Ħanut li jħaddan is-solidarjetà u l-ħarsien ambjentali
Il‑Knisja f’Malta, permezz tat‑Taqsima Djakonija, fetħet l‑ewwel thrift shop bl‑isem ta’ LOOP. L‑għan tal‑proġett hu li jagħti dinjità lill‑persuni li għaddejjin minn żmien diffiċli filwaqt li tinħoloq kuxjenza ambjentali u solidarjetà mal‑proxxmu.
Il‑ħanut, li jinsab fi Triq Melita fil‑Belt Valletta, kantuniera mal‑Knisja ta’ San Franġisk t’Assisi fi Triq ir-Repubblika, joffri għażla vasta ta’ ħwejjeġ u aċċessorji second‑hand bi prezz imraħħas. Il‑ħwejjeġ, li jingħataw b’donazzjoni, jiġu ċċekkjati mill‑voluntiera qabel ma jintbagħtu fil‑faċilità tal‑ħasil ta’ ħwejjeġ li LOOP għandha fil‑Kalkara biex imbagħad jitpoġġew fuq l‑ixkafef tal‑ħanut.
Waqt l‑inawgurazzjoni u t‑tberik ta’ dan il‑proġett, il‑Vigarju Episkopali għad‑Djakonija, Mons. Charles Cordina, enfasizza dwar l‑impatt kbir li tħalli kull xirja minn dan il‑ħanut. Spjega li kull xirja mhux biss tkun qed tagħti dinjità lill‑persuni li qed igawdu minn dan il‑proġett iżda tikkontribwixxi wkoll biex jitnaqqas it‑tniġġis ikkawżat mill‑produzzjoni eċċessiva tal‑ħwejjeġ. Mons. Cordina qal li filwaqt li kulħadd jista’ jixtri dawn il‑ħwejjeġ, il‑persuni fil‑bżonn u li jiġu megħjuna mill‑parroċċi għandhom l‑opportunità jakkwistawhom bi prezz imraħħas.
Sina Bugeja, il-kordinatriċi ta’ LOOP, qalet li l-kappillani huma fost l-aktar persuni fis-soċjetà Maltija li jiltaqgħu ma’ każijiet soċjali. Saħqet li din hi waħda mir-raġunijiet għaliex għandhom jingħataw l-għajnuna kollha meħtieġa sabiex jgħinu lin-nies fil-bżonn fil-parroċċi tagħhom.
Il‑President tal‑Kulleġġ tal‑Kappillani, Dun Mario Mangion qal li dan hu proġett ieħor tal‑Knisja li jgħin il‑ħidma soċjali fil‑parroċċi u jagħti dinjità lill‑persuna. Huwa qal li l‑inizjattivi ta’ LOOP qed iwieġbu għall‑bżonnijiet li s‑saċerdoti u l‑voluntiera jiltaqgħu ta’ kuljum magħhom fil‑parroċċi. Dun Mario saħaq li dan il‑ħanut huwa wkoll frott tal‑ġenerożità tal‑poplu Malti, li ma jħalli qatt waħdu lil min qiegħed jbati.
Il‑ħanut Loop ikun miftuħ kuljum mit‑Tnejn sas‑Sibt mit‑8:30am sas‑1:30pm. Kull min jixtieq jgħin bħala voluntier f’dan il‑proġett u fi proġetti soċjali oħra mmexxija mit‑Taqsima Djakonija jista’ jidħol fuq djakonija.org/join jew jibgħat messaġġ fuq +356 79795254.