Wara li bejn Jannar u Frar 2018, numru ta’ lajċi ħadu sehem f’kors ta’ żewġ laqgħat dwar id-dixxerniment li tmexxa minn Prof. Edward Warrington, grupp ta’ parteċipanti ħassew il-ħtieġa li jitkompla dak li nbeda. Kien hemm ix-xewqa ta’ aktar tisħiħ fid-dixxerniment , ftuħ għal xulxin u għar-realtajiet ta’ madwar, u rieda li jaraw l-Ispirtu t’Alla fejn jixtieq imexxihom.
Il-grupp magħmul minn 12-il membru li jirrappreżentaw l-Istitut ta’ Formazzjoni Pastorali (PFI), il-FORUM tal-Għaqdiet u l-Movimenti, il-Malta Catholic Youth Network (MCYN), il-Komunitajiet ta’ Ħajja Nisranija (KĦN) , kif ukoll membru li mhix parti minn entità tal-Knisja.
Il-grupp s’issa organizza tliet laqgħat li kienu immirati l-aktar għad-diriġenti u r-rappreżentanti tal-għaqdiet membri tal-FORUM. Dawn huma mħeġġa jaqsmu l-esperjenza li jkunu għexu waqt il-laqgħat mal-membri kollha tal-għaqdiet tagħhom. Kien hemm preżenti wkoll lajċi oħrajn. L-Isqof Joseph Galea-Curmi akkumpanja l-mixja li saret f’dawn il-laqgħat:
- Friegħi ta’ Siġra Ħajja (Settembru 2019 bit-tema ‘Sinodalità’)
- L-istess Spirtu, Kariżmi Varji (Frar 2020)
- Knisja Waħda, Vjaġġ Wieħed (Settembru 2020)
Il-proġett nibet mix-xewqa tal-Fraternità Charles de Foucauld li jitħarrġu fid-dixxerniment bil-għajnuna tal-PFI. Il-grupp ma fassalx pjan fit-tul, iżda ħalla s-sinjali ta’ madwaru jinterpellawh. Għaraf il-ħtieġa li nies minn gruppi differenti joħorġu min-niċeċ tagħhom u jiskopru aħjar is-sejħat u l-kariżmi tagħhom u ta’ xulxin biex jinfetħu għal dak li Alla jkun qed jitlob minnhom. Il-grupp koordinattiv twessa’ u laqa’ fih nies minn għaqdiet differenti, waqt li ħadem biex, bejn il-membri irawwem sens ta’ għaqda li għandha l-għajn tagħha fil-Komunjoni Trinitarja.
Il-grupp baqa’ dejjem miftuħ għas-sinjali li jintebaħ bihom. F’dinja ta’ firdiet, jagħraf bis-sħiħ is-sehem li jista’ jagħti bix-xhieda ta’ unità fid-diversità, ta’ responsabbiltà u għarfien reċiproku dwar is-sejħa u l-missjoni ta’ xulxin.
Il-Kelma tal-Arċisqof fl-Assemblea Djoċesana 2018, wasslet għal għarfien ġdid dwar is-sinodalità fil-ħajja u l-missjoni tal-Knisja u l-grupp ħass il-ħtieġa li jidħol f’din id-dinamika. Fil-laqgħat li organizza dejjem ta spazju għall-kontemplazzjoni, li flimkien mad-dixxerniment, għandha post ċentrali fid-dokument ‘Knisja Waħda Vjaġġ Wieħed’.
L-evalwazzjoni li ssir wara kull attività tgħin fid-dixxerniment meħtieġ biex il-grupp jibqa’ miexi ’l quddiem skont dak li l-Ispirtu t’Alla jitlob minnu. Fost il-membri jinħass li kiber is-sens komunitarju, l-għarfien u l-apprezzament reċiproku tal-kariżmi tal-gruppi differenti, inkluż dawk tagħhom stess. Dan wassal għal aktar rispett fost il-gruppi u sens ta’ ftuħ biex il-membri jesprimu ruħhom b’libertà akbar. B’hekk fil-grupp kiber is-sens ta’ Knisja li jimla lill-membri bit-tama u l-fiduċja, kwalitajiet tant meħtieġa f’dawn iż-żminijiet, biex inħarsu ’l quddiem għat-twettiq ta’ dan il-Vjaġġ.
Il-grupp issa jinsab fl-istadju li jidħol fil-proċess imniedi mid-dokument Knisja Waħda, Vjaġġ Wieħed. Irid li jkun miftuħ għal dak li jiġi propost biex hu jkun jista’ jagħti sehmu f’din il-mixja ta’ Knisja Waħda. Filwaqt li jgħin biex il-membri tal-għaqdiet u oħrajn ikomplu jagħmlu dan il-‘Vjaġġ Wieħed’, jixtieq ikompli jaħdem biex jissaħħu l-kapaċitajiet tal-membri tal-għaqdiet u lajċi oħra ħalli jintegraw l-attitudnijiet bażiċi tad-dokument (Knisja li tisma’, tilqa’, takkumpanja, toħroġ). Dan kollu fi djalogu u b’koordinament mal-Kummissjoni ‘Knisja Waħda, Vjaġġ Wieħed’.
Diskorsi li saru fil-laqgħat
Kontemplazzjoni fuq is-sinjal tat-tkattir tal-ħobż minn Edward Warrington
Is-Sinodalità mill-Isqof Joseph Galea-Curmi
Friegħi ta’ Siġra Ħajja – Konklużjoni minn Edward Warrington
Il‑Kariżmi fi ħdan il‑Knisja Komunjoni mill-Isqof Joseph Galea-Curmi