Nhar il-Ħadd 12 ta’ Frar 2023, inġabru 843 kaxxa affarijiet bażiċi u essenzjali mill-parroċċi f’Malta għall-popli tat-Turkija u s-Sirja. L-oġġetti kienu jinkludu 97 kutra u 12-il heater. L-affarijiet inġarru fi 17-il vjaġġ fil-vannijiet sabiex ingħataw lill-Protezzjoni Ċivili. L-inizjattiva kienet koordinata mill-Arċidjoċesi ta’ Malta permezz tal-Fondazzjoni Opri Soċjali u l-ħidma ta’ aktar minn 100 voluntier.
L-affarijiet inġabru fiċ-ċentri tal-parroċċi tal-Qawra, l-Iklin, il-Mosta, Birżebbuġa, il-Gżira u Ħal Għaxaq. Għadd ta’ voluntiera mill-parroċċi l-Kunċizzjoni fil-Ħamrun, iż-Żurrieq, Ħal Balzan, u Kristu Re f’Raħal Ġdid ħadu sehem biex jinġarru l-affarijiet lejn dawn iċ-ċentri wkoll.
Sadattant Caritas Malta f’kollaborazzjoni ma’ Caritas Internationalis għadha qed tappella għal donazzjonijiet fi flus għal dawn iż-żewġ pajjiżi milquta mit-terremot. L-għajnuna se tissarraf f’ikel, ilma, akkomodazzjoni, oġġetti għall-iġjene personali u xelter għal min tilef kollox. Agħfas hawn biex tara kif tista’ tagħmel donazzjoni fi flus jew ċempel 22199000 għal iktar informazzjoni.
Is-Salesjani f’Malta wkoll qed jiġbru donazzjonijiet fi flus għal Aleppo fis-Sirja. Agħfas hawn għal aktar dettalji jew ċempel fuq 99296552.