1. Dejjem bidu ġdid … imma vjaġġ kontinwu
Kristu Rxoxt jixtieq jiftħilna għajnejna għall-glorja tiegħu:
- Matul din l-aħħar sena fejn għaraft il-preżenza ta’ Kristu Rxoxt “ikebbes” lil qalbna?
- Kien hemm xi test mill-Iskrittura jew xi ġrajja partikulari?
- Fejn iltqajt ma’ xhieda ta’ persuna/i/grupp li entużjażmawk fl-esperjenza tal-fidi u l-missjoni tiegħek?
Aħna li nbdilna f’dixxipli missjunarji:
- X’qed jgħinna nżommu ruħna attenti għal-leħen tal-Imgħallem?
- Fejn għaraft stedina għal-libertà interjuri minn dak li qed iżommna mwaħħlin?
- B’liema mod qed tikber fina l-ħeġġa biex immorru fejn il-Mulej jurina?
Aħna komunità żgħira fil-parroċċa tagħna, u membri tal-Knisja Waħda f’Malta:
- X’napprezzaw dwar ir-realtà partikulari tagħna (parroċċa, skola, għaqda, kunvent)? Fejn naraw sinjali sbieħ tal-Irxoxt?
- X’inhuma r-rigali distinti li noffru lill-Knisja lokali?
2. Trasformazzjoni kontinwa
Aħna msejħin biex inkunu komunità li tisma’, tilqa’, takkumpanja u toħroġ:
- Liema attitudnijiet tal-Imgħallem qed jissaħħu fija/fina? Fejn għandi stedina biex niskopri attitudni tal-Imgħallem u ngħixha?
- Nieqaf ftit bi gratitudni: fejn irċevejna l-grazzja ta’ preżenza għal xulxin
- aktar awtentika,
- aktar rikonċiljatorja,
- aktar paċenzjuża u
- lesta li tmur lil hinn minn dak mistenni minnha?
- X’inhuma r-reżistenzi li għandna? X’inhuma l-isfidi?
3. Min aħna? … fejn qed nintbagħtu?
Aħna komunità ta’ dixxipli li qed inwettqu l-missjoni tagħna b’mod uniku skont id-doni tagħna. Fis-sejħa partikulari tagħna (bħala lajċi, bħala persuni konsagrati, bħala saċerdoti; fil-familja, fil-professjoni, fil-ħajja ordinarja):
- Fejn nara eżempji sbieħ ta’ kif qed ngħixu l-vokazzjoni tagħna fl-aspetti differenti tagħha ta’ li:
– nibnu l-Knisja,
– nagħtu xhieda ta’ Kristu f’Malta tal-lum,
– nakkumpanjaw lil dawk li qed ifittxu l-Aħbar it-Tajba (forsi anke mingħajr ma jkunu jafu)? - Qed nintalbu nwasslu d-dawl tal-Evanġeju kullimkien f’Malta (u lil kulħadd). Jekk nibdew minn fejn qegħdin – il-parroċċa tagħna, djarna, il-post tax-xogħol tagħna – dan x’jista’ jfisser fil-konkret? (Attitudnijiet, ġesti, kliem …)
4. Kristu għall-oħrajn
Kristu jiltaqa’ magħna fl-iktar miżerja profonda tagħna u jfejjaq il-ġrieħi tagħna:
- Aħna bħal sptar fuq il-kamp tal-battalja fejn qed nintbagħtu biex inkunu Kristu għal ħaddieħor? Fejn għandi stedina biex nersaq lejn il-miżerja tal-bniedem? X’inhuma r-reżistenzi fija?
- X’inhuma l-feriti konkreti fostna?
Fl-isptar fuq il-kamp tal-battalja, wieħed irid jagħżel il-prijoritajiet bil-għaqal … b’għerf li mhux tagħna biss imma tal-Ispirtu s-Santu:
- Bħala komunità (u b’mod personali) kif qed nagħtu ħin ta’ kwalità biex nagħrfu lil Alla aħjar?
- X’jgħinna biex mhux biss naġixxu bi prudenza, imma jmexxina d-Dawl li hu l-Ispirtu u nħalluh jiftħilna t-triq?