Poplu “pellegrin” f’Malta

Il-Knisja mibgħuta tagħti xhieda tal-Aħbar it-Tajba bil-kliem, il-ġesti u l-għemil

F’din l-aħħar sena, u mdawla mill‑“Ikona ta’ Għemmaws,” diversi oqsma tal‑Knisja lokali rriflettew fuq it‑tama tagħhom li l‑inkulturazzjoni tal‑fidi tniżżel għeruq iktar fondi f’Malta llum. Taħt it‑tmexxija tal‑Isqof Joseph Galea‑Curmi, ingħata bidu għal proċess ta’ smigħ mas‑saċerdoti, reliġjużi u lajċi sabiex ninżlu aktar fil‑fond ta’ dak li tfisser il‑kelma li Kristu qed jgħid lill‑Knisja f’Malta permezz tas‑silta ta’ Għemmaws. Dan ma wassalx biss biex, bħala komunità nisranija lokali, li l‑fidi tagħha għandha għeruq storiċi li jinżlu fil‑fond, naraw lilna nfusna fid‑dixxipli—raġel u mara—li minn Ġerusalemm telqu lejn Għemmaws b’qalbhom imtaqqla u mbeżżgħa; imma wassal ukoll biex stajna nibdew induqu mill‑konverżjoni li esperjenzaw meta Kristu Rxoxt iltaqa’ magħhom fit‑triq u, mimlijin ħeġġa ġdida, marru lura lejn il‑merħla fil‑Belt il‑Qaddisa.

Il-proċess fi tmin stadji li ġie mfassal jagħti l‑istadji importanti ta’ vjaġġ sinodali—xewqa u tama ħajja li, bħad‑dixxipli ta’ Għemmaws, kull wieħed u waħda minna l‑imgħammdin li ngħammru f’Malta nagħrfu l‑biżgħat, l‑ansjetà, id‑diżappunti u t‑tbatijiet l‑aktar profondi tagħna … u nifirħu! Flimkien qed niġu mistiedna għal vjaġġ li matulu, bħala poplu pellegrin, inġeddu s‑sejħa tagħna bħala dixxipli missjunarji f’din l‑art tagħna.

emmaus icon

Jista’ jkun li f’dan il‑vjaġġ ikollna naffrontaw id‑dgħufija u l‑vulnerabbiltà tagħna; l‑infedeltà u l‑kburija tagħna; kif inqasna milli nkunu melħ, dawl u ħmira f’pajjiżna, imma minflok ħsibna li stajna nagħtu xhieda għall‑Evanġelju biss billi nkunu “Malta Kattolika” u b’attitudnijiet riġidi. Imma wkoll jekk, bħad‑dixxipli ta’ Għemmaws, doqna l‑imrar tal‑mewt, bħalhom aħna mistiedna nġarrbu l‑qawmien u t‑twelid mill‑ġdid bħala l‑Knisja ta’ Kristu.

U tassew, id‑dixxipli ta’ Għemmaws iltaqgħu ma’ Kristu fis‑siegħa l‑iktar mudlama tagħhom. Bl‑istess mod, huwa fid‑dlamijiet tagħna bħala Maltin li Kristu qed jistedinna għal tiġdid bħala dixxipli, għal evanġelizzazzjoni li tagħti l‑ħajja, għal qadi mill‑qalb, u—bħal Nikodemu li mar jiltaqa’ ma’ Ġesù fid‑dlam tal‑lejl—għal twelid mill‑ġdid mill‑Ispirtu għall‑Knisja f’Malta.

Din hija t‑tama u l‑isfida li r‑Ragħajja tagħna poġġew quddiemna meta għażlu r‑rakkont ta’ Għemmaws bħala sfond għad‑dixxerniment personali u komunitarju tagħna bħala Knisja: li nagħmlu tassew tagħna l‑identità u s‑sejħa li nkunu l‑Poplu ta’ Alla f’Malta, li bħala midinbin qed niġu mibgħuta nevanġelizzaw din l‑art. Fi Spirtu wieħed, aħna mħeġġa nifirxu l‑friegħi tagħna u mmissu l‑aspetti kollha tal‑ħajja fi gżiritna u fl‑ibħra tagħna, u hekk inħarsu, insebbħu, u nsiru sinjali ta’ ħajja ġdida f’Malta llum.

Għalhekk, dan il-proċess mhuwiex sempliċi pjan ta’ ħidma, bħallikieku l‑Knisja hi xi proġett tagħna, imma huwa stedina biex, bħala dixxipli, mill‑ġdid inpoġġu f’riġlejn l‑Imgħallem tagħna u nisimgħu dak li għandu x’jgħallimna.

L‑erba’ attitudnijiet, imnebbħin mill‑Eżortazzjoni Appostolika Post‑Sinodali tal‑Papa Franġisku Evangelii gaudium (24 Nov 2013), u li l‑Knisja lokali qed tiġi mistiedna tħaddan u tpoġġi fil‑prattika fil‑ħajja ta’ kuljum, huma ferm meħtieġa f’pajjiżna. U dan tista’ tagħmlu biss Knisja li tifhem sewwa s‑sejħa tagħha li tkun dawl tad‑dinja u l‑missjoni tagħha li tkun melħ tal‑art. M’aħniex imsejħin nimponu t‑twemmin u l‑opinjonijiet tagħna jew, agħar, lilna nfusna, imma msejħin inkunu bħal dik il‑ftit ħmira li, wara li ttella’ l‑għaġna, tmut sabiex il‑ħobż isir ikel li jmantni lil ħutna (Maltin jew mhumiex). Knisja li tisma’, li tilqa’, u li takkumpanja lill‑ieħor (filwaqt li nieħdu ħsieb xulxin) hija wkoll Knisja li tiftaħ beraħ il‑bibien tagħha u toħroġ ixxandar l‑Aħbar it‑Tajba.

Nistgħu nqisuh bħala wieħed mis‑sinjali taż‑żminijiet il‑fatt li l‑Knisja lokali—flimkien mal‑Knisja Universali—bi kreattività qed ikollha tmur għal dak li hu l‑iktar essenzjali f’dan iż‑żmien straordinarju fl‑istorja riċenti tal‑umanità: il‑pandemija tal‑COVID‑19.

Il‑Knisja, imsejħa biex tkun “il‑ġisem ta’ Kristu” fix‑xhieda tagħha ta’ salvazzjoni, qed tiġi sfidata tmexxi lid‑dinja fi proċess ta’ tiġdid, fejn l‑esperjenza stess ta’ xi tfisser tkun bniedem, li nkunu “spirti inkarnati”, jeħtieġ li tingħata mill‑ġdid “twelid mill‑ilma u l‑Ispirtu” (Ġw 3:5) aħna u nerġgħu nevalwaw kif konna qegħdin ngħixu bħala komunità globali waħda, bħala komunità ta’ nazzjonijiet, f’dinja mmarkata mit‑teknoloġija diġitali. Qed isir urġenti iktar minn qabel dak li għallimna l‑Papa Franġisku f’Laudato si’ (24 ta’ Mejju 2015)dwar il‑ħtieġa ta’ konverżjoni għal “żvilupp ekoloġiku integrali” f’kuntrast ma’ modi ta’ ħajja maħkuma mill‑“paradigma teknokratika”(li naġixxu bil‑loġika tat‑teknoloġija minflok dik tassew umana).

Hu ironiku li, aħna u ngħixu din is‑sitwazzjoni mhux tas‑soltu ta’ iżolament, biex nuru solidarjetà ma’ xulxin u nieħdu ħsieb ġisimna (kemm b’mod personali u kif ukoll b’mod kollettiv), qed infittxu li nkunu hemm għal xulxin permezz ta’ preżenza estiża jew “medjata”, u li qed twassalna biex nesperjenzaw id‑dinja bħallikieku ’l barra minn ġisimna stess.

Dan il‑mod paradossali ta’ kif qed ngħixu bħala bnedmin, fejn inħossuna li nistgħu mmorru lil hinn mill‑kundizzjoni fiżika tagħna, imma fl‑istess ħin inħossuna hekk fraġli u kkundizzjonati mill‑ġisem tagħna, irid iwassalna biex naħsbu bis‑serjetà dwar is‑sejħa tagħna li, bħala Knisja, inkunu preżenti f’dan l‑ambjent “diġitali”. Bix‑xhieda li bħala Knisja nagħtu għall‑Evanġelju, aħna msejħin li “nagħmlu iktar uman” u nwasslu għal żvilupp integrali dak li, s’issa, kemm fuq livell globali kif ukoll fuq livell lokali, għexnieh b’mod surreali fl‑ekonomija, fis‑sistemi politiċi u fil‑ħajja tagħna ta’ kuljum.

Din l‑isfida ġdida titlob minna li ninkulturaw l‑Evanġelju f’dan il‑kuntest diġitali mingħajr ma ninsew li l‑għeruq ta’ dan il‑kuntest xorta waħda huma fil‑partikularità ta’ kull storja umana, ta’ kull post, ta’ kull “poplu”.

Il‑ġest profetika tas‑Sinodu tal‑Amażonja jfakkarna preċiżament dan: f’dan l‑ambjent globali u diġitali ma nistgħux ninsew jew inwarrbu l‑uniċità ta’ kull kultura marbuta ma’ art speċifika bl‑istorja u l‑kult tagħha. It‑tentazzjoni tagħna s’issa kienet li nimxu mal‑loġika “moderna” u ninjoraw l‑importanza li għandhom l‑art, l‑istejjer partikolari u anke l‑istess ġisem fiżiku. Imma kellha tkun pandemija biex theżżeż din il‑loġika u turina, mhux biss li dawn huma importanti, imma wkoll li jeħtieġ inġeddu l‑impenn tagħna li nirrispettaw il‑ġisem tagħna, il‑preżenza tagħna f’dan il‑laħam, filwaqt li nitgħallmu nieħdu responsabbiltà tal‑estensjonijiet teknoloġiċi tal‑“ġisem” tagħna.

Forsi l‑COVID‑19 tista’ tkun esperjenza li tgħallimna u tqajjimna min‑ngħas tagħna biex induqu l‑ħniena ta’ Alla. Dan hu l‑mod ta’ kif, bħala Knisja, jeħtieġ li niġġeddu billi niskopru mill‑ġdid l‑essenza tal‑Aħbar it‑Tajba, u nħalluha tittrasformana, u nfittxu toroq ġodda ta’ kif insiru tassew Insara f’dinja ġdida: fil‑qima tagħna, fil‑kliem u l‑imġiba profetika tagħna, fix‑xhieda li nagħtu fil‑ħajja ta’ kuljum permezz ta’ għemejjel ta’ ħniena.

Il‑Knisja lokali tagħna għandha rwol importanti f’dan minħabba l‑uniċità u l‑għana tat‑tradizzjoni tagħna; minħabba fir‑reżiljenza u l‑inġenjożità tagħna. Ejjew inħallu lill‑Ispirtu s‑Santu jmexxina f’dan il‑proċess ta’ tiġdid bħala Knisja waħda fi vjaġġ wieħed! L‑impenn tagħna bħala l‑Poplu ta’ Alla għas‑snin li ġejjin irid ikun attent għaċ‑ċirkostanzi ġodda li ser jiżviluppaw bil‑mod il‑mod. Għaldaqstant, aħna mistiedna nagħmlu proċess ta’ dixxerniment ekkleżjali tant meħtieġ sabiex nagħrfu tassew kif l‑Ispirtu qed imexxi ’l quddiem lill‑poplu tagħna f’din ir‑realtà partikolari.

“Ġiebu ruħhom magħna bi ħlewwa liema bħalha” (Atti 28, 2)

F’dan il‑kuntest ta’ sfida kbira imma wkoll ta’ opportunità għal tiġdid spiritwali bħala Knisja f’Malta, xorta waħda għadna nistgħu nittamaw li ma ndumux ma nilqgħu fostna lill‑Qdusija Tiegħu, il‑Papa Franġisku.

It‑tema magħżula—“Ġiebu ruħhom magħna bi ħlewwa liema bħalha” (Atti 28, 2)—tfakkarna kif il‑Knisja f’Malta twieldet proprju f’dik il‑“ħlewwa liema bħalha” murija min‑nies ta’ din il‑gżira. Din it‑turija ta’ “ħlewwa liema bħalha” hija d‑don u l‑missjoni tal‑Poplu ta’ Alla f’Malta għalina stess u għall‑Knisja universali.

pope francis

Il‑qalba tat‑teoloġija tal‑Papa Franġisku hija influwenzata mill‑mod kif ġiet mifhuma fl‑Arġentina t‑teoloġija tal‑Konċilju Vatikan II dwar “il‑Poplu ta’ Alla.”[1] It‑tagħlim “ġdid” tal‑Papa, imfisser f’Evangelii gaudium, 217‑237 u elaborat f’okkażjonijiet differenti tul is‑snin tal‑pontifikat tiegħu u dan l‑aħħar fl‑Eżortazzjoni Appostolika Post‑Sinodali Querida Amazonia (12 ta’ Frar, 2020), jistedinna naħsbu fuq il‑fatt li, bħala “dixxipli missjunarji”, aħna qatt ma nissejħu jew nintbagħtu waħedna. Aħna dejjem imsejħin u mibgħuta bħala “poplu”: u mhux “poplu” f’sens “ideoloġiku”, imma b’mod “reali” u inkarnat, u allura bħala poplu li “jinkultura” l‑Evanġelju bil‑mod partikolari tiegħu.

Poplu “inkarnat” huwa poplu “kolt” (“ikkultivat”): b’għeruq li jinżlu fil‑fond fl‑art, b’zokk ewlieni b’saħħtu li kiber fl‑istorja, u bil‑friegħi li jinfirxu ’l barra f’atti ta’ qima (cultus) li jagħtu l‑frott.

Dak li jiddistingwi din it‑teoloġija ta’ kif jeħtieġ li nkunu bħala l‑“Poplu ta’ Alla” hu rifless fil‑prijoritajiet ta’ dan il‑Pontifikat:

  • il‑karba tan‑nies li sabu ruħhom maqtugħin mill‑art u l‑istorja tagħhom;
  • l‑għożża tad‑dar komuni tagħna;
  • il‑bżonn li ndewwu l‑ġrieħi fit‑tessut “kulturali”, b’mod speċjali l‑kunflitti b’għeruq fondi;
  • l‑importanza tal‑ftuħ għall‑ħbiberija u d‑djalogu;
  • l‑enfasi fuq li nibdew proċessi iktar milli niddominaw territorji;
  • l‑attenzjoni għaċ‑ċkejknin li, fis‑sempliċità tagħhom, juru b’mod qawwi l‑imħabba tagħhom lejn Alla.

Iż‑żjara tal‑Papa Franġisku fi gżiritna—f’salib it‑toroq, eżatt f’nofs baħar li madwaru kibru għadd ta’ ċiviltajiet sa mill‑ibgħad żminijiet—tagħtina l‑opportunità li nesprimu b’mod ġdid din “it‑teoloġija tal‑poplu” tal‑Papa.

Mhux bilfors hemm rabta ta’ demm bejn il‑“Maltin” li għal millenji sħaħ għexu fuq din il‑gżira, imma kollha għandna l‑għeruq tagħna f’din l‑art, fl‑istorja tagħha u permezz tal‑kult li trawwem. Il‑fatt li aħna “port kenni” fil‑baħar imqalleb imma wkoll spazju fraġli fejn jiltaqgħu ċ‑ċiviltajiet, ipoġġi fuq spallejn in‑nies kollha r‑responsabbiltà li “nikkultivaw” l‑għixien tagħna flimkien: billi nibnu belt li tista’ tirreżisti l‑prova taż‑żmien; billi nseddqu r‑relazzjonijiet soċjali kumplessi; billi nżommu ħaj u nieħdu ħsieb dak li jagħti tifsira lill‑ħajja tagħna.

Li l‑Papa Franġisku oriġinarjament għażel li jżur gżiritna nhar Għid il‑Ħamsin 2020 għandu jnissel fil‑poplu ta’ Alla f’din l‑art ix‑xewqa li jerġa’ jitwieled “mill‑ġdid”.[2] Qed jgħinna niżviluppaw mill‑ġdid sens ta’ missjoni biex “nikkultivaw” in‑nies kollha ta’ gżiritna billi nfakkru fl‑ewwel laqgħa tagħna mal‑Evanġelju: “Malat, minn fejn Malta tieħu isimha, kienet tfisser port kenni fil‑kultura u l‑lingwa tal‑Feniċi, poplu baħħar ta’ żmien il‑qedem.”[3] Kif jirrakkonta San Luqa fl‑Atti tal‑Appostli, il‑karatteristika ewlenija tal‑poplu ta’ Malta kien li “ġiebu ruħhom magħna bi ħlewwa liema bħalha” (Atti 28, 2). 

Din il‑ħlewwa hija sinjal ta’ ħbiberija murija lill‑“ieħor”; l‑id tal‑ħbiberija li toħroġ bħala wegħda ta’ fraternità lejn il‑“barrani” fil‑baħar imqalleb. Il‑Gżejjer Maltin mhumiex “art tajba u wiesgħa, art tnixxi ħalib u għasel” (Eż 3:8). Imma huma “port kenni” fejn tinbena ħbiberija ġenwina għal laqgħa ġenwina, fejn popli minn madwar il‑Mediterran jiltaqgħu flimkien, iniżżlu l‑għeruq tagħhom, jaqsmu l‑kulturi tagħhom u hekk jinsġu ġrajja waħda li tiffurmahom f’“poplu wieħed” ikkaratterizzat mir‑reżiljenza, l‑inġenjożità u l‑ġenerożità.

Għalhekk hija trawma għall‑identità tagħna bħala poplu “Malti” meta nħallu l‑biża’, ir‑regħba, il‑vjolenza u l‑ġlied iħarbtu n‑nisġa tas‑soċjetà tagħna u jifirduna bejnietna: nispiċċaw wieħed (jew grupp) kontra l‑ieħor, u nfittxu li nkunu aħjar u negħlbu ’l dawk li nħarsu lejhom bħala l‑għedewwa tagħna.

Mhijiex id‑diversità li thedded l‑għaqda tagħna bħala “poplu wieħed.” Għall‑kuntrarju, għal millenji sħaħ, id‑differenzi—sew etniċi, kulturali, u saħansitra ta’ twemmin—tlaqqmu fiz‑zokk ewlieni u ‘demmlu’ l‑ħamrija li minnha tissostna l‑identità tagħna bħala poplu miftuħ u kapaċi jaddatta għal esperjenzi u sfidi ġodda.

Hekk kif Malta sekulari tal‑lum tiftaħ il‑portijiet tagħha għal iktar immigranti, u n‑nazzjon ċkejken tagħna kulma jmur qed isir iktar imħallat u kosmopolitan, qed niġu sfidati niskopru mill‑ġdid dik il‑wegħda tal‑bidu li nkunu “port kenni” u li niġġeddu bħala sinjal ta’ għaqda‑fid‑differenza f’kuntest globali u diġitali.

Malta, il‑gżira fiċ‑ċentru tal‑Mediterran, tista’ tkun mudell ta’ ħbiberija, djalogu u rikonċiljazzjoni. Dak li ngħixu wiċċ imb wiċċ, nistgħu napplikawh ukoll għall‑preżenza diġitali tagħna.

Din ir‑responsabbiltà qed tagħfas b’urġenza akbar fuq il‑“poplu ta’ Alla” f’dawn il‑gżejjer li llum qed jiġi msejjaħ biex, bl‑istess “ħlewwa liema bħala” murija lill‑Appostlu nnifsu, jagħti xhieda tal‑preżenza ta’ Kristu li tfejjaq billi jisma’, jilqa’, jakkumpanja u joħroġ.


[1] Lumen Gentium, Kostituzzjoni Dommatika dwar il‑Knisja, 21 Novembru 1964. Fit‑tieni kapitlu, dan id‑dokument jippreżenta lill‑Knisja bħala “l‑Poplu ta’ Alla.”

[2] Charles J. Scicluna, Omelija nhar l‑Erbgħa tal‑Irmied, 26 ta’ Frar 2020, https://knisja.mt/ir‑randan‑hu‑l‑istagun‑tar‑rebbiegha‑tar‑ruh‑meta‑nitwieldu‑mill‑gdid‑l‑arcisqof‑fl‑erbgha‑tal‑irmied/.

[3] https://www.vaticannews.va/en/church/news/2020‑02/pope‑francis‑malta‑apostolic‑visit‑scicluna.html.

Knisja Waħda, Vjaġġ Wieħed huwa proposta għal proċess organiku ta’ persuni, komunitajiet u ħbieb‑fil‑Mulej li jaħdmu flimkien. Dan il‑proċess jeħtieġ li jkun “vjaġġ” sinodali—bħalma kien is‑Sinodu tad‑Djoċesi ta’ Malta 19992003—li mhux biss ikun mifrux fuq medda ta’ spazju u snin, imma li bil‑mod il‑mod ilaqqagħna wkoll mar‑realtà kumplessa li fiha ngħixu u jdaħħalna iktar fil‑fond tal‑isfida li nkunu poplu “pellegrin”. Għalhekk, kull taqsima fiha l‑istess numru ta’ punti ta’ ftuħ għar‑riflessjoni: mill‑ewwel punt ċar daqs il‑kristall, sat‑tmien taqsima bi tmien modi ta’ kif insiru tassew Knisja li tiddixxerni; Knisja li, bħal orkestra, teżegwixxi biċċa mużika b’ħafna strumenti differenti f’armonija bejniethom għax taħt id‑direzzjoni tal‑istess Spirtu Qaddis ta’ Alla.

L‑Ispirtu s‑Santu huwa dik il‑qawwa moħbija f’qalbna li tgħaqqadna flimkien u tagħmlilna kuraġġ biex nibqgħu mixjin fl‑isfidi kollha, anke jekk fid‑dlam, sabiex infejqu u nqawwu lil xulxin u lil dawk fdati f’idejna f’din l‑art tagħna. L‑Ispirtu jdawwal kull pass tagħna f’din it‑triq; hu nar dejjem iħeġġeġ; permezz tiegħu “nilbsu lil Kristu” u nsiru xhieda ħajja tiegħu, filwaqt li nħarsu bil‑ħlewwa bħalma għamel l‑Imgħallem tagħna ma’ dawk kollha li ltaqa’ magħhom.

Għalhekk, imnebbħin mil‑laqgħa ta’ Kristu mad‑dixxipli tiegħu fi triqthom lejn Għemmaws, u filwaqt li niftakru fit‑twelid tal‑Knisja Maltija permezz ta’ dik il‑wirja ta’ “ħniena liema bħalha” (Atti 28:2), aħna ser inkomplu nixorbu mill‑għejun tad‑doni tal‑Ispirtu s‑Santu sabiex niġġeddu bħala l‑Poplu Qaddis ta’ Alla f’din il‑gżira.

Kull waħda mill‑komunitajiet lokali tagħna ser tkompli l‑vjaġġ ta’ dixxerniment flimkien biex tisma’, tilqa’, takkumpanja u toħroġ b’modi konkreti fl‑“isptar fuq il‑kamp tal‑battalja” lokali fejn Kristu, permezz tal‑Knisja, “il‑ġisem u l‑għarusa tiegħu,” jixtieq jiltaqa’ mal‑irġiel, in‑nisa u t‑tfal kollha li qegħdin ibatu.

Waqt li tistudja t‑tmien taqsimiet tal‑proċess ippreżentati fl‑Assemblea Djoċesana tal‑2019, fl‑erba’ snin li ġejjin:

  • kull dar u komunità żgħira miġbura f’isem Kristu,
  • kull moviment lajkali,
  • kull kongregazzjoni reliġjuża,
  • kull istituzzjoni tal‑Knisja li taqdi s‑soċjetà—b’mod speċjali l‑ħafna skejjel tal‑Knisja u l‑istituzzjonijiet tad‑djakonija—u
  • kull parroċċa,

trid tfittex li, b’fedeltà akbar, tkun f’sintonija mad‑doni partikolari u l‑kariżma tal‑Ispirtu s‑Santu fiha, u tiddixxerni s‑sejħa li tagħmel ħwejjeġ ikbar f’isem Kristu:

  • billi tisma’ l‑Kelma tiegħu u tikber fil‑kontemplazzjoni ta’ Alla kif espressi fit‑talb u l‑qima flimkien; minn din l‑għajn tal‑Ħajja, aħna nistgħu niftħu qalbna biex tassew nisimgħu lil xulxin u naqraw is‑sinjali taż‑żminijiet;
  • billi nilqgħu lill‑barrani fostna, u għaldaqstant infittxu ġesti konkreti ta’ fejqan u rikonċiljazzjoni b’mod speċjali fil‑qadi ta’ dawk li huma l‑iktar vulnerabbli;
  • billi nakkumpanjaw lil xulxin sabiex inpoġġu fil‑prattika riformi konkreti fil‑proċess Nisrani ta’ formazzjoni u integrazzjoni personali u komunitarja tul ħajjitna kollha;
  • billi nintbagħtu u għalhekk  niddixxernu modi konkreti ta’ kif qed niġu msejħa nevanġelizzaw u nagħtu xhieda għall‑ħniena ta’ Alla li ssalva b’għemejjel konkreti ta’ qadi.

Fil‑kuntest tax‑xhieda tagħna bħala Knisja, nagħrfu l‑valur ta’ ġesti qawwija li jkunu sinjali profetiċi ta’ verità, ġustizzja, fejqan u rikonċiljazzjoni. Dawn l‑għemejjel mhux biss iċaqalqu, imma wkoll jikxfu l‑istrutturi tad‑dnub, jisfidaw għal riflessjoni iktar profonda u jipproponu dak id‑dixxerniment meħtieġ biex insibu triq ’il quddiem li taqbel iktar mal‑Aħbar it‑Tajba.

Bħala dixxipli ta’ Kristu, jeħtieġ li nimitaw lill‑Imgħallem tagħna li

  • għażel li jsalvana permezz tal‑ubbidjenza tiegħu: għalhekk irridu nagħżlu r‑rieda ta’ Alla u l‑glorja tiegħu u naħarbu t‑tentazzjoni li nfittxu l‑glorja tagħna, naqdu l‑interessi tagħna, jew niżirgħu l‑pika u l‑firda minħabba l‑ebusija ta’ qalbna;
  • għażel li jsalvana billi ftaqar: għalhekk l‑importanza ta’ eleganza dinjituża, ta’ sens ta’ qies f’dinja konsumerista, ta’ sbuħija li tiġbed bis‑sempliċità tagħha u mingħajr ftaħir;
  • għażel li jsalvana permezz tal‑ħbiberija: għalhekk l‑importanza ċentrali tar‑relazzjonijiet, ikkaratterizzati minn imħabba diżinteressata, skont l‑istat ta’ kull wieħed u waħda minna;
  • għażel li jsalvana billi għex fid‑dinja, billi mess il‑ġrieħi tagħha u ħa fuqu ‘r‑riħa tan‑nagħaġ tiegħu’: għalhekk is‑sejħa li nkunu ħaġa waħda mar‑realtajiet kumplessi tad‑dinja u hemmhekk insiru dawl, melħ u ħmira—sinjali ta’ tama vera għal gżiritna.