L-Ewwel Pass: Li niltaqgħu (mill-ġdid) ma’ Kristu li “jiftħilna għajnejna” għal glorja tiegħu.
Kif jgħid il-Papa Franġisku fl-ewwel versi tal-Eżortazzjoni Appostlika tiegħu Evangelii gaudium, Il-Ferħ tal-Evanġelju, m’hemmx dixxipulat, u allura m’hemmx knisja, jekk m’hemmx il-laqgħa personali u intima ma’ Kristu rxoxt li jsalvana. Id-dixxipli, imnikktin u qalbhom maqtugħa, ma għarfuhx sa ma mexa magħhom u qasam magħhom l-Iskrittura. Qalbhom kienet qed titkebbes, imma għajnejhom ma setgħux jarawh sa ma, f’ġest ta’ ospitalità li wera d-disponibbiltà tagħhom li jagħrfu l-glorja ta’ mħabba li dejjem toħroġ, huma stednuh biex jgħaddi l-lejl magħhom. Hemm, meta kienu tassew lesti għal dixxipulat missjunarju, hu fetħilhom għajnejhom u huma—għal mument wieħed—raw wiċċ Alla li ta ħajtu għalihom. Għalhekk, huma jerġgħu lura, b’ħeġġa u mneżżgħa minn kull biża’, lejn dawk li mingħajrhom ma setgħux ikunu tassew “Ġisem ta’ Kristu” fid-dinja. Fil-laqgħa personali u intima tagħna ma’ Ġesù, aħna mhux biss ninfetħu biex inxandruh, imma tassew insiru knisja, komunità.
Għalhekk, it-Tieni Pass, u ż-żewġ attributi ta’ dawk li għajnejhom jinfetħu: li jxandru l-kelma u li jaqdu f’isem l-Imgħallem tagħhom
Fil-knisja lokali, dawn l-attributi tal-persuna dejjem midinba imma xorta magħżula minn Kristu, huma rappreżentati anke fl-istrutturi tad-djoċesi stess, li juru b’mod ċar il-prijorità tagħhom fil-kuntest Malti tal-lum: l-Evanġelizzazzjoni u d-Djakonija. Id-dixxipulat jimplika s-smigħ tal-Kelma: il-Kelma jew Verb, li hu Alla nnifsu magħmul bniedem, imma wkoll il-kelma fl-Iskrittura. L-Evanġelizzazzjoni hi l-Aħbar ta’ Kristu li jsalva, u l-laqgħa tagħna ma’ Kristu, ix-xandir tagħna tas-Salvatur, ta’ Kristu Sultan, isseħħ fil-kontemplazzjoni u fil-qsim tal-iskrittura.
Madankollu, il-kelma—anke dik tal-Iskrittura—titlaħħam, fil-ġesti ħajjin ta’ dawk li jirċevuha. Bħala l-knisja ta’ San Pawl, dan għandu sinifikat qawwi għalina. Konna minn tal-bidu nett li rċivejna l-kelma mill-Appostlu nnifsu; imma rċivejna l-kelma meta—bħala ħabsi—tajna lilu u lil dawk li kienu miegħu l-ewwel għajnuna wara l-għarqa. Aħna poplu li stajna nirċievu l-kelma proprju għax għarafna nkunu ta’ servizz; għax għarafna niftħu qalbna għall-barrani. L-ispirtu ta’ Djakonija, li d-djoċesi tassew tħeġġiġna fih, hu ta’ sfida biex niftakru kemm drabi fl-istorja tagħna konna ta’ għajnuna għall-barrani u kemm illum aħna mitluba li nagħmlu l-istess. Hu wkoll spirtu ta’ umiltà għax, min jixtieq jgħin, ma jħarisx lejn l-uċuħ u hu kapaċi wkoll jilqa’ l-għajnuna hu stess. Meta l-Papa Benedittu XVI żar il-Grotta ta’ San Pawl f’pajjiżna kien f’mument iebes għall-knisja tagħna. Imma xorta, f’dak il-mument li għaqqad il-passat mal-preżent, rajna l-kontinwità tal-knisja lokali li, maż-żminijiet, daqet mhux biss il-ħelu imma anke l-morr.
Għalhekk, it-Tielet Pass: li niftakru min aħna, mhux biss bħala dixxipli ta’ Kristu li naqsmu l-istess missjoni ta’ qadi, imma bħala “Poplu ta’ Alla” uniku għax “Malti”.
Tliet aspetti jgħinuna nirriflettu fuq l-għeruq tagħna, fuq tassew min aħna bħala “poplu” magħżul mill-bidu nett; bħala “poplu” li, elfejn sena wara, għadu jġorr ir-responsabbiltà li jagħti xhieda għal Kristu.
L-ewwel nett, ir-realtà iebsa tal-art tagħna: art sabiħa u żgħira, ġebla f’nofs baħar, art li tassew trid tbati biex tagħtik il-frott. Din l-esperjenza ta’ tbatija marbuta mal-art tat identità partikolari u irrepetibbli lill-poplu Malti u allura lill-Knisja Maltija. L-esperjenza tagħna tal-Evanġelju hi marbuta ħaġa waħda mal-mod kif nieħdu ħsieb lil dawk li jsibu ruħhom f’artna, lil dawk li litteralment u metaforikament, insalvawhom mill-għarqa, anke bil-ftit tagħna.
Għalhekk, l-istorja tagħna, il-mod kif l-Evanġelju sawwar il-kultura Maltija u l-kultura Maltija tat espressjoni distinta lill-Evanġelju, hu t-tieni aspett li tassew jagħmilna “knisja Maltija” bid-dinamika tagħha, bil-potenzjal tagħha, u bil-problemi tagħha. Aħna writna mhux biss espressjoni ta’ fidi, imma wkoll weġgħat, diżappunti, u esperjenza unika fid-dinja fejn il-knisja kienet tassew “poter politiku”, mhux biss reliġjuż. Din l-istorja, li toħodna lura sekli sħaħ għandna mhux biss ngħożżuha, imma wkoll nippurifikawha biex tassew niftakru min aħna bħala dixxipli mibgħuta llum.
Imma ma ninsewx ukoll it-tielet aspett li jagħmilna “poplu ta’ Alla” fl-art Maltija: l-esperjenza ħajja ta’ Alla, u allura espressjoni ta’ fidi għanja, li writna mingħand l-antenati tagħna. Kulma rridu nagħmlu hu li nħarsu lejn l-ibliet u l-irħula tagħna, fejn is-sinjali tal-fidi huma evidenti fit-tempji, fit-tradizzjonijiet, fid-devozzjonijiet, speċjalment dawk marbuta ma’ Ommna Marija. Din in-nixxiegħa ta’ ilma ħaj tal-fidi li titla’ mill-għeruq tagħna tibqa’ tagħti ħajja lill-knisja lokali għax—meta ppurifikata mill-pika, mill-materjaliżmu u mill-apparenzi biss—torbotna mal-fidi ta’ missirijietna u ommijietna fi tradizzjoni ekkleżjali tassew Maltija maż-żminijiet.
Imma, waqt li tiftakar fil-passat, il-knisja Maltija hi mitluba li tintefa’ f’riġlejn Kristu l-Għalliem ta’ Għemmaws fil-preżent.
Għalhekk ir-Raba’ Pass—u l-iktar kruċjali—marbut mal-erba’ lezzjonijiet li mitluba nirċievu biex tassew inġeddu l-wegħdiet tagħna bħala Poplu Qaddis f’Malta:
Knisja li tisma’: l-ewwel u qabel kollox, lil Kristu, l-Għalliem tagħha, fil-Kelma tiegħu. Mill-esperjenza tal-kontemplazzjoni tal-Kelma li tfejjaq, tal-Kelma li tagħti l-ħajja, inkunu nistgħu nisimgħu wkoll lil xulxin għax tassew niftħu qalbna għal xulxin, biex insiru “knisja waħda”.
Knisja li tilqa’: mhux biss għax tiftakar f’dawk li laqgħet qabel, imma wkoll għax, jekk tagħmel eżami tal-kuxjenza llum, tagħraf li kultant issabbat il-bibien u mhux tiftaħhom, tibni l-ħitan u mhux twaqqagħhom, tingħalaq fiha nnifisha u saħansitra f’setet u gruppi li bilkemm jiltaqgħu bejniethom. Knisja li tilqa’ hi wkoll knisja li tinkludi, knisja li tibni pontijiet fejn l-art inqasmet u firditna minn xulxin f’pajjiżna ċkejken stess.
Knisja li takkumpanja: għax id-dixxipulat hu proċess twil u kumpless li jieħu t-tul ta’ ħajja ta’ bniedem. Mhix faċli li tgħix il-ħajja Nisranija meta din tfisser li mhijiex għażla popolari jew li se tagħtik il-prosit. Għalhekk il-formazzjoni fid-dixxipulat hi wkoll formazzjoni f’relazzjoni ekkleżjali—f’rabta fi Spirtu wieħed li tassew li ma tinħallx.
Minn din l-esperjenza ta’ xirka qaddisa, id-dixxipli jiġu mibgħuta tnejn tnejn … u għalhekk insiru tassew Knisja li toħroġ … u li toħroġ għax il-ferħ tal-Evanġelju hu ikbar mill-biża’ tad-dinja; id-dawl tal-Kelma jaqta’ bħal sikkina fid-dlam ta’ kultura li tħossha mitlufa. Aħna li, bħala knisja, ukoll doqna t-tbatija tat-telfa u tal-abbandun, mitluba nfittxu lil dawk li qegħdin ibatu biex inkunu tassew “il-Ġisem ħaj ta’ Kristu” għalihom.
Imma “aħna” min aħna? Min hi l-knisja Maltija llum? Min hu l-Poplu Qaddis ta’ Alla li għandu għeruq f’pajjiżna u li f’artna xiref mill-art bħal zokk ta’ żebbuġa?
Dan hu l-Ħames Pass fil-vjaġġ, fejn inħarsu lejn xulxin u nagħrfu min aħna bħala pellegrini:
Fostna hemm dawk magħżula mill-Poplu ta’ Alla biex jaqduh bħala medjaturi, bejn il-Poplu u Alla nnifsu. Il-preżenza tas-saċerdot tfakkar x’inhi l-ewwel u l-aqwa ħidma tal-Knisja: il-qima tal-Missier, fi Kristu u bħala xirka tal-qaddisin fil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu. Il-preżenza tas-saċerdot hi simbolu ta’ kif il-preżenza ta’ Alla fostna hi tassew reali fis-sagramenti li aħna, bħala Poplu ta’ Alla, nirċievu u niċċelebraw.
Fostna hemm ukoll ir-reliġjużi—nisa u rġiel—li huma simbolu profetiku ta’ kif in-Nisrani jgħix fid-dinja imma mhux ta’ din id-dinja. Il-kariżmi distinti tar-reliġjużi jfakkruna wkoll fil-ħafna rigali li l-Ispirtu dejjem jagħtina skont il-ħtieġa taż-żminijiet.
Imma ħafna minna fil-Knisja, aħna lajċi u l-preżenza tagħna fil-knisja għandha żewġ orjentamenti ċari: li nibnu l-knisja mill-qiegħ; u li nkunu knisja fid-dinja.
Aħna l-lajċi għandna ministeri ċari fil-knisja, li l-qalba tagħhom hi li aħna nibnu l-knisja domestika bħala ġenituri, imma wkoll bħala katekisti, għalliema (speċjalment fi skejjel tal-knisja), bħala dawk li jakkumpanjaw fi proċess ta’ formazzjoni liż-żgħażagħ, lill-għarajjes, lill-familji, lill-anzjani.
Imma aħna l-lajċi professjonisti wkoll, ħaddiema impenjati fid-dinja. Il-vokazzjoni tagħna ta’ xhieda hi kruċjali bl-għemil iktar milli bil-kliem. Din il-vokazzjoni tilħaq il-quċċata tagħha fil-ħajja politika. Is-servizz li n-Nisrani jagħti lil ċittadini bħalu—Insara u mhumiex—hu l-mod l-iktar konkret ta’ kif immissu mal-feriti fid-dinja.
Imma hemm ukoll il-ħames kategorija, li ħafna drabi ninsewha u anke nwarrbuha: dawk fostna li jiddubitaw (forsi għax imweġġgħa), li jistaqsu (forsi għax diżappuntati), li jfittxu (għax bil-għatx għall-ħajja). Il-katekumenat tal-adulti, u anke proċess ta’ tiftix mill-ġdid għal dawk li birdu mill-fidi tagħhom, ifakkruna li l-Knisja hi dejjem omm li tħobb lil uliedha f’kull mument tal-vjaġġ tagħhom. Dan hu wkoll il-mod konkret kif il-Knisja tassew tipprova tifhem is-sinjali taż-żminijiet u tilqa’ l-isfidi biex tassew tagħti xhieda ta’ Kristu (u mhux ta’ ideal maqtugħ mir-realtà tal-kultura tagħna).
Is-Sitt Pass: imma aħna, iz-zokk ta’ din is-siġra li tixtieq tagħti kenn fuq l-art, fejn għandhom jikbru u jestendu l-friegħi tagħna? Fejn huma l-ispazji li aħna, bħala Knisja, mitluba nimirħu fihom f’Malta tal-lum?
L-ewwel u qabel kollox: fil-periferiji, dawk l-ispazji l-iktar mudlama u allura li l-iktar għandhom għatx għall-esperjenza ta’ Kristu. Imma ma nilludux ruħna u naħsbu li l-periferiji huma xi spazju distint: il-periferiji jistgħu jkunu f’ħutna mtaqqla, fi sħabna ta’ fuq ix-xogħol, imma wkoll fl-esperjenzi ta’ faqar materjali u ta’ mard (fiżiku, psikoloġiku u spiritwali) li jkisser.
Imma n-Nisrani msejjaħ ukoll fil-belt—dak l-ispazju kreattiv u attiv fejn iċ-ċittadin joħlom futur aħjar. Hi d-dinja tal-kummerċ, tal-arti, tax-xjenza, tad-djalogu u parteċipazzjoni fis-soċjetà ċivili. F’dan il-kuntest, in-nisrani għandu d-dmir mhux biss ta’ parteċipazzjoni, imma li joħloq spazju fejn kulħadd, ta’ kwalunkwe persważjoni reliġjuża, politika jew kulturali, jista’ jiġi flimkien fi spirtu ta’ djalogu.
Bl-istess mod, in-Nisrani jiftaħ spazji fejn flimkien nistgħu nfittxu l-verità anke fl-ambjent diġitali. L-evanġelizzazzjoni online mhix biss kwistjoni ta’ slogans u strateġiji ta’ marketing, imma ta’ preżenza umana, ta’ ħbiberija, ta’ mod konkret kif ninfetħu għall-oħrajn u mhux ningħalqu fi ċrieki li jtaptpu fuq dahar xulxin.
Ir-raba’ spazju: l-ispazji ċiviċi li huma l-modi kif l-istat jista’ jaqdi liċ-ċittadini tiegħu. Anke meta naħsbu li l-istrutturi u l-burokrazija joħonquna, il-libertà tan-Nisrani titlob li qatt ma jinsa min hu, jew hi, u jimpenjaw ruħhom fis-servizz tagħhom lejn ċittadini bħalhom. Il-ġustizzja li mitluba ngħixu fi spirtu ta’ servizz għandha timmarka lin-Nisrani anke fl-ambjenti l-iktar sekulari.
Il-ħames spazju: l-ispazji tal-Knisja stess. Jekk ix-xhieda tagħna trid tkun ħajja kullimkien, kemm aħna iktar mitluba li nagħtu xhieda awtentika fl-istituzzjonijiet tal-Knisja stess? Fl-iskejjel tagħha, fis-servizzi li l-Knisja toffri lill-aktar batuti fis-soċjetà, fil-ħajja parrokkjali tagħna, fl-ordnijiet reliġjużi, fil-movimenti tal-lajċi … kemm qed inkunu mera trasparenti tal-Evanġelju ta’ Kristu?
U fl-aħħar—imma forsi l-iktar fundamentali—fil-knisja domestika. Fil-familji tagħna, kemm qegħdin inrawmu l-ħajja nisranija? Kif qed ngħixu l-vokazzjoni tagħna bħala membri ta’ familja? Dak li ma nitrawmux fih fil-familja tal-ġisem, ma nistgħux ngħixuh fil-familja tar-ruħ.
Qed noqorbu lejn l-aħħar tal-vjaġġ: jonqos li niftakru x’inhuma l-prijoritajiet pastorali fil-missjoni tagħna bħala Knisja f’Malta llum. U bħal Kristu li jiltaqa’ mad-dixxipli ta’ Għemmaws meta dawn kienu l-iktar imkissra—għax l-aħbar it-tajba aħna iktar doċli li nirċėvuha meta b’qalbna minfuda—bħala Knisja mitluba nagħrfu fejn huma l-ikbar weġgħat fil-kultura tagħna llum. Hemm aħna mibgħuta.
Is-seba’ pjagi ta’ Kristu fil-poplu tagħna niltaqgħu magħhom f’kull mument. Waqt li nagħrfuhom u mmissuhom, mitluba wkoll ninfetħu għal proċess ta’ fejqan. Aħna li l-Ispirtu ta’ Alla qiegħed ifejjaqna, inħarsu lejn il-ġrieħi bħala l-mod konkret fejn il-grazzja ta’ Alla mhux biss iddewwi, imma ssaħħaħ u ssebbaħ:
Ġrieħi personali, li niftakru jew insemmu anke fil-familji tagħna jew komunitajiet tagħna li nġorru ġo fina bħal toqol li ħafna drabi anke nbatu biex insibu l-kliem biex nesprimuh. Il-Knisja hi mibgħuta twassal il-fejqan fuq dan il-livell intimu tal-memorja u l-karattru tagħna.
Ġrieħi fir-relazzjonijiet intimi tagħna, speċjalment firda fil-familja, bejn il-miżżewġin u l-ulied, u bejn il-ħbieb. Il-Knisja, li hi familja, għandha responsabbiltà speċjali li takkumpanja l-familji fil-ħafna mard tagħna.
Ġrieħi fil-Knisja stess. Min jaf kemm-il darba nħarsu lejn xulxin—speċjalment aħna l-lajċi lejn is-saċerdot, jew is-saċerdoti lejn il-lajċi—kważi b’suspett jew f’relazzjonijiet li ma jirriflettux Knisja li hi komunjoni, imma li jkomplu jippersistu f’mudell ta’ Knisja klerikali. Dawn mhumiex ġrieħi li dejjem faċli tesprimihom għax huma sottili u jitolbu konverżjoni u maturità mill-Poplu ta’ Alla kollu.
Imma hemm ukoll ġrieħi oħra fil-komunità ekkleżjali tagħna: qtigħ il-qalb, sens ta’ frammentazzjoni, nuqqas ta’ fidi u ta’ tama … meta bħala Knisja nibirdu, nitilfu l-ħeġġa, niddakkru mid-dinja, u ninsew il-wegħdiet tal-Magħmudija tagħna.
Ta’ kuljum ngħixu u mmissu b’idejna wkoll ġrieħi fil-ħajja pubblika tagħna. Dawn ma nfejquhomx biss għax il-“Knisja” titkellem “mill-Kurja”, imma għax fis-soċjetà tagħna aħna nerfgħu r-responsabbiltà tagħna u naġixxu tassew ta’ dixxipli mibgħuta biex jagħtu xhieda.
Pajjiżna hu wkoll mifni bi ġrieħi fl-ambjent tagħna: dak li għajnejna jaraw, li widnejna jisimgħu, l-arja li mnifsejna jieħdu n-nifs minnha … dan kollu hu kkontaminat u marid. Il-konverżjoni ekoloġika hi urġenti għax ittaqqal mhux biss is-sensi tagħna, imma wkoll l-ispirtu tagħna.
U għalhekk, is-seba’ ġerħa, dik spiritwali, dik fejn ir-relazzjoni tagħna ma’ Alla bħala Poplu tiegħu—fl-espressjoni liturġika tagħna, fil-mod kif inħarsu lejn ir-realtà kollha kemm hi jekk hiex maqtugħa minn Alla, jew inkella espressjoni ħajja ta’ Alla Ħallieq—tħalli impatt kbir fuq il-mod kif ngħixu. Alla jidħol f’kull aspett ta’ ħajjitna bħala Nsara, bħala Poplu Qaddis tiegħu? Jew hemm spazji li nagħżlu li jibqgħu fid-dlam, waqt li nikkompartmentalizzaw il-ħajja Nisranija f’dak li hu ta’ Alla u dak li hu ta’ Ċesari?
L-isfidi pastorali u l-weġgħat fil-poplu tagħna huma kbar u kumplessi. Imma lanqas ma aħna mitluba li nfejquhom aħna bil-ħiliet tagħna u bil-kapaċitajiet tagħna biss. Hu l-Ispirtu ta’ Alla li jfejjaq u jagħti l-ħajja. Bħala Knisja aħna mitluba biss li nagħrfu kif l-Ispirtu qiegħed isejħilna biex inkunu l-idejn u r-riġlejn ta’ Kristu fir-realtà konkreta tagħna. Dan nistgħu nagħmluh biss meta nagħrfu li l-missjoni tagħna hi waħda ta’ parteċipazzjoni, u għalhekk li l-ħidma tagħna ma tibdiex bina imma fl-Ispirtu li diġà witta t-triq qabilna.
Bħala Knisja waħda fuq vjaġġ wieħed jeħtieġ li nsiru Knisja li tagħraf il-preżenza tal-Ispirtu, u allura li tagħraf tiddixxerni.
Dan nagħmluh mhux b’mod wieħed biss, imma tal-anqas bi tmien modi konkreti, jekk tassew nixtiequ li l-ħajja ekkleżjali tagħna tkun awtentika u konsistenti:
Bħala Nsara, fil-ħajja personali tagħna, inrawmu spirtu ta’ axxesi li jgħinna nagħrfu dak li Alla tassew jixtieq minna f’kull mument ta’ ħajjitna.
Imma bħala Nsara, aħna wkoll mitluba li niddixxernu biex nieħdu ħsieb xulxin. Il-mod l-iktar konkret fejn dan iseħħ hu fil-familja, fejn il-ġenituri jikkunsidraw mhux biss dak li Alla jixtieq minnhom imma wkoll għal uliedhom u l-familja tagħhom.
Bħala Nsara niddixxernu wkoll fir-rwoli pubbliċi tagħna fejn aħna responsabbli mhux biss għal dawk taħt il-ħarsien tagħna, imma wkoll biex l-istituzzjonijiet li jaqdu l-pubbliku jħarsu tassew il-ġid komuni.
Bl-istess mod, bħala Nsara msejħin niddixxernu wkoll kif fl-aġir kollu tagħna nħarsu l-ħolqien li Alla tana fil-Providenza tiegħu. Il-kura tad-dar komuni hi meħtieġa b’mod speċjali f’pajjiżna.
Imma, bħala Nsara, niddixxernu wkoll flimkien bħala Knisja. Id-dixxerniment komunitarju hu meħtieġ meta, fil-komunitajiet differenti fejn tinġabar il-Knisja, infittxu li naqraw is-sinjali taż-żminijiet fid-dawl tal-Evanġelju u naġixxu fi qbil ma’ dak li l-Ispirtu s-Santu jitlob minna:
Fil-Knisja “domestika”, jew kull fejn jinġabru l-komunitajiet iż-żgħar li jaqdu missjoni komuni;
Fil-“parroċċa” jew fejn il-ġemgħa tinġabar bil-mod sħiħ tagħha bħala saċerdoti, lajċi u reliġjużi biex flimkien jiddixxernu kif l-Ispirtu qiegħed isejħilhom biex jaqdu u joħorġu fit-territorju partikulari tagħhom. L-istess jgħodd għall-ħidma fl-iskejjel tal-Knisja jew l-istituzzjonijiet l-oħra tal-Arċidjoċesi;
Fil-“provinċja jew kongregazzjoni reliġjuża” jew fil-“moviment lajk” fejn, bħala komunitajiet li għandhom kariżma li torbothom mal-Knisja universali, jagħrfu kif l-Ispirtu qed jitlobhom jgħixu din il-kariżma fl-isfidi konkreti lokali;
Fl-Arċidjoċesi, permezz ta’ proċess li jiggarantixxi sinodalità, fejn il-Knisja Maltija tagħraf il-prijoritajiet pastorali għas-snin li ġejjin.
L-aħħar pass tal-mixja tad-dokument jipproponi li nħarsu lura lejn l-Għalliem fit-triq ta’ Għemmaws.
Knisja li tisma’, li tilqa’, li takkumpanja, u li toħroġ hija Knisja li tagħti prijorità lil erba’ aspetti kruċjali tal-ħajja pastorali:
- il-ħajja spiritwali, u għalhekk l-aspett kontemplattiv u liturġiku;
- l-isfidi relazzjonali, u għalhekk il-mod konkret kif inservu u nfittxu r-rikonċiljazzjoni;
- il-formazzjoni fid-dixxipulat, mit-twelid sal-mewt;
- u l-evanġelizzazzjoni bħala l-isfida l-iktar ċara ta’ kif il-Knisja toħroġ mill-“knejjes” bla biża’.
Dan hu l-proċess li nittama li nkomplu ngħixu flimkien fis-snin li ġejjin biex l-Ispirtu jgħarrafna kif aħna mibgħuta bħala l-Ġisem ta’ Kristu biex infejqu f’ismu l-ġrieħi f’pajjiżna. Il-mod kif aħna naqdu hu wkoll il-mod kif aħna niġġeddu: bħala Knisja li ddawwal fid-dlam, u li tagħti t-togħma biex ngħixu f’soċjetà iktar umana.