Il-Knisja f’Malta organizzat it-tielet laqgħa online dwar il-proċess ekkleżjali ‘Knisja Waħda, Vjaġġ Wieħed’, li saret il-Ħamis 14 ta’ Ottubru 2021. Il-preżentazzjoni, il-filmati ta’ esperjenzi personali u d-diskussjoni fil-gruppi ffukaw fuq l-attitudni pastorali tas-smigħ kif identifikat fil-proċess ekkleżjali u li jorbot intrinsikament mal-proċess sinodali li nieda l-Papa Franġisku ‘Lejn Knisja sinodali: komunjoni, parteċipazzjoni, missjoni’.
Ħames persuni minn diversi oqsma tal-Knisja fetħu tieqa fuq xi tfisser tintegra s-smigħ fil-ħajja u l-ħidma tagħhom. Huma identifikaw ukoll diversi għajnuniet li għenuhom jegħlbu l-isfidi li ltaqgħu magħhom. Il-President tal-Kulleġġ tal-Kappillani, Dun Mario Mangion, indika kemm is-smigħ hu meħtieġ u effettiv fil-ħidma pastorali tal-Knisja.
Il-parteċipanti tal-webinar qasmu r-reazzjonijiet u l-kontribut tagħhom fuq it-tema tas-Sinodu. Dawn se jinġabru bħala parti mit-tħejjija għall-kontribut li l-Knisja f’Malta se tagħti bi tħejjija għas-Sinodu tal-Isqfijiet li ser isir fl-2023 fil-Vatikan. Il-parteċipanti ġew imħeġġa iniedu proċess simili fil-parroċċi, kongregazzjonijiet, għaqdiet u realtajiet ekkleżjali oħra u jibagħtu huma wkoll il-kontribut tagħhom f’dan il-proċess ta’ smigħ.
Għall-webinar, bil-parteċipazzjoni ta’ diversi persuni involuti fil-ħajja tal-Knisja, attendew saċerdoti u lajċi attivi fil-parroċċa, provinċjali u membri ta’ ordnijiet reliġjużi, operaturi pastorali, membri ta’ segretarjati, kummissjonijiet u entitajiet tal-Knisja, kapijiet u rappreżentanti tal-iskejjel tal-Knisja, u membri ta’ komunitajiet u għaqdiet fi ħdan il-Knisja.
Il-webinar intemm b’messaġġ mill-Isqof Awżiljarju Joseph Galea-Curmi li jmexxi l-Kummissjoni ta’ koordinament ‘Knisja Waħda, Vjaġġ Wieħed’. L-Isqof Galea-Curmi semma kif li nkunu Knisja li tisma’ hu mod “kif qed ngħixu diġà l-Evanġelju”. Żied jgħid kemm hu importanti li nippruvaw nibnu Knisja “b’attitudni ta’ smigħ – is-smigħ ta’ Alla, is-smigħ tal-oħrajn u anki s-smigħ tas-sinjali taż-żminijiet permezz ta’ dak li jurina Alla u li juruna l-oħrajn”. L-Isqof qal li meta nisimgħu b’qalb miftuħa nkunu qed ninbidlu aħna.
Agħfas hawn biex taqra d-diskors sħiħ tal-Isqof Galea-Curmi.
Agħfas hawn għar-riżorsi li ntużaw matul din il-laqgħa.
Għal iktar tagħrif dwar il-proċess ekkleżjali ‘Knisja Waħda, Vjaġġ Wieħed’ ibgħat fuq [email protected].