Kif imħabbar fl-Assemblea Djoċesana ta’ Novembru 2021, matul din is-sena, se nkunu qed niffukaw fuq it-tema Knisja li Tilqa’ biex inħaddnu iktar fil-fond il-kariżma tal-Knisja f’Malta bħala “Knisja ospitali” u hekk, mhux biss inwaqqgħu l-ħitan li jifirduna, imma nfejqu l-ġrieħi fir-ruħ u fil-ġisem bħala Poplu wieħed. B’attitudni ta’ rikonċiljazzjoni u ħniena, il-Knisja f’Malta “ssir bħal ‘ħobż li jinqasam’ u hekk tiskopri mill-ġdid is-sejħa oriġinali tagħha… li taqsam l-Aħbar it-Tajba billi taqdi lil kulħadd, bla ebda distinzjoni” (Knisja Waħda, Vjaġġ Wieħed).
Flimkien se niffukaw fuq ħames temi prinċipali:
- Il-migranti: biex infittxu li nilqgħu bi mħabba u b’impenn iktar sod lill-migranti kollha fostna, speċjalment dawk ġirien tagħna l-iktar fil-bżonn, u kif nistgħu nilħqu l-ħtiġijiet partikolari tagħhom.
- Ir-rikonċiljazzjoni politika: biex jitfejqu l-ġrieħi fl-istorja ta’ pajjiżna.
- Diakonia: biex nirriflettu dwar kif qed naqdu lill-persuni fqar u vulnerabbli kollha fil-komunitajiet tagħna u nwieġbu għall-ħtiġijiet tagħhom fi spirtu ta’ evanġelizzazzjoni.
- Safeguarding: biex fid-dawl tal-impenn tal-Knisja universali f’dan il-qasam, infejqu l-ġrieħi ta’ dawk li jħossuhom imweġġgħin mill-Knisja.
- Il-komunità LGBTIQ: nibnu fuq dak li beda fl-Assemblea Djoċesana 2021, biex b’mod konkret, permezz ta’ kliemna u għemilna, ħadd ma jħossu eskluż mill-komunità tal-Knisja.