Id-dokument Knisja Waħda, Vjaġġ Wieħed għall-proċess ta’ tiġdid ekkleżjali 2020-2024, jitkellem minn “proċess ta’ smigħ mas‑saċerdoti, reliġjużi u lajċi sabiex ninżlu aktar fil‑fond ta’ dak li tfisser il‑kelma li Kristu qed jgħid lill‑Knisja f’Malta permezz tas‑silta ta’ Għemmaws”. F’dan il-proċess, tissemma l-formazzjoni meħtieġa biex joħroġ frott bnin minn din il-mixja. F’dan l-impenn biex il‑Poplu ta’ Alla f’din il-Knisja f’Malta jsir Knisja waħda permezz tal‑laqgħa ma’ Kristu, irridu nagħtu prijorità lit‑talb bil‑Kelma ta’ Alla. Barra mir-reviżjoni tal-Bibbja biex ħarġet il-Ħames Edizzjoni online u stampata mill-Għaqda Biblika Maltija, id-Dipartiment tal-Iskrittura fi ħdan il-Fakultà tat-Teoloġija ħejja studju dettaljat u fil-fond tar-rakkont ta’ Għemmaws biex il-pedament ta’ dak kollu li joħroġ minn dan it-test evanġeliku jitqiegħed fuq eseġeżi soda.
It-terminu ‘eseġeżi’ ġej mill-Grieg ekségēsis, mill-verb eksēgeisthai, minn eks- (minn, ʼil barra minn), u agō (hu ħareġ). Mela eseġeżi hi x-xjenza li permezz tagħha wieħed jista’ joħroġ is-sens u t-tifsira ta’ test (f’dan il-każ, test tal-Bibbja, teknikament magħruf bħala ‘perikopa’). L-eseġeżi Biblika hi l-ispjega kritika jew interpretazzjoni ta’ perikopa biblika. Tradizzjonalment, it-terminu eseġeżi kien jintuża fuq kollox għal xogħol ta’ interpretazzjoni u tfissir tal-Bibbja. Il-fatt li l-kelma eseġeżi fil-Grieg tispiċċa b’ –sis – ekségēsis, turi li hi proċess, mhux interpretazzjoni, tifsira, li ħarġet darba u tibqa’ tajba u kompluta għal dejjem.
Mela l-eseġeżi hi l-analiżi attenta u kritika ta’ perikopa tal-Bibbja biex minnha l-interpretu, l-eseġeta – joħroġ il-messaġġ, is-sens, it-tifsira li ried jagħti l-awtur oriġinali.
Ix-xjenza tal-eseġeżi titlob firxa ta’ dixxiplini ta’ kritika wiesgħa ħafna. Ngħidu aħna: il-Kritika Testwali. Minħabba li l-Bibbja waslet għandna wara ħafna xogħol tal-kopisti li kienu jikkupjaw il-manuskritti, allura t-test tal-Bibbja għadda minn tibdiliet u żbalji intenzjonati u mhumiex. Il-Kritika Testwali, il-kritika tat-test oriġinali tal-Bibbja, tinvestiga l-istorja u l-oriġini tat-test li wasal għandna, imma l-eseġeżi trid ukoll tinkludi l-istudju tal-isfondi storiċi u kulturali tal-awturi, tat-test innifsu, u tal-udjenza/qarrejja oriġinali.
Analiżi oħra tat-testi bibliċi jinkludu l-klassifikazzjoni, it-tqassim, tal-forom letterarji jew ġeneri letterarji li nsibu fit-testi. Ngħidu aħna, għandna ġenealoġiji, l-arbli tar-razza, poeżiji u proża, salmi, miti (Ġob, Ġona), proverbji, evanġelji, atti, ittri, parabboli, mirakli, rakkonti ta’ sejħat, rakkonti ta’ disputi jew kontroversji, apokalissi. L-eseġeżi, imbagħad, ma tistax tgħaddi mingħajr l-analiżi grammatikali u sintattika tat-test oriġinali fil-Lhudi, l-Aramajk u l-Grieg. U lanqas tista’ ma tagħtix kas tat-taqbil tat-traduzzjonijiet, speċjalment dawk antiki: is-Sirjak, l-Etjopiku, l-Għarbi, il-Grieg tat-traduzzjoni Griega tal-Bibbja Lhudija, imsejħa tas-LXX, il-Vulgata Latina.
F’dan l-istudju eseġetiku tal-perikopa ta’ Għemmaws, l-eseġeti li ħadmu fuqu – Rev. Dr Martin Micallef OFM Cap., Rev. Dr Paul Sciberras, u Rev. Dr Marcello Ghirlando OFM, fittxew li jagħsru l-għanqud ta’ għeneb bnin tal-kelma ta’ Alla biex minnu joħorġu nbid tajjeb ta’ eseġeżi, teoloġija, katekeżi u spiritwalità biex il-Poplu t’Alla f’din il-Knisja jkun jista’ jissejjes fuq “il-fanal għal riġlejja u dawl fil-mogħdija” (Salm 109:115) tal-Kelma ta’ Alla.