix f’nofs il-poplu b’kulturi u ideat differenti.

Tqassam kwestjonarju f’kull dar fil-parroċċa fejn ingħatat l-opportunità biex il-parruċċani jaqsmu ħsibijiethom. It-tweġibiet ġew diskussi fil-laqgħat tal-Kunsill Pastorali Parrokkjali u Kummissjonijiet.

Il-parroċċa tinsab fil-proċess li tanalizza r-risposti u tara x’azzjoni konkreta se tieħu fuqhom u wara tippreżentahom lill-membri tal-parroċċa. Il-proċess ħa iktar fit-tul milli ppjanat minħabba l-pandemija.

Il-parroċċa qed tagħmel l-evalwazzjoni ta’ ħidmietha permezz tal-laqgħat tal-Kunsill Pastorali Parrokkjali.

Għajnuna lill-vulnerabbli mill-Parroċċa ta’ San Pawl fir-Rabat

Il-Parroċċa ta’ San Pawl tar-Rabat Malta bdiet il-proċess ta’ tiġdid ekkleżjali fil-bidu tal-2019 wara li identifikat li hemm numru ta’ familji fil-bżonn kif ukoll persuni bla dar. Ir-realtà ta’ dawn il-persuni saret iktar evidenti matul ix-xhur milquta mill-pandemija. Il-faqar minn dejjem kien preżenti fil-parroċċa imma kien iktar moħbi. Il-persuni vulnerabbli huma Maltin u immigranti.

Bħalissa hemm ’il fuq minn 25 familja jew individwi li qed jibbenefikaw minn l-għajnuna. L-ammont ivarja skont l-immigranti u n-nies li ma jibqgħux bla dar, imma hemm ċerti każijiet li ma jinqatgħux mil-lista.

Wara li identifikat il-problema, il-parroċċa ddeċidiet issaħħaħ il-Kummissjoni Djakonija billi talbet li jingħaqdu nies ġodda fiha u b’hekk żdiedet għal seba’ membri. Intalbet l-għajnuna tal-LEAP u anke aġenzija oħra tal-Gvern biex tingħata iktar għajnuna ħolistika.

Bil-mod il-mod bdiet tinbena lista ta’ nies fil-bżonn kif ukoll beda jsir stħarriġ dwar każijiet li jaslu għand il-parroċċa. Il-parroċċa qed taħdem ukoll mal-iskola primarja fejn ġieli sarulha referimenti għal xi każijiet minn hemm.

Inbeda servizz ta’ counselling, fejn qed ikun hemm persuna disponibbli regolarment biex titkellem mal-klijenti. Għal dan is-servizz inħoloq post apposta fiċ-ċentru pastorali. Fl-istess ċentru ġiet dedikata wkoll kamra għat-tqassim dinjituż tal-oġġetti.

Sar ukoll ġbir ta’ ħwejjeġ ġodda u ikel. Id-donazzjonijiet saru mill-parruċċani kif ukoll minn kumpaniji. Barra minn hekk twaqqaf fond għall-karità biex jinxtraw oġġetti meħtieġa mill-klijenti li ma jirċivux mid-donazzjonijiet.

Din il-ħidma fil-parroċċa qed iġġib lil dawk kollha involuti iktar konxji ta’ kemm il-problema tal-faqar hi akuta. Il-parroċċa tħoss li ġabet lill-parruċċani iktar konxji tal-Poplu t’Alla għalkemm fadal ħafna xi jsir. Dan sar permezz tal-preżenza tal-qfief tal-ġbir tal-ikel kif ukoll avviżi regolari dwar nies vulnerabbli fil-parroċċa tagħhom.

Il-parroċċa tagħmel evalwazzjoni ta’ ħidmietha permezz tal-laqgħat tal-Kummissjoni kif ukoll permezz ta’ pariri mogħtija minn social workers u counsellors.

Ix-xewqa tal-parroċċa hi li jkun hemm iżjed nies professjonali li jgħinuha fil-ħidma tagħha kif ukoll tixtieq testendi l-għajnuna fejn hemm il-problema tad-droga minħabba li f’ċerti każijiet is-sitwazzjoni tal-faqar hi marbuta mad-droga.

Mixja flimkien minn entitajiet lajċi

Wara li bejn Jannar u Frar 2018,  numru ta’ lajċi  ħadu sehem f’kors ta’ żewġ laqgħat dwar id-dixxerniment  li tmexxa minn Prof. Edward Warrington, grupp ta’ parteċipanti ħassew il-ħtieġa li jitkompla dak li nbeda. Kien hemm ix-xewqa ta’ aktar tisħiħ fid-dixxerniment , ftuħ  għal xulxin u għar-realtajiet ta’ madwar, u rieda li jaraw l-Ispirtu t’Alla  fejn jixtieq imexxihom.

Il-grupp magħmul minn 12-il membru li jirrappreżentaw l-Istitut ta’ Formazzjoni Pastorali (PFI), il-FORUM tal-Għaqdiet u l-Movimenti, il-Malta Catholic Youth Network (MCYN), il-Komunitajiet ta’ Ħajja Nisranija (KĦN) , kif ukoll membru li mhix parti minn entità tal-Knisja.

Il-grupp s’issa organizza tliet laqgħat  li kienu immirati l-aktar għad-diriġenti u r-rappreżentanti tal-għaqdiet membri tal-FORUM.  Dawn huma mħeġġa jaqsmu l-esperjenza li jkunu għexu waqt il-laqgħat mal-membri kollha tal-għaqdiet tagħhom. Kien hemm  preżenti wkoll  lajċi oħrajn.  L-Isqof Joseph Galea-Curmi akkumpanja  l-mixja li saret f’dawn il-laqgħat:

  • Friegħi ta’ Siġra Ħajja (Settembru 2019 bit-tema ‘Sinodalità’)
  • L-istess Spirtu, Kariżmi Varji (Frar 2020)
  • Knisja Waħda, Vjaġġ Wieħed (Settembru 2020)

Il-proġett nibet  mix-xewqa tal-Fraternità Charles de Foucauld li jitħarrġu fid-dixxerniment bil-għajnuna tal-PFI. Il-grupp ma fassalx pjan fit-tul, iżda ħalla s-sinjali ta’ madwaru jinterpellawh. Għaraf il-ħtieġa li nies minn gruppi differenti joħorġu min-niċeċ tagħhom u jiskopru aħjar is-sejħat u l-kariżmi tagħhom u ta’ xulxin biex jinfetħu għal dak li Alla jkun qed jitlob minnhom. Il-grupp koordinattiv twessa’ u laqa’ fih nies minn għaqdiet differenti, waqt li ħadem biex, bejn il-membri irawwem sens ta’ għaqda  li għandha l-għajn tagħha fil-Komunjoni Trinitarja.
Il-grupp baqa’ dejjem miftuħ għas-sinjali li  jintebaħ  bihom. F’dinja ta’ firdiet, jagħraf bis-sħiħ is-sehem li jista’ jagħti bix-xhieda ta’ unità fid-diversità, ta’ responsabbiltà  u għarfien reċiproku dwar is-sejħa u l-missjoni ta’ xulxin.

Il-Kelma tal-Arċisqof  fl-Assemblea Djoċesana 2018, wasslet għal  għarfien ġdid dwar is-sinodalità fil-ħajja u l-missjoni tal-Knisja  u l-grupp ħass il-ħtieġa li  jidħol f’din id-dinamika. Fil-laqgħat li organizza dejjem ta spazju għall-kontemplazzjoni, li flimkien mad-dixxerniment, għandha post ċentrali fid-dokument ‘Knisja Waħda Vjaġġ Wieħed’.

L-evalwazzjoni li ssir wara kull attività tgħin fid-dixxerniment meħtieġ biex il-grupp jibqa’ miexi ’l quddiem skont dak li l-Ispirtu t’Alla jitlob minnu. Fost il-membri jinħass li kiber is-sens komunitarju, l-għarfien u l-apprezzament reċiproku tal-kariżmi tal-gruppi differenti, inkluż dawk tagħhom stess. Dan wassal għal aktar rispett fost il-gruppi u sens ta’ ftuħ biex il-membri  jesprimu ruħhom b’libertà akbar. B’hekk fil-grupp kiber is-sens ta’ Knisja li jimla lill-membri bit-tama u l-fiduċja, kwalitajiet tant meħtieġa f’dawn iż-żminijiet, biex inħarsu ’l quddiem għat-twettiq ta’ dan il-Vjaġġ.

Il-grupp issa jinsab fl-istadju li jidħol fil-proċess imniedi mid-dokument Knisja Waħda, Vjaġġ Wieħed. Irid li jkun miftuħ għal dak li jiġi propost biex hu jkun jista’ jagħti sehmu f’din il-mixja ta’  Knisja Waħda. Filwaqt li jgħin biex il-membri tal-għaqdiet u oħrajn ikomplu jagħmlu dan il-‘Vjaġġ Wieħed’, jixtieq ikompli jaħdem biex jissaħħu l-kapaċitajiet tal-membri tal-għaqdiet u lajċi oħra ħalli jintegraw l-attitudnijiet bażiċi tad-dokument (Knisja li tisma’, tilqa’, takkumpanja, toħroġ). Dan kollu fi djalogu u b’koordinament mal-Kummissjoni ‘Knisja Waħda, Vjaġġ Wieħed’.


Diskorsi li saru fil-laqgħat

Kontemplazzjoni fuq is-sinjal tat-tkattir tal-ħobż minn Edward Warrington

Is-Sinodalità mill-Isqof Joseph Galea-Curmi

Friegħi ta’ Siġra Ħajja – Konklużjoni minn Edward Warrington

Il‑Kariżmi fi ħdan il‑Knisja Komunjoni mill-Isqof Joseph Galea-Curmi

Bosta inizjattivi mill-Parroċċa ta’ Bormla biex tilħaq lil niesha

Il-Parroċċa ta’ Bormla minn dejjem ħadmet fuq Evanġelizzazzjoni u Djakonija. Bormla għandha diversi nies li huma fi bżonn ta’ affarijiet materjali, spiritwali u soċjali. Għalhekk dejjem rat kif il-Knisja ma tkunx imsakkra fis-sagristija iżda li toħroġ u tagħraf il-bżonnijiet tan-nies.

Fil-bidu tal-2017, il-parroċċa permezz ta’ dikussjonijiet fi ħdan il-Kunsill Pastorali Parrokkjali u Kummissjonijiet, ħadmet fuq dawn l-inizjattivi:

  • Żjara ta’ saċerdot qabel il-Magħmudija.
  • Laqgħa għall-koppji kollha (miżżewġin u mhumiex) kull xahar b’tema li tgħodd għall-koppji u wara jisserva l-ikel.
  • Kull nhar ta’ Ġimgħa filgħodu l-Uffiċċju Parrokkjali jiftaħ mill-Kummissjoni Djakonija għall-għajnuna. Jinżammu rekords professjonalment u jkun hemm preżenti wkoll social workers.
  • Żjajjar minn saċerdot qabel l-Ewwel Tqarbina u l-Griżma tal-Isqof.
  • Twaqqaf il-grupp ‘Esekuttiv’ li hu l-mutur tal-ħidma pastorali. Dan jiltaqa’ kull xahar u hu magħmul minn sitt persuni ġejjin minn diversi oqsma tal-parroċċa.
  • Bormla fiha ħafna flats. Twaqqaf il-grupp ‘Ġetsemani’ li jiltaqa’ kull nhar ta’ Ħamis. Kull xahrejn jagħżel blokka ta’ flats u jmur iwassal il-Kelma t’Alla għal erba’ Ħamisijiet wara xulxin. Dan il-proġett kien se jinbeda eżatt qabel ma bdiet il-pandemija.
  • Dan l-aħħar ħarġet bl-idea li titwaqqaf kummissjoni għall-media u ħajret tliet persuni biex jinvolvu ruħhom. It-tir hu la tkompli tikkalma l-pandemija jiltaqgħu.

Bl-inizjattivi msemmija l-parroċċa tittama li tilħaq numru tajjeb ta’ nies billi tmur għandhom hi peress li ħafna minnhom ma jmorrux il-knisja.