Fehmiet fuq il-Kattoliċiżmu minn DISCERN

DISCERN, l-istitut ta’ riċerka dwar is-sinjali taż-żminijiet, qed jaħdem fuq il-proġett Fehmiet fuq il-Kattoliċiżmu. Ir-rappreżentazzjonijiet tal-Kattoliċiżmu f’Malta huma diversi u huma dinamiċi. Dal-proġett ta’ riċerka jesplora r-rappreżentazzjonijiet, u l-lingwaġġ li jintuża, rigward il-Kattoliċiżmu f’Malta, qalb gruppi demografiċi differenti (abbażi ta’ ġeneru, età, edukazzjoni, u reġjuni).

Il-parteċipanti ġejjin minn sfondi varji, u huma kemm Kattoliċi kif ukoll ta’ reliġjonijiet oħra jew l-ebda. Minħabba li l-maġġoranza tan-nies f’Malta jidentifikaw bħala Kattoliċi, hu mistenni li l-maġġoranza tal-parteċipanti jkunu Kattoliċi.

Fl-intervisti u l-gruppi fokali (focus groups), il-parteċipanti jiġu mistoqsija dwar il-fehmiet tan-nies fuq il-Kattoliċiżmu, xi tfisser li persuna tkun Kattolika, l-orjentament tal-persuni lejn prinċipji Kattoliċi, eċċ. L-intervisti u gruppi fokali jiġu analizzati permezz ta’ analiżi tematika. L-analiżi tħares lejn il-fehmiet, u l-lingwa li tintuża, vis-a-vis il-Kattoliċiżmu – jew aħjar, Kattoliċiżmi – li hawn preżenti f’Malta, flimkien mal-profili differenti ta’ Kattoliċiżmi.

Skont riċerka li għamel Discern, lokalment m’hemmx riċerka kontemporanja u komprensiva li tidħol fid-dettall f’dawn it-tip ta’ mistoqsijiet. Għalhekk, inħass il-bżonn li jiġu esplorati aħjar il-fehmiet tan-nies, minn kull faxxa tas-soċjetà. Barra minn hekk, hawn ħafna ilħna differenti fis-soċjetà li mhux dejjem jinstemgħu. Dal-proġett għandu jkun utli għal diversi entitajiet biex iwasslu l-messaġġ tagħhom aħjar; kemm jekk tkun entità li tgħaqqad grupp ta’ nies bħala ħbieb, kif ukoll jekk tindirizza kwistjonijiet soċjali sistemiċi bħall-ambjent u l-faqar.

It-tir hu li l-proġett jitlesta lejn l-aħħar tas-sena. Il-frott tal-ħidma tagħna se tkun l-analiżi aħħarija nfisha, kif ukoll ir-rapport li joħroġ dwarha. Fil-futur, ir-riċerka li jagħmel id-DISCERN se tkun influwenzata mir-riżultati ta’ din ir-riċerka.