Mistoqsijiet ta’ riflessjoni: għal livell personali jew fi grupp

1. Dejjem bidu ġdid … imma vjaġġ kontinwu

Kristu Rxoxt jixtieq jiftħilna għajnejna għall-glorja tiegħu:

  • Matul din l-aħħar sena fejn għaraft il-preżenza ta’ Kristu Rxoxt “ikebbes” lil qalbna?
  • Kien hemm xi test mill-Iskrittura jew xi ġrajja partikulari?
  • Fejn iltqajt ma’ xhieda ta’ persuna/i/grupp li entużjażmawk fl-esperjenza tal-fidi u l-missjoni tiegħek?

Aħna li nbdilna f’dixxipli missjunarji:

  • X’qed jgħinna nżommu ruħna attenti għal-leħen tal-Imgħallem?
  • Fejn għaraft stedina għal-libertà interjuri minn dak li qed iżommna mwaħħlin?
  • B’liema mod qed tikber fina l-ħeġġa biex immorru fejn il-Mulej jurina?

Aħna komunità żgħira fil-parroċċa tagħna, u membri tal-Knisja Waħda f’Malta:

  • X’napprezzaw dwar ir-realtà partikulari tagħna (parroċċa, skola, għaqda, kunvent)? Fejn naraw sinjali sbieħ tal-Irxoxt?
  • X’inhuma r-rigali distinti li noffru lill-Knisja lokali?

2. Trasformazzjoni kontinwa

Aħna msejħin biex inkunu komunità li tisma’, tilqa’, takkumpanja u toħroġ:

  • Liema attitudnijiet tal-Imgħallem qed jissaħħu fija/fina? Fejn għandi stedina biex niskopri attitudni tal-Imgħallem u ngħixha?
  • Nieqaf ftit bi gratitudni: fejn irċevejna l-grazzja ta’ preżenza għal xulxin
    • aktar awtentika,
    • aktar rikonċiljatorja,
    • aktar paċenzjuża u
    • lesta li tmur lil hinn minn dak mistenni minnha?
  • X’inhuma r-reżistenzi li għandna? X’inhuma l-isfidi?

3. Min aħna? … fejn qed nintbagħtu?

Aħna komunità ta’ dixxipli li qed inwettqu l-missjoni tagħna b’mod uniku skont id-doni tagħna. Fis-sejħa partikulari tagħna (bħala lajċi, bħala persuni konsagrati, bħala saċerdoti; fil-familja, fil-professjoni, fil-ħajja ordinarja):

  • Fejn nara eżempji sbieħ ta’ kif qed ngħixu l-vokazzjoni tagħna fl-aspetti differenti tagħha ta’ li:
    – nibnu l-Knisja,
    – nagħtu xhieda ta’ Kristu f’Malta tal-lum,
    – nakkumpanjaw lil dawk li qed ifittxu l-Aħbar it-Tajba (forsi anke mingħajr ma jkunu jafu)?
  • Qed nintalbu nwasslu d-dawl tal-Evanġeju kullimkien f’Malta (u lil kulħadd). Jekk nibdew minn fejn qegħdin – il-parroċċa tagħna, djarna, il-post tax-xogħol tagħna – dan x’jista’ jfisser fil-konkret? (Attitudnijiet, ġesti, kliem …)

4. Kristu għall-oħrajn

Kristu jiltaqa’ magħna fl-iktar miżerja profonda tagħna u jfejjaq il-ġrieħi tagħna:

  • Aħna bħal sptar fuq il-kamp tal-battalja fejn qed nintbagħtu biex inkunu Kristu għal ħaddieħor? Fejn għandi stedina biex nersaq lejn il-miżerja tal-bniedem? X’inhuma r-reżistenzi fija?
  • X’inhuma l-feriti konkreti fostna?

Fl-isptar fuq il-kamp tal-battalja, ​​wieħed irid jagħżel il-prijoritajiet bil-għaqal … b’għerf li mhux tagħna biss imma tal-Ispirtu s-Santu:

  • Bħala komunità (u b’mod personali) kif qed nagħtu ħin ta’ kwalità biex nagħrfu lil Alla aħjar?
  • X’jgħinna biex mhux biss naġixxu bi prudenza, imma jmexxina d-Dawl li hu l-Ispirtu u nħalluh jiftħilna t-triq?