Fl‑Assemblea Djoċesana ta’ Novembru 2018, fejn il‑Knisja lokali rriflettiet fuq ir‑realtà tagħha llum filwaqt li ħarset ukoll lejn dak li ħareġ mid‑Dokumenti tas‑Sinodu Djoċesan tal‑2003, l‑Arċisqof Charles Jude Scicluna ppropona r‑rakkont tad‑Dixxipli ta’ Għemmaws mill‑Evanġelju skont San Luqa biex idawwal proċess ta’ dixxerniment ekkleżjali li jwassal għal riforma pastorali.
Fl‑Assemblea Djoċesana ta’ Novembru 2019, ġie ppreżentat abbozz tal‑proċess—dan il‑metodu ta’ riflessjoni fi tmien stadji—li kull entità fil‑Knisja kienet se tkun mistiedna tipprattika fil‑konkret tar‑realtà tagħha biex tipparteċipa b’mod sħiħ f’dixxerniment komunitarju. Id‑dokument kien il‑frott ta’ diversi laqgħat fix‑xhur ta’ qabel, li taw stampa ċara tar‑realtà spiritwali tal‑Knisja lokali, u allura kien maħsub biex ikun minnu nnifsu duwa u prassi ta’ attitudnijiet li jsaħħu x‑xhieda tal‑Poplu ta’ Alla f’Malta.
Dan il‑proċess ta’ dixxerniment ġie pprattikat b’mod konkret waqt l‑Assemblea Djoċesana 2019 stess, meta dawk preżenti, rappreżentanti tal‑Knisja f’Malta, qasmu riflessjonijiet fi spirtu ta’ talb li ġew ippreżentati lill‑komunità kollha.
Ir‑riflessjonijiet tal‑Assemblea Djoċesana, u dawk miġbura f’serje ta’ laqgħat li komplew sa Frar 2020, f’dawn l‑aħħar xhur ġew mirquma fi proposti konkreti li l‑Arċidjoċesi qed tidħol f’impenn li twettaq, anke fid‑dawl tar‑realtà ġdida ta’ COVID‑19, fis‑snin li ġejjin.
Dawn l‑impenji qed ikunu ppreżentati fuq din il‑website bħala eżempju konkret għall‑entitajiet kollha tal‑Knisja—parroċċi, skejjel, kongregazzjonijiet reliġjużi, movimenti lajċi, proġetti ta’ djakonija, u entitajiet Kattoliċi oħrajn—waqt li dawn ukoll jidħlu fil‑proċess ta’ dixxerniment propost. Għalhekk dan it‑tiġdid ekkleżjali, mhux xi ħaġa li qed tkun “imposta” minn fuq għal isfel, jew miċ‑ċentru għall‑periferiji, imma se jkun tassew proċess ħaj li jikber b’mod organiku fl‑aspetti u r‑realtajiet kollha tal‑Knisja f’Malta.
Dak li jagħmel il‑proċess tassew ekkleżjali—li jagħmilna lkoll flimkien tassew “Knisja Waħda, Vjaġġ Wieħed”—huwa li lkoll nkunu mmexxija mill‑istess Spirtu li dejjem jagħti l‑Ħajja u ħajja bil‑bosta. Huwa biss fil‑ħajja li jagħti l‑Ispirtu li l‑Knisja tissaffa u titkattar bħala dixxipli missjunarji ta’ Kristu f’pajjiżna. Huwa fl‑istess Spirtu li nsibu l‑kuraġġ li nimpenjaw ruħna b’mod kreattiv għas‑servizz tas‑Saltna t’Alla.
L‑għażla li l‑Isqfijiet joffru “proċess ta’ tiġdid ekkleżjali” tirrifletti wkoll diversi indikazzjonijiet espressi mill-Papa Franġisku stess li jisħaq li l‑Knisja għandha tibda proċessi fi spirtu ta’ dixxerniment u djalogu li jwasslu għall‑ħajja ġdida.
Għalhekk, fid‑dawl tal‑esperjenza tal‑pandemija COVID‑19, l‑Arċidjoċesi qed toffri dan il‑“Proċess ta’ Tiġdid Ekkleżjali” biex, f’dan iż‑żmien diffiċli wkoll inkomplu niktbu l‑istorja tal‑Knisja tagħna li bdiet bil‑miġja ta’ missierna San Pawl. Dan il‑“Proċess ta’ Tiġdid Ekkleżjali” jagħti l‑viżjoni, u l‑passi meħtieġa biex, waqt li lkoll nirriflettu fuqhom u ngħixuhom bil‑mod uniku tal‑komunitajiet tagħna, tassew li flimkien inkunu Poplu Pellegrin, “Knisja Waħda, Vjaġġ Wieħed.”