Il-Parroċċa ta’ San Pawl tar-Rabat Malta bdiet il-proċess ta’ tiġdid ekkleżjali fil-bidu tal-2019 wara li identifikat li hemm numru ta’ familji fil-bżonn kif ukoll persuni bla dar. Ir-realtà ta’ dawn il-persuni saret iktar evidenti matul ix-xhur milquta mill-pandemija. Il-faqar minn dejjem kien preżenti fil-parroċċa imma kien iktar moħbi. Il-persuni vulnerabbli huma Maltin u immigranti.
Bħalissa hemm ’il fuq minn 25 familja jew individwi li qed jibbenefikaw minn l-għajnuna. L-ammont ivarja skont l-immigranti u n-nies li ma jibqgħux bla dar, imma hemm ċerti każijiet li ma jinqatgħux mil-lista.
Wara li identifikat il-problema, il-parroċċa ddeċidiet issaħħaħ il-Kummissjoni Djakonija billi talbet li jingħaqdu nies ġodda fiha u b’hekk żdiedet għal seba’ membri. Intalbet l-għajnuna tal-LEAP u anke aġenzija oħra tal-Gvern biex tingħata iktar għajnuna ħolistika.
Bil-mod il-mod bdiet tinbena lista ta’ nies fil-bżonn kif ukoll beda jsir stħarriġ dwar każijiet li jaslu għand il-parroċċa. Il-parroċċa qed taħdem ukoll mal-iskola primarja fejn ġieli sarulha referimenti għal xi każijiet minn hemm.
Inbeda servizz ta’ counselling, fejn qed ikun hemm persuna disponibbli regolarment biex titkellem mal-klijenti. Għal dan is-servizz inħoloq post apposta fiċ-ċentru pastorali. Fl-istess ċentru ġiet dedikata wkoll kamra għat-tqassim dinjituż tal-oġġetti.
Sar ukoll ġbir ta’ ħwejjeġ ġodda u ikel. Id-donazzjonijiet saru mill-parruċċani kif ukoll minn kumpaniji. Barra minn hekk twaqqaf fond għall-karità biex jinxtraw oġġetti meħtieġa mill-klijenti li ma jirċivux mid-donazzjonijiet.
Din il-ħidma fil-parroċċa qed iġġib lil dawk kollha involuti iktar konxji ta’ kemm il-problema tal-faqar hi akuta. Il-parroċċa tħoss li ġabet lill-parruċċani iktar konxji tal-Poplu t’Alla għalkemm fadal ħafna xi jsir. Dan sar permezz tal-preżenza tal-qfief tal-ġbir tal-ikel kif ukoll avviżi regolari dwar nies vulnerabbli fil-parroċċa tagħhom.
Il-parroċċa tagħmel evalwazzjoni ta’ ħidmietha permezz tal-laqgħat tal-Kummissjoni kif ukoll permezz ta’ pariri mogħtija minn social workers u counsellors.
Ix-xewqa tal-parroċċa hi li jkun hemm iżjed nies professjonali li jgħinuha fil-ħidma tagħha kif ukoll tixtieq testendi l-għajnuna fejn hemm il-problema tad-droga minħabba li f’ċerti każijiet is-sitwazzjoni tal-faqar hi marbuta mad-droga.