Ħsibijiet mill-Isqof Joseph Galea-Curmi
1. X’nifhmu b’dixxerniment komunitarju?
- Dixxerniment personali: infittex ir-rieda ta’ Alla għal ħajti, jiġifieri Alla x’qed jitlob minni. Dak li hu jrid ikun l-aktar importanti.
- Dixxerniment komunitarju: flimkien infittxu r-rieda ta’ Alla għalina. L-aħjar li jsir hu meta l-membri kollha jkunu mħarrġin fid-dixxerniment personali u għalhekk jistaqsu: Alla x’qed jitlob minna bħala komunità?
- Xi jrid Alla minna bħala komunità nisranija llum? Din tkun il-prijorità qabel konsiderazzjonijiet oħra.
- Titlob konvinzjoni li l-Ispirtu ta’ Alla hu preżenti u qed jaħdem fina – permezz tat-talb flimkien, tal-ħidma flimkien, filwaqt li nisimgħu lil xulxin u nagħtu l-kontribut tagħna b’libertà u bi mħabba.
- Apostolicam Actuositatem: “Hu biss fid-dawl tal-fidi u fil-meditazzjoni tal-kelma ta’ Alla li wieħed jista’, dejjem u kullimkien, jagħraf lil Alla li fih ‘aħna ngħixu, nitħarrku u aħna’ (Atti 17,28), li f’kull ġrajja tal-ħajja jfittex li jaqra r-rieda tiegħu, li jara lil Kristu fil-bnedmin kollha, kemm dawk li huma fil-qrib kemm dawk li huma barranin, li jagħti bl-onestà kollha ġudizzju dwar il-veru valur u t-tifsira tal-ħwejjeġ temporali fihom infushom u safejn jistgħu jiswew biex iwasslu għall-fini tal-bniedem” (n. 4)
2. Ikona: dixxerniment fl-Atti tal-Appostli
- Atti 15,1-35: il-Konċilju ta’ Ġerusalemm. Proċess ta’ dixxerniment fi kwistjoni importanti għad-direzzjoni tal-Knisja tal-bidu.
- Iltaqgħu flimkien, diskussjoni twila, skiet fil-ġemgħa, qagħdu jisimgħu.
- Proċess b’konklużjoni: Qbilna bejnietna … lill-Ispirtu s-Santu u lilna dehrilna …
- Il-frott tal-Ispirtu ssiġilla d-deċiżjoni: ferħ u faraġ.
3. Attitudnijiet li jgħinu d-dixxerniment komunitarju
- Attitudnijiet importanti f’din it-tfittxija flimkien għar-rieda ta’ Alla:
- Fiduċja f’Alla. Li Alla jrid jurina t-triq u jgħinna naslu għal għażliet tajbin.
- Fiduċja f’xulxin.
- Libertà interjuri. Lil hinn minn kull preġudizzju, mill-ħerqa biex nuri li għandi raġun, minn deċiżjonijiet diġà mfassla. Ma nidħolx għal-laqgħa bid-deċiżjoni lesta, jgħid x’jgħid ħaddieħor.
- Smigħ veru. Attent. Nagħti widen. Ma jfissirx li naqbel ma’ dak li jingħad, imma nqisu, nagħtih valur.
- Parteċipazzjoni attiva. Kontra l-kultura ta’ ‘jagħmlu huma!’. Kontra l-passività.
- Spiritwalità ta’ komunjoni. Għarfien ta’ korresponsabbiltà.
4. Metodu ta’ dixxerniment komunitarju
- Tħejjija permezz tat-talb (trid tkun preżenza kontinwa tat-talb) u ta’ attitudnijiet tajbin.
- Tħejjija u riflessjoni personali qabel il-laqgħa fuq is-suġġett li se jkun ittrattat.
- Min imexxi l-laqgħa jrid imexxi sew il-proċess ta’ dixxerniment u joħloq klima tajba għal dan.
- Is-suġġett espost b’mod ċar. Preżentazzjoni tal-alternattivi.
- Kemm hu possibbli, jagħti l-opinjoni kulħadd, mhux biss min għandu ‘d-don tal-kelma’.
- Distinzjoni ċara bejn djalogu u dibattitu. F’dibattitu nkun naf diġà l-konklużjoni u l-ħsieb hu biss li nipperswadi lill-oħrajn jaqblu miegħi u li nattakka l-argumenti ta’ min ma jaqbilx miegħi. Djalogu hu meta f’attitudni ta’ smigħ ngħid dak li naħseb bil-libertà imma b’mod li qed nagħti s-sehem għal deċiżjoni aħħarija. F’ambjent ta’ djalogu ma noqogħdux inwieġbu lil xulxin.
- Irridu nfittxu l-valuri veri fil-kwistjoni li qed niddjalogaw fuqha.
- Jitniżżlu l-argumenti favur u kontra u jkun hemm żmien għall-kjarifiki.
- Fejn m’hemmx qbil minn kulħadd, jista’ jkun hemm ħtieġa ta’ aktar ħin.
- Jekk neċessarju, issir votazzjoni. Imma f’dan il-kuntest, il-votazzjoni mhix kwistjoni li tistabilixxi l-maġġoranza, imma indikazzjoni. Differenza bejn dixxerniment u demokrazija.
- Kulħadd hu importanti. Deċiżjoni tista’ titlaq minn kontribut ta’ wieħed/waħda.
- Naslu għal deċiżjoni. Proċess ma jridx ikun tqil b’mod li jaqta’ l-qalb.
- Id-dixxerniment hu proċess kontinwu. Iktar ’il quddiem, jista’ jkun hemm ħtieġa ta’ reviżjoni.
- Id-distinzjoni bejn decision-making u decision-taking. Hu r-ragħaj tal-komunità li, fi ħdan dan il-proċess, jieħu d-deċiżjoni u jerfa’ r-responsabbiltà.
5. Xi jfixkel id-dixxerniment komunitarju
- Meħtieġ eżami tagħna nfusna, u ta’ emozzjonijiet li jistgħu jfixkluna:
- Sfiduċja.
- Preġudizzji.
- Individwaliżmu – personali jew tal-grupp.
- Ras iebsa.
- Karattri diffiċli.
- Manuvri.
- Deċiżjonijiet diġà meħuda.
- Kunsilli ‘maskra’ ta’ komunjoni, mekkaniżmi mingħajr ruħ.
Konklużjoni
Id-djalogu f’dixxerniment komunitarju ma jfissirx li bilfors naslu għall-qbil komplet; jekk ikollna qbil minn kulħadd tant aħjar; iżda rridu wkoll inżommu quddiem għajnejna li fid-dixxernment spiritwali l-maġġoranza mhux bilfors tfisser l-aħjar għażla, għalhekk il-Latini kienu jgħidu: “maior pars non necessario sanior pars.”
Id-dixxerniment komunitarju fil-Knisja jitlob responsabbiltà personali biex wieħed jew waħda tasal biex tifforma ġudizzju dwar xi jrid Alla għall-komunità. Kull membru jrid jagħmel dan id-dixxerniment flimkien mal-oħrajn li qed ifittxu bħalu x’inhu l-aħjar jew x’jogħġob l-aktar lil Alla.