Tag Archives: Knisja li takkumpanja

Website b’database tas-servizzi ta’ akkupmanjament

Bħala parti mill-ħidma tat-tim ta’ Knisja li takkumpanja matul l-aħħar sena, ġie mniegħdi sit elettroniku b’database aċċessibli għall-dawk kollha involuti fil-pastorali u l-ħdima tal-Knisja biex ikollhom meżż li jkunu jafu bl-akkumpanjament li diġà huwa offrut sabiex ikun jista’ jirreferi skond il-bżonn personali tagħha/tiegħu, kif ukoll biex jirreferi lil xi ħadd ieħor li jiltaqa miegħu matul il-pastorali jew fil-ħajja ta’ kuljum. Din l-informazzjoni issaħħaħ ukoll il-kollaborazzjoni bejn l-entitajiet li joffru tipi simili ta’ akkumpanjament.

Assemblea 2022: Inkunu qrib ta’ xulxin bl-istil tal-Evanġelju

Jitnieda l-proċess ‘Knisja li Takkumpanja’ fl-Assemblea Djoċesana 2022

L-Arċidjoċesi ta’ Malta nediet it-tielet sena ta’ proċess ekkleżjali ‘Knisja Waħda, Vjaġġ Wieħed: Knisja li Takkumpanja’. Dan sar waqt l-Assemblea Djoċesana annwali, fejn instemgħu esperjenzi varji dwar kif il-Knisja qed takkumpanja lin-nies fid-diversi ċirkustanzi ta’ ħajjithom. L-esperjenzi kienu jinkludu akkumpanjament li jsir fl-iskejjel mal-istudenti, l-għalliema, l-ġenituri u l-impjegati; u akkumpanjament fil-parroċċi fosthom mal-familji u ma’ dawk li ġarrbu xi telfa; u akkumpanjament mas-saċerdoti stess.

Dwar il-fażi ta’ akkumpanjament, l-Isqof Awżiljarju Joseph Galea-Curmi, qal: “Il-ħsieb hu li ngħinu biex l-oqsma differenti tal-Knisja f’Malta matul is-sena d-dieħla joħorġu b’inizjattivi kreattivi u siewja fejn jidħol l-akkumpanjament. Dejjem hi ta’ sfida għalina, imma hi importanti li ngħaqqdu flimkien il-kreattività mal-unità fid-direzzjoni u fil-ħidma”. Kien għalhekk li stieden lill-istituzzjonijiet differenti fil-Knisja f’Malta sabiex ikunu ispirati minn din it-tema u bil-kreattività tagħhom jaħdmu flimkien bħala Knisja waħda.

L-Isqof Awżiljarju Joseph Galea-Curmi spjega wkoll kif il-proċess ekkleżjali Knisja Waħda, Vjaġġ Wieħed hu esperjenza li jgħaqqadna bis-sħiħ mal-esperjenza ta’ sinodalità li l-Papa Franġisku nieda għall-Knisja universali fl-2021 u għandu jwassal għal outreach f’missjoni. Żied jgħid li l-proċess inqasam fuq erba’ aspetti u kull sena l-Knisja qed tiffoka u tinżel fil-fond fuq aspett partikulari.

Matul il-jumejn tal-Assemblea ngħata wkoll rendikont ta’ x’sar matul il-proċess ekkleżjali Knisja Waħda, Vjaġġ Wieħed din is-sena, li kien dwar ‘Knisja li tilqa’’. Il-grupp li ħadem fuq din il-fażi tal-proċess kellu jifhem aħjar kif il-Knisja f’Malta tista’ tkompli tilqa’ u tkun qrib il-persuni migranti, LGBTIQ+, persuni li sofrew minn xi forma ta’ abbuż, persuni mwarrba minħabba l-faqar, u persuni li fil-passat sofrew minħabba kwistjonijiet politiċi. Il-grupp li kien qed jaħdem ma’ dawn in-nies ħareġ bi proposti konkreti ta’ x’jista’ jsir fis-snin li ġejjin.

L-Assemblea Djoċesana ntemmet b’messaġġ mill-Arċisqof Charles Scicluna. Hu spjega li f’dan il-proċess irridu niskopru min se jakkumpanja lil min, kif, fejn u meta se jsir l-akkumpanjament. Jagħti eżempju ta’ kif jista’ jsir l-akkumpanjament bl-eżempju tal-istorja ta’ Għemmaus, fejn Ġesù daħal fis-sitwazzjoni tad-dixxipli, semagħhom, staqsiehom u dderiġihom mingħajr ma impona lilu nnifsu. Żid jgħid li hu proċess fejn inkunu qrib ta’ xulxin, bħalma Alla hu qrib tagħna, bla ma ħadd iħossu superjuri fuq ħadd.

L-Arċisqof qal li dan għandu jkun akkumpanjament “li ma jiċħad il-libertà ta’ ħadd imma jeduka għall-imħabba, għall-ferħ u għall-paċi” u li permezz tiegħu “nkunu qrib ta’ xulxin bl-istil tal-Evanġelju, bil-viċinanza, bit-tenerezza u anki b’ħafna ħniena u ħafna kompassjoni”.

Madwar 200 parteċipant attendew fiżikament jew virtwalment għall-Assemblea fis-sala taċ-ĊAK f’Birkirkara. Aktar tagħrif dwar il-proċess Knisja Waħda, Vjaġġ Wieħed jinsab fuq vjagg.knisja.mt.

Tagħrif u riżorsi oħra marbuta mal-Assemblea Djoċesana

Riflessjonijiet mill-Ordni Karmelitan Sekulari Fraternità Mdina

L-Ordni Karmelitan Sekulari Fraternità Mdina organizza laqgħa virtwali fis-16 ta’ Frar 2021ispirata mill-irtir li sar fil-11 ta’ Ottubru 2020 bit-tema ‘Knisja waħda, Vjaġġ wieħed: kif il-Karmelitan Sekulari jissieħeb illum f’dan il-Vjaġġ’. Il-partċipanti matul il-laqgħa rriflettew fuq id-dokument tal-Knisja f’Malta għall-programm pastorali tas-snin li ġejjin.

Ir-riflessjonijiet dwar id-dokument:

B’dan id-dokument, il-Knisja f’Malta qegħda timpenja ruħha b’mod serju biex tiġġedded u tpoġġi fil-prattika it-tagħlim tal-Konċilju Vatikan II, fejn kien ippropona tiġdid radikali fil-Knisja billi nirreferu lura għall-ħajja nisranija fl-ewwel żminijiet tal-Knisja, u naraw kif l- Ispirtu ta’ Alla kien mexxa l-ewwel komunitajiet Insara sabiex jevanġelizzaw l-Aħbar it-Tajba. L-istess Konċilju enfasizza li dan l-eżerċizzju ta’ tiġdid jista’ jitwettaq biss bil-għajnuna tal-Kotba Mqaddsa, fejn nistgħu nisimgħu lil Alla jkellimna. Għalina Karmelitani dan hu punt tat-tluq importanti għax aħna msejħin biex ngħixu kuljum “lejl u nhar bil-ħsieb tal-Liġi/Kelma tal-Mulej… li għandha tgħammar f’qalbna u f’fommna” kif tgħammar ir-Regula Karmelitana u tapplikah għalina r-Regula OKS. Għaldaqstant dan hu mument ta’ grazzja għalina l-Karmelitani, għax nistgħu ngħinu lill-Knisja f’pajjiżna tisma’ l-Kelma, tixtarr il-Kelma, titlob il-Kelma u tħalliha titlaħħam fl-issa tal-istorja.

X’post għandha l-Kelma ta’ Alla f’ħajti u fil-fraternità tiegħi? Nitħarreġ fil-Lectio Divina?

Il-Konċilju Vatikan II kien sejjaħ il-Knisja bħala “misteru.” U għax hi misteru ma nistgħux inpoġġu limiti fejn tibda jew tispiċċa. Għalhekk, ikollna nużaw mudelli/tixbihat, sabiex nifhmu x-xogħol u r-rwol tal-Knisja fis-socjetà. Fil-fatt l-istess Konċilju jagħti erba’ mudelli, meħuda mill-Kotba Mqaddsa ta’ x’inhi jew xi tfisser l-Knisja: merħla (ara Iż. 40:11; Eż. 34:11-29; Ġw 10:1-10), għalqa (ara Iż. 5:1-7, Mt. 21:33-43, I Kor 3:9), bini ta’ Alla (I Kor 3:9; Mt. 21:42), u relazzjoni familjari, jiġifieri omm (ara Gal 4:26; Ap. 12:17) u l-għarusa ta’ Kristu (Ap. 19:7; 21:2, 9; 22:17).

Dan id-dokument ‘Knisja Waħda, Ragħaj Wieħed’ ukoll jissuġġerixxi mudell ta’ kif għandha tkun il-Knisja, meħud ukoll mill-Kotba Mqaddsa: Knisja li takkumpanja, li toħroġ sabiex tiltaqa’, tisma’ u tgħin lil kulħadd, fuq l-eżempju ta’ Sidna Ġesù Kristu meta mar jiltaqa’ maż-żewġ dixxipli tiegħu fit-triq ta’ Għemmaws. Dan il-mudell jippreżenta viżjoni ħajja ta’ kif għandha tkun il-Knisja billi fuq l-imitazzjoni tal-Imgħallem Divin, tpoġġi lilha nnifisha għad-diżpożizzjoni ta’ kulħadd bl-istess mod li Ġesù ta ħajtu għalina.

Bħala Knisja waħda, dan id-dokument għandu rabta partikolari mal-viżjoni tal-Papa Franġisku, kif inhi espressa b’mod partikolari fl-Eżortazzjoni Appostolika Evangelii Gaudium. Importanti ħafna hu s-suġġeriment kif dan il-proċess ta’ dixxerniment u tiġdid għandu jsir fil-prattika. Id-dokument jitkellem ċar: “It-tiġdid li qed ikun propost mhux xi ħaġa li se tkun “imposta” minn fuq għal isfel, imma se jkun tasew proċess ħaj li jikber b’mod organiku fl-aspetti kollha tal-Knisja f’Malta” (p. 2). Il-kliem “mhux … “imposta” minn fuq għal isfel” u “proċess ħaj li jikber b’mod organiku” juruna li t-tiġdid irid ikun magħmul b’mod ħieles u attiv, li jinkludi lil kulħadd, lil organi u membri kollha tal-Ġisem Mistiku ta’ Sidna Ġesù Kristu – mhux l-ewwel jiddixxernu l-awtoritajiet tal-Knisja, imbagħad jiddettawh lill-kumplament tal-Knisja, iżda jrid ikun proċess fejn kulhadd hu inkluż, sabiex il-Knisja tkun tista’ tuża d-doni u l-kariżmi kollha li l-Ispirtu s-Santu jżejjen lil-livelli kollha tal-Knisja.

Il-proċess irid ikun wieħed relazzjonali fejn kulħadd iħoss il-ħtieġa ta’ tiġdid u jaqsam dan it-tiġdid mal-Knisja kollha, jibda fil-komunità li jagħmel parti minnha, u din il-komunità tgħaddih lill-komunitajiet l-oħra. La l-proċess hu organiku ma jistax isir fuq bażi individwali biss, iżda irid ikun hemm sens ta’ sharing u belonging. Huma dawn li jagħmluna Knisja Waħda taħt Ragħaj Wieħed.

Il-fraternità li hi l-qafas fejn tista’ tingħex il-komunjoni jew l-għaqda tal-qlub fi Kristu hi wkoll element importanti fil-ħajja tal-Karmelu. Għall-grazzja ta’ Alla l-Fraternità tagħna fl-Imdina hemm sens qawwi u sabiħ ta’ fraternità mhux biss bejn it-Terzjarji Sekulari iżda wkoll f’għaqda mar-Reliġjużi patrijiet u t-Terz Ordni Regulari kif ukoll għarfien tal-Klawstrali Karmelitani li kellna x-xorti niltaqgħu magħhom. Innutajna l-esperjenzi pożittivi ta’ sens kbir fratern mat-Terzjarji f’Licata, fil-Bolivja u wkoll l-aħwa mill-Olanda li lqajniehom fostna jew żorniehom biex nitgħallmu minn xulxin.

Mill-Fraternità Universali napprezzaw iktar il-fraternità lokali għax ma nħossuniex waħedna. Lill-Knisja f’Malta nistgħu noffrulha dak li aħna f’dan il-vjaġġ billi nsaħħu l-fraternità u nkunu xhieda awtentiċi li “fejn hemm tnejn jew tlieta miġbura f’isem Ġesù hemm hu jinsab fostna:

  • fraternità mibnija madwar il-Kelma ta’ Alla
  • fraternità Ewkaristika
  • fraternità Marjana li hija spazju miftuħ li jilqa’ lil Alla u lill-aħwa minħabba fih
  • fraternità kontemplattiva li tħalli lil Alla jibdilha u jittrasformaha f’sagrament tas-Saltna ta’ Alla fost il-bnedmin: (ara l-ittra tal-Pirjol Ġenerali: Komunità li titlob fost il-poplu)

Xi tfisser għalija l-fraternità? Kif qed ngħixha? Kif qed nixhed għaliha? Kif nista’ ngħixha aħjar b’mod effikaċi?

Punt ieħor importanti li qam waqt il-laqgħa kien dwar il-mod kif il-Knisja trid timita lil Ġesù. Fin-narrattiva tal-laqgħa ta’ Ġesù maż-żewġ dixxipli fit-triq ta’ Għammaws, id-dokument jiddistingwi erba’ tappi:

  1. Ġesù imur jiltaqa’ mad-dixxipli
  2. Hu jisma’ l-uġigħ tagħhom
  3. Hu jakkumpanjahom fit-triq, u, wara l-esperjenza personali li iż-żewġ dixxipli kellhom ta’ Ġesù permezz tat-tagħlim tal-Iskrittura Mqaddsa u l-Ewkaristija
  4. Hu jqanqalhom u jqawwihom biex joħorġu jxandru l-Aħbar it-Tajba tal-esperjenza li huma kellhom ta’ Ġesù, jiġifieri, li Hu ħaj, rebbieħ fuq il-mewt u l-limiti tal-ħolqien.

Fuq l-imitazzjoni ta’ din “l-ikona ta’ Għammaws,” il-Knisja trid tisma’, tilqa’/tiltaqa’, takkumpanja u toħroġ. Dawn għandhom ikunu l-erba’ pilastri/attivitajiet, tal-Knisja fis-soċjetà tagħna. L-ewwel nett, il-Knisja teħtieġ li tisma’ lil Alla jkellimha permezz tal-Kotba Mqaddsa. Kif qal il-Papa Franġisku li “jeħtieġ nitrawmu kontinwament fis-smigħ tal-Kelma” (Evangelii Gaudium, n. 174). Hu permezz tas-smigħ tal-Kelma t’Alla li sseħħ fina bidla ġenwina, li aħna jkollna l-forma ta’ Ġesù Kristu.

Id-dokument jikkwota lill-Papa Franġisku: “Jekk ma niqfux naħsbu fuq il-Kelma t’Alla fl-Iskrittura; jekk ma niġux iffurmati f’xebh ma’ Kristu billi nfittxu li niltaqgħu miegħu fl-istejjer konkreti tal-Evanġelju, widnejna jittarxu, għajnejna jingħalqu u qalbna tibbies għal dik il-grazzja li Alla jixtieq iferra’ fina. Mingħajr il-Kelma ħajja ta’ Alla, ninxfu u mmutu” (Evangelii Gaudium, n. 31).

U dan is-smigħ tal-Kelma irid isir b’determinazzjoni u kontinwu. Għaliex importanti s-smigħ tal-Kelma ta’ Alla kontinwament mill-Knisja? Fir-rakkont ta’ Għemmaws, Ġesù jisma’ l-weġgħat li ż-żewġ dixxipli kienu jġorru f’qalbhom, it-telfa li għadhom kemm esperjenzjaw, id-diżorjentament u l-biża’ li waqgħet fuqhom. Imbaghad, l-Imghallem Divin ifarraġhom billi idur lejn l-Kotba Mqaddsa u jispjegalhom kif Alla tkellem permezz ta’ Mosè u tal-profeti, u li l-Messija kellu jbati u jiġi gglorifikat. Kienet ċanfira żgħira, bħal donnhom iż-żewg dixxipli nsew x’hemm miktub fl-Iskrittura. Ġesù hu l-Verb ta’ Alla (ara Ġw 1, 14, 18). Il-kelma “verb” timplika djalogu bejn żewġ persuni jew aktar.

Fil-fatt Alla, aktar milli hu Kelma, nom – hu Verb, għax Alla hu azzjoni. Għalkemm Alla jibqa’ dejjem traxxendentali, iżda hu wkoll imminenti u attiv fl-istorja tal-umanità. Alla niżel fl-istorja tal-bniedem, għax ried isir sar ħaġa waħda magħna l-bnedmin meta ħa l-ġisem, demm u ruħ umana permezz tal-Imbierka Verġni Marija. Alla twaħħad magħna fil-persuna ta’ Ġesù Kristu u jibqa’ jaħdem maghna u fostna permezz tal-Ispirtu s-Santu u l-Knisja, l-ġisem mistiku ta’ Ġesù għal ġid tal-bnedmin u l-ħolqien kollu.

Għalhekk, kif jgħidilna San Irinew, Alla l-Missier għandu żewġ idejn, Ġesù Kristu u l-Ispirtu s-Santu, li permezz tagħhom jaħdem fid-dinja. Għalina Karmelitani, is-smigħ u l-meditazzjoni tal-Kotba Mqaddsa hu fundamentali sabiex niġġeddu u ninbidlu fi Kristu ieħor: “L-Iskrittura trattab l-ebusija ta’ qalbna, tiftaħna għall-ieħor u għal dawk li Alla ħabbhom sa mill-bidu… Meta tiltaqa’ mal-Kelma, qalbna tinfetaħ u toħroġ ’il barra minnha nfisha” (p. 31).

Permezz tas-smigħ, il-Knisja tkun mimlija bl-Ispirtu ta’ Ġesù li joħroġha biex tiltaqa’ mal-oħrajn u xxandar l-esperjenza tagħha ta’ Kristu Rxoxt, il-ġrajja misterjuza li ssalva lid-dinja u tisboq il-ħolqien kollu. Din il-ġrajja ta’ qawmien tqawwi u tagħti kuraġġ lill-membri tal-Knisja sabiex jinfetħu għall-oħrajn: “L-ewwel ħaġa fil-komunikazzjoni mal-oħrajn, hi l-ħila tal-qalb li tersaq qrib ħaddiehor, li mingħajrha ma teżisti l-ebda laqgħa spiritwali vera. Is-smigħ jgħinna nagħrfu liema hu l-ġest jew il-kelma t-tajba li tħarrikna mill-qagħda trankwilla ta’ spettaturi” (Evangelii Gaudium, n. 171).

Waqt il-laqgħa, ħareġ l-importanza li l-membri kollha tal-Knisja jeħtieġu li jpoġġu lilhom infushom b’mod sħiħ għad-dispożizzjoni tal-oħrajn, il-ħtieġa tal-ftuħ u aċċettazzjoni għall-oħrajn, hekk kif il-Maestà Tiegħu, kif tħobb issejjaħlu Santa Tereża ta’ Ġesù, għamel matul ħajtu kollha. Diżpozizzjoni tfisser li tkun lest/a li tisma’ l-uġigħ u l-feriti tal-oħrajn, li tiftaħ djalogu ta’ mħabba għal ħaddieħor. U dan jgħodd mhux biss ma’ dawk li nafu jew ta’ ġewwa, iżda l-Knisja trid toħroġ fil-periferiji, mal-immigranti, ma’ dawk li huma waħedhom, mal-abbużati, ma’ dawk li ma għandhomx vuċi fis-soċjetà.

F’dan ir-rigward, waqt il-laqgħa, ingħatat l-importanza li l-Knisja, bħal San Pawl, trid tasal biex tistqarr fil-verità: “Sirt kollox ma’ kulħadd, biex insalva lil kulħadd” (I Kor. 9:22). Il-Knisja trid ukoll tilqa’. “Li tilqa tfisser li ddawwar il-ħarsa tiegħek ’il barra minnek innifsek biex tassew tara lill-ieħor jew oħra kif inhuma” (p. 32).

Dan jimplika li l-Knsija trid tkun lesta li tieħu “riskju”; hekk kif kull relazzjoni ġġib magħha l-element ta’ riskju tal-abbuż mis-sinċerità ta waħda mill-partijiet. Importanti li l-membri tal-Knisja jilqgħu ma’ kull min jiltaqgħu sabiex huma wkoll ikollhom esperjenza tal-ħniena ta’ Alla.

Il-Knisja trid tkun mezz ta’ fejqan, u dan irid isir b’mod ħolistiku. Ma nistgħux nifirdu l-ispiritwali mill-materjali. Il-firda tar-ruħ mill-ġisem hi falza. Ir-ruħ hi espressjoni tal-persuna totali, hi żżomm u tgħaqqad l-organi u l-fakultajiet tal-ġisem. Għalhekk, l-ispiritwalità trid tiġi kkonkretizzata u murija fil-ħajja ordinarja ta’ kuljum u jeħtieg li l-Knisja tgħin lil kull min hu fil-bżonn f’kull livell ta’ ħajja. Il-Knisja trid ukoll tilqa’ l-kultura ta’ kull pajjiż u poplu. Alla jikxef lilu nnifsu fl-istorja tal-bniedem, li jfisser fil-kultura u tradizzjoni ta’ poplu, hekk kif għamel mal-poplu Lhudi.

Id-dokument jitkellem fuq l-Inkulturazzjoni tal-fidi. It-tħabbir tal-Evanelju għandu jsir billi l-Knsja tisma’ u titħarreġ fil-kultura tal-pajjiż, biex tkun tista’ tinfiltra u twassal l-Aħbar it-Tajba, fl-istess l-kultura, l-istituzzjonijiet u t-tradizzjonijiet tal-pajjiż li jikbru u jiżviluppaw matul l-istorja ta’ ġens.

“Poplu ‘inkarnat’ hu poplu ‘kolt’ (‘ikkultivat’) b’għeruq li jinżlu fil-fond fl-art, b’zokk ewlieni b’saħħtu li kiber fl-istorja, u bil-friegħi li jinfirxu ’l barra f’atti ta’ qima (cultus) li jagħtu l-frott” (p. 9-10). B’hekk il-kultura tal-pajjiż, iz-zokk li kiber fl-istorja jixrob l-ikel mill-għeruq sabiex il-friegħi, kultura u tradizzjoni u drawwwiet ta’ poplu, jissaħħu u jkunu jistgħu jagħtu l-frott.

Fuq l-eżempju ta’ Sidna Ġesù Kristu, il-Knisja trid takkumpanja. Il-kelma takkumpanja ġejja minn cum+pane, jiġifieri taqsam il-ħobż ma’. Dan il-moviment hu biss possibbli jekk il-Knisja jkolla r-rieda li tingħata biex ħaddieħor isir aħjar. Li takkumpanja lil ħaddieħor ifisser li tkun lest tagħmel spazju għal djalogu sinċier u riskjuż, mal-persuna l-oħra, li tista’ tittradik. Id-dokument jgħid: “L-akkumpanjament jitlob il-kuraġġ li timxi ma’ persuna oħra tul it-triq perikoluża imma meħtieġa li twassal mill-mewt għat-twelid mill-ġdid” (p. 33). Akkumpanjament isir billi l-gwida spiritwali jimxi hu wkoll mixja spiritwali ta’ mħabba kif kien isir fil-bidu tal-Knisja meta għalliem matur fil-ħajja spiritwali kien iservi biex jgħallem u jwassal lill-katekumenu għas-sagrament tal-Magħmudija. Biex tiġġedded u takkumpanja, il- Knisja meħtieġ li toħroġ taqsam il-ħobż ta’ kuljum mal-bnedmin biex twassal l-esperjenza tagħha ta’ Ġesù Kristu Rxoxt li jsir għalina ħobż li jittiekel.

In-natura essenzjali tal-Knisja hi missjunarja: għandha mandat, ordni, minn Ġesù nnifsu li toħrog twassal il-Kelma ta’ Alla f’kull roqgħa fid-dinja. Importanti nifhmu li Ġesù, l-ewwel waqqaf il-Knisja mbagħad irxoxta, u wara ta l-ordni lid-dixxipli biex imorru jgħallmu. Fil-bidu tal-missjoni tiegħu, Ġesù għażel 12-il-appostlu kif ukoll 72 dixxiplu sabiex imorru jxandru l-Kelma ta’ Alla.

Ix-xandir tal-esperjenza li d-dixxipli għandhom ta’ Ġesù Kristu, l-kairos evanġeliku, hi karatteristika fundamentali tal-ewwel dixxipli ta’ Ġesù Kristu, u mhix xi ħaġa miżjuda. Għalhekk, hu fil-pjan ta’ Alla li l-Knisja tikkoltiva kontinwament attitudni ta’ ħruġ u ta’ inklussività sabiex twassal l-Aħbar it-Tajba, jiġifieri t-tgħanniqa tal-imħabba, ħniena u kompassjoni, li hi esperjenzjat fil-persuna unika ta’ Sidna Ġesù Kristu. Minn dan joħroġ li l-Knisja trid toqgħod attenta li ma tispiċċax aljenata meta tħossha komda fi strutturi, forom u drawwiet, li għalkemm kienu tajbin għal xi żmien partikolari, iżda mal-medda taż-żmien, spiċċaw aljeni mill-kultura u l-ħsibijiet tas-soċjetà kontemporanja li kontinwament tinbidel.

Importanti li dejjem inżommu f’moħħna l-kliem ta’ Ġesù Kristu: “Ħadd ma jaqta’ biċċa drapp minn libsa ġdida biex biha iraqqa’ waħda qadima” u “inbid ġdid iqegħduh f’damiġġani ġodda” (Lq. 5:36, 38). Id-dokument Knisja waħda, Vjaġġ wieħed jikkwota l-kliem tal-Papa Franġisku: “Hi din l-attitudni ta’ ħruġ li tgħin lill-Knisja tieħu r-riskju li tmur fil-periferiji jew fl-ambjenti soċjo-kulturali ġodda, li tfittex dawk li huma imbiegħda, u li tkun dejjem lesta tħalli l-kriterju pastorali komdu ta’ ‘għax dejjem hekk sar’” (Evangelii Gaudium, 33).

Hi l-missjoni tal-Knisja li tkun ta’ strument sabiex iddewwi l-ġrieħi ta’ dawk li huma fil-periferji – l-għażla tal-Knisja hi dejjem l-għażla favur il-foqra, li ma jfissirx biss dawk li jbatu minn faqar materjali iżda wkoll dawk li għadhom isofru minn weġgħat tal-passat, fejn hemm relazzjonijiet imkissra, dawk li huma emarġinati u mwarrbin mis-socjetà, dawk li huma waħedhom, oħrajn li jbatu minn trawmi u abbużi tat-tfulija. Hu d-dmir tal-Knisja li taqra s-sinjali taz-żminijiet u twassal l-Aħbar it-Tajba b’mod li l-ispiritwalità Nisranija tgħin sabiex l-bniedem jiżviluppa b’mod sħiħ.

Il-Knisja trid tkun bħal dik il-mara Samaritana, li wara l-esperjenza li kellha ta’ Ġesù, ħalliet kollox u marret tagħti xhieda tal-laqgħa li kellha mal-Imgħallem Divin. Matul il-laqgħa, issemma l-importanza li kull tiġdid u dixxerniment irid isir permezz ta’ talb personali u komunitarju, kontemplazzjoni u skiet. Irridu wkoll nagħtu importanza lis-sagramenti, speċjalment l-Ewkaristija, li tgħaqqadna flimkien u permezz tagħha nkunu nistgħu, verament u bla kundizzjoni, nagħtu lilna nfusna lil oħrajn kif Ġesù ta lilu nnifsu għalina.

X’nista’ nagħmel jien personalment fil-fraternità u fl-ambjent fejn ngħix bħala Terzjarju sabiex inkun xhud ta’ Knisja li tisma’, tilqa’, takkumpanja u toħroġ ixxandar l-Evanġelju? Kif qed nagħmel dan? Il-Fraternità?

Ma rridux ninsew li l-proċess ta’ tiġdid mhuwiex xi proġett uman, iżda jrid ikun imqanqal mill-Ispirtu s- Santu li juri x’inhu l-pjan ta’ Alla għal żmien partikolari fl-istorja ta’ poplu. Għalhekk, kull dixxerniment irid isir b’sottomissjoni għal Ġesù Kristu u għall-Ispirtu s-Santu. Bil-kelma “sottomissjoni” ma għandniex nifhmu kmand mogħti minn awtorità dittatorjali, iżda aċċettazzjoni ħielsa u b’lealtà għall-Kelma ta’ Alla, mibnijin fuq il-persważjoni li Alla ma jrid xejn ħlief il-ġid sħiħ tagħna, kif missier u omm jixtiequ l-aħjar lil uliedhom.

Dan jimplika li d-deċiżjonijiet ma għandhomx isiru skont il-kriterji umani iżda f’sintonja mal-Ispirtu s-Santu. Irridu dejjem inżommu f’moħħna li huwa l-Ispirtu ta’ Alla li qed jaħdem permezz tal-Knisja, li jiffurmana biex insiru Kristu ieħor, naħsbu, nitkellmu u naġixxu fuq l-eżempju ta’ Ġesù Kristu. Ġaladarba dan il-proċess hu ħidma tal-Ispirtu s-Santu, allura aħna rridu nkunu lesti li nistennew għax il-frott mhux dejjem narawh mill-ewwel.

Il-ħtieġa li nistennew: attendere Deum, kif jgħallmuna l-mistiċi Karmelitani. Irridu wkoll inkunu konxji li Alla hu sorpriża u, allura, irridu nkunu dejjem attenti għal dak li Alla jkun irid minna. Għalhekk irridu nibqgħu b’qalbna miftuħa għall-Ispirtu s-Santu li dejjem iżżejjen lill-membri tal-Knisja b’kariżmi u doni differenti fid-diversi dimensjonijiet tagħha: saċerdotali, ħajja kkonsagrata, movimenti spiritwali, parroċċi, u anke individwali.

Importanti li niddixxernu dawn il-kariżmi u d-doni fil-poplu ta’ Alla, nindunaw bihom u nagħtuhom spazju biex jitħaddmu, sabiex bihom tikber u tinxtered is-Saltna t’Alla. Hu importanti li dawn il-kariżmi u doni jitqassmu fil-Knisja kollha għall-ġid komuni spiritwali u materjali tal-membri kollha tal-Knisja.

Id-dokument jissuġġerixxi li d-dixxerniment irid isir fuq żewġ livelli:

Fuq livell orizzontali: diġà semmejna l-inkulturazzjoni, Knisja li toħroġ sabiex twassal is-salvazzjoni ta’ Ġesù u ddewwi l-ġrieħi ta’ dawk li soffrew inġustizzji u tbatija, mingħajr ma tirriduċi lilha nnifisha għal xi aġenzija tal-karità.

Fuq livell vertikali: il-Knisja trid tpoġġi dan il-proċess ta’ tiġdid f’kuntest eskatoloġiku, li jmur lil hinn mill-ispazju u żmien, għalkemm jitwettaq fid-dinja u fiż-żmien. Kull dixxerniment irid jitwettaq fl-isfond tat-Tieni Miġja ta’ Sidna Ġesù, billi ngħaqqdu u ngħixu l-issa fl-istennija tal-aħħar taż-żminijet, meta l-ħolqien kollu jiġi mifdi u gglorifikat u jerġa’ lura għand il-Missier permezz ta’ ħuna l-kbir Ġesù Kristu.

Webinar 1: Knisja Waħda, Vjaġġ Wieħed

Il‑Kummissjoni ‘Knisja Waħda, Vjaġġ Wieħed’ fi ħdan l‑Arċidjoċesi ta’ Malta organizzat webinar nhar l‑Erbgħa 27 ta’ Jannar 2021. Din il‑laqgħa kienet ippreseduta mill‑Arċisqof Charles Scicluna u għaliha attendew diversi rappreżentanti u mexxejja ta’ kummissjonijiet u entitajiet tal‑Knisja.

Matul il‑laqgħa tnediet il‑website li tinkludi riżorsi u tagħrif dwar id-dokument ta’ tiġdid pastorali tal‑Arċidjoċesi ta’ Malta bit‑tema Knisja Waħda, Vjaġġ Wieħed, kif ukoll saru preżentazzjonijiet ta’ ħidmiet li bdew jew tlestew diġà, b’rabta mal‑istess dokument. Dawn jinkludu l‑inizjattiva kateketika online għat‑tfal bil‑website Bekids.mt, il‑ħames edizzjoni tal‑Bibbja bil‑Malti stampata kif ukoll fuq app mill‑Għaqda Biblika Maltija, il‑proġett Fehmiet fuq il‑Kattoliċiżmu mill‑Istitut ta’ Riċerka Discern, l‑eseġeżi tar‑rakkont ta’ Għemmaus mid‑Dipartiment tal‑Iskrittura fi ħdan il‑Fakultà tat‑Teoloġija, proġetti mid‑Djakonija Unit fi ħdan il‑Caritas mal‑parroċċi u entitajiet djoċesani tad‑djakonija biex jgħinu lill‑fqir u l‑batut fil‑komunità, gwida mqassra għall‑pastorali taż‑żgħażagħ bil‑Malti u bl‑Ingliż mill‑Malta Catholic Youth Network (MCYN), ir‑rapport Midd idek għall‑Fqir mill‑entitajiet fi ħdan is‑Segretarjat Djakonija u r‑rapport Beyond GDP mill‑Kummissjoni Ġustizzja u Paċi flimkien ma’ entitajiet oħra.

Il‑kelliema tal‑webinar kienu membri mill‑MCYN; il‑Forum Għaqdiet Lajċi; Discern; il‑Vigarjat Djakonija; il-Kummissjoni Ġustizzja u Paċi flimkien ma’ Centesimus Annus, Fokolari, EY u Seed Consultancy; u l‑Vigarjat Episkopali għall‑Evanġelizzazzjoni.

L‑għan tal‑laqgħa kien li tingħata informazzjoni dwar il‑proċess ta’ tiġdid ekkleżjali, filwaqt li jitħeġġu sinerġiji ġodda bejn l‑entitajiet fil‑Knisja. Tnieda wkoll filmat li jispjega l‑għeruq Insara tal‑poplu Malti, ir‑realtà tal‑fidi li tħaddan is‑soċjetà Maltija llum u l‑istedina għal dan il‑proċess b’ħarsa lejn futur imnebbaħ mill‑Ispirtu s‑Santu.

Il‑proċess ta’ tiġdid ekkleżjali Knisja Waħda, Vjaġġ Wieħed tnieda mill‑Arċisqof fis‑7 ta’ Ġunju 2020.  Dakinhar huwa sejjaħ lill‑entitajiet kollha tal‑Knisja f’Malta – parroċċi, kongregazzjonijiet reliġjużi, skejjel, moviment tal‑lajċi, familji u oħrajn – biex jagħmlu tagħhom din il‑viżjoni u jidħlu f’dan il‑vjaġġ ta’ tiġdid.

Wara t-tnedija tad-dokument, l-Arċisqof waqqaf kummissjoni ta’ koordinament, immexxija mill-Isqof Awżiljarju, li qed tara li jitwettaq dan il‑proċess, kif ukoll tħeġġeġ il‑kontribut ta’ nies impenjati fil‑knisja u persuni oħra minn diversi realtajiet tas‑soċjetà Maltija.

Żur https://vjagg.knisja.mt/#timeline biex issir taf aktar dwar il-ħidmiet b’rabta mad-dokument.

Isma’ lil Mariella Catania mill-Kummissjoni ‘Knisja Waħda, Vjaġġ Wieħed’ fl-intervista ma’ Joe Dimech fuq Radju Malta, dwar dan il-proċess ekkleżjali u l-webinar.

Eseġeżi tar‑rakkont ta’ Għemmaws

Id-Dipartiment tal-Iskrittura fi ħdan il-Fakultà tat-Teoloġija ħejja studju dettaljat u fil-fond tar-rakkont ta’ Għemmaws biex il-pedament ta’ dak kollu li joħroġ minn dan it-test evanġeliku jitqiegħed fuq eseġeżi soda. L-eseġeżi nkitbet minn Rev. Dr Martin Micallef OFM Cap., Rev. Dr Paul Sciberras, u Rev. Dr Marcello Ghirlando OFM.

Biex tara l-eseġeżi agħfas hawn.

Ħidma mid-Djakonija Unit fi ħdan il-Caritas, mal-parroċċi u entitajiet djoċesani tad-djakonija fil-komunità

Id-Djakonija Unit fi ħdan il-Caritas taħdem biex jikber il-koordinament u ssaħħaħ is-servizzi ta’ sostenn għad-djakonija fil-parroċċi. Dan tagħmlu flimkien ma’ bosta entitajiet oħra imma speċjalment mas-Segretarjat Djakonija, is-Segretarjat Parroċċi, il-Kulleġġ tal-Kappillani u l-Kummissjoni Migranti, St Jeanne Antide Foundation, Millenium Chapel, Institute Paolo Freire u s-Segretarjat Assistenza Soċjali, Fondazzjoni Sebħ (tim ta’ ħidma soċjali fil-komunitajiet tal-Ħamrun u l-Marsa). Bħalissa qed taħdem fuq għadd ta’ proġetti. Diversi parroċċi diġà bdew jerfgħu wkoll responsabbiltajiet ta’ koordinament f’din il-ħidma, fosthom il-parroċċi ta’ Marsaskala, il-Qawra u San Ġiljan li jirrappreżentaw ukoll ir-reġjuni tad-djoċesi. Flimkien dawn jaħdmu fuq għadd ta’ proġetti, fosthom:

  • Database komuni ta’ benefiċċjarji ta’ għajnuniet bażiċi (ikel, ħwejjeġ, bżonnijiet ta’ tindif)
  • Intrapriża soċjali li ssaħħaħ u tikkordina r-riżorsi u s-servizzi mogħtija fil-komunitajiet waqt li toħloq pjattaforma għall-ħidma volontarja, u fond ċentrali biex issostni d-djakonija fil-parroċċi. Din se tinkorpora: il-proġett Solidarity Kitchens id f’id mal-Fondazzjoni Alfred Mizzi, ħanut, u laundry fost l-oħrajn.
  • Servizz ta’ sostenn ta’ ħidma soċjali għall-kappillani
  • Servizz ta’ xiri ta’ ikel u ħwejjeġ tat-tindif li jitqassmu lin-nies fil-bżonn bl-ingrossa
  • Diskussjonijiet biex jitnieda servizz ta’ sostenn professjonali għad-dispożizzjoni tal-ħidma tad-djakonija fil-parroċċi

Dawn il-proġetti huma frott ta’ ħidma ta’ laqgħat regolari li saru ma’ kappillani, ħidmiet u inizjattivi tad-djakonija fil-parroċċi, u kummissjonijiet djakonija parrokkjali li bdew f’Marzu 2020. Hemm madwar 40 voluntier involut fil-proġetti fuq ħidma ta’ kull ġimgħa jew ġimagħtejn. It-Taqsima Djakonija qed tittama li tilħaq lis-70 parroċċa u l-bqija tal-entitajiet djoċesani.

Kull ġimagħtejn ssir laqgħa online li tlaqqa’ rappreżentanti mill-Fondazzjoni St Jeanne Antide, Millenium Chapel, Institute Paolo Freire, Segretarjat Assistenza Soċjali, Fondazzjoni Sebħ (tim ta’ ħidma soċjali fil-komunitajiet tal-Ħamrun u l-Marsa), il-Caritas Social work & Counselling Unit, u rappreżentanti tal-ħidma tad-djakonija tal-parroċċi ta’ San Ġiljan u Marsaskala. Matul il-laqgħat inħass li jingħata bidu għal dawn il-proġetti wara li ġew diskussi dawn l-ideat u bżonnijiet:

  • Aħna lkoll aħwa benefatturi u benefiċċjarji ta’ xulxin.
  • Anke jekk nista’ nagħti biss ftit, dak il-ftit huma l-muniti tax-xwejħa tal-parabbola, li l-Mulej jbierek u jkattar.
  • Għandna bżonn li naddattaw għall-possibbiltà li l-volontarjat naqas mal-knisja fir-realtà tad-dinja tal-lum.
  • Hemm bżonn naħdmu id f’id ma’ professjonijiet ġodda, u jkollna komunikazzjoni ma’ professjonijiet li naħdmu magħhom spalla ma’ spalla fil-ħidma tad-djakonija.
  • Ix-xewqa li l-ħidma tad-djakonija ma tibqax ta’ ftit nies fil-kummissjoni djakonija imma li ssir tassew parti interna ta’ kull nisrani – kulħadd bil-mod tiegħu – waqt li l-kummissjoni tkun realtà li tkun xprun u toffri sostenn, gwida u parir professjonali għad-diversi ħidmiet tad-djakonija fil-parroċċa.
  • Għandna barka fid-diversità u l-ammont ta’ ħidmiet organizzati li diġà jeżistu fi ħdan il-parroċċi u l-entitajiet djoċesani ta’ djakonija fil-komunità u tkun ħasra jekk dil-ħidma kollha ma tkunx msaħħa permezz ta’ koordinament, tisħiħ ta’ riżorsi, it-taħriġ u sostenn adegwat lill-kappillani u l-operaturi pastorali tad-djakonija.

Bħalissa t-Taqsima tad-Djakonija fil-Parroċċi tinsab fl-aħħar stadju li titnieda l-Kummissjoni Djoċesana Djakonija b’rappreżentanza tal-kummissjonijiet djakonija tal-parroċċi u l-Kulleġġ tal-Kappillani. Dan kollu qed iservi bħala bażi ta’ komunikazzjoni, koordinament u tisħiħ biex il-ħidma tkun tassew msejsa fuq dixxerniment u azzjoni komunitarja.

Bekids.mt: website ta’ formazzjoni kateketika għaż-żgħar

Bekids.mt inħolqot mis-Segretarjat għall-Katekeżi u Spiritual Development in Schools, bil-għajnuna mis-Segretarjat għall-Edukazzjoni Nisranija, il-Kummissjoni Djoċesana Tfal, is-Soċjetà Duttrina Nisranija, is-Segretarjat għall-Parroċċi u t-Technology Development Unit fl-Arċidjoċesi ta’ Malta, b’koordinament mill-Vigarjat għall-Evanġelizzazzjoni. Din tnediet f’Marzu tal-2020 fil-bidu tal-lockdown tal-pandemija tal-Covid-19. Minn dak iż-żmien kompliet toħloq kontenut kull ġimgħa bi tnedija ta’ website ġdida f’Awwissu 2020 u sħubija mal-Malta-CatholicBrain f’Ottubru 2020. B’kollox hemm madwar 30 persuna involuti fil-ħolqien u l-amministrazzjoni tal-website.

L-idea għall-website ġiet minħabba li waqt il-lockdown tal-pandemija nħass il-bżonn ta’ riflessjoni fuq il-formazzjoni Nisranija tat-tfal fil-Knisja domestika, fil-parroċċa u fl-iskejjel. U ttieħdet id-deċiżjoni li ssir xi ħaġa dwar formazzjoni Nisranija għat-tfal, f’realtà ta’ pandemija, li tibda mill-familja u li ssaħħaħ lill-istess familja.

L-għan tagħha hu li toffri formazzjoni kateketika komprensiva għat-tfal u għall-preadolexxenti u hi maħduma biex tgħin lill-ġenituri, lill-katekisti u lil dawk kollha responsabbli mill-formazzjoni fil-fidi taż-żgħar.

It-tama hi li Bekids.mt tkun l-ewwel pass fil-mogħdiija ta’ formazzjoni ta’ dak li jkun mill-bidu sa tmiem il-ħajja. Il-website kulma jmur dejjem qiegħda tikber grazzi għall-kontenut li qed toffri kif ukoll bin-nies kollha li qiegħda dejjem tkompli tipprova tilħaq.

Il-proċess fil-Parroċċa ta’ Santa Venera

Il-Parroċċa Santa Venera bdiet il-proċess ta’ tiġdid ekkleżjali wara l-Assemblea Djoċesana tal-2019 bl-involviment tal-Kunsill Pastorali Parrokkjali u kummissjonijiet. Ix-xewqa tal-parroċċa hi li tkun komunità Nisranija mibnija fuq Ġesù li tgħix f’nofs il-poplu b’kulturi u ideat differenti.

Tqassam kwestjonarju f’kull dar fil-parroċċa fejn ingħatat l-opportunità biex il-parruċċani jaqsmu ħsibijiethom. It-tweġibiet ġew diskussi fil-laqgħat tal-Kunsill Pastorali Parrokkjali u Kummissjonijiet.

Il-parroċċa tinsab fil-proċess li tanalizza r-risposti u tara x’azzjoni konkreta se tieħu fuqhom u wara tippreżentahom lill-membri tal-parroċċa. Il-proċess ħa iktar fit-tul milli ppjanat minħabba l-pandemija.

Il-parroċċa qed tagħmel l-evalwazzjoni ta’ ħidmietha permezz tal-laqgħat tal-Kunsill Pastorali Parrokkjali.

Għajnuna lill-vulnerabbli mill-Parroċċa ta’ San Pawl fir-Rabat

Il-Parroċċa ta’ San Pawl tar-Rabat Malta bdiet il-proċess ta’ tiġdid ekkleżjali fil-bidu tal-2019 wara li identifikat li hemm numru ta’ familji fil-bżonn kif ukoll persuni bla dar. Ir-realtà ta’ dawn il-persuni saret iktar evidenti matul ix-xhur milquta mill-pandemija. Il-faqar minn dejjem kien preżenti fil-parroċċa imma kien iktar moħbi. Il-persuni vulnerabbli huma Maltin u immigranti.

Bħalissa hemm ’il fuq minn 25 familja jew individwi li qed jibbenefikaw minn l-għajnuna. L-ammont ivarja skont l-immigranti u n-nies li ma jibqgħux bla dar, imma hemm ċerti każijiet li ma jinqatgħux mil-lista.

Wara li identifikat il-problema, il-parroċċa ddeċidiet issaħħaħ il-Kummissjoni Djakonija billi talbet li jingħaqdu nies ġodda fiha u b’hekk żdiedet għal seba’ membri. Intalbet l-għajnuna tal-LEAP u anke aġenzija oħra tal-Gvern biex tingħata iktar għajnuna ħolistika.

Bil-mod il-mod bdiet tinbena lista ta’ nies fil-bżonn kif ukoll beda jsir stħarriġ dwar każijiet li jaslu għand il-parroċċa. Il-parroċċa qed taħdem ukoll mal-iskola primarja fejn ġieli sarulha referimenti għal xi każijiet minn hemm.

Inbeda servizz ta’ counselling, fejn qed ikun hemm persuna disponibbli regolarment biex titkellem mal-klijenti. Għal dan is-servizz inħoloq post apposta fiċ-ċentru pastorali. Fl-istess ċentru ġiet dedikata wkoll kamra għat-tqassim dinjituż tal-oġġetti.

Sar ukoll ġbir ta’ ħwejjeġ ġodda u ikel. Id-donazzjonijiet saru mill-parruċċani kif ukoll minn kumpaniji. Barra minn hekk twaqqaf fond għall-karità biex jinxtraw oġġetti meħtieġa mill-klijenti li ma jirċivux mid-donazzjonijiet.

Din il-ħidma fil-parroċċa qed iġġib lil dawk kollha involuti iktar konxji ta’ kemm il-problema tal-faqar hi akuta. Il-parroċċa tħoss li ġabet lill-parruċċani iktar konxji tal-Poplu t’Alla għalkemm fadal ħafna xi jsir. Dan sar permezz tal-preżenza tal-qfief tal-ġbir tal-ikel kif ukoll avviżi regolari dwar nies vulnerabbli fil-parroċċa tagħhom.

Il-parroċċa tagħmel evalwazzjoni ta’ ħidmietha permezz tal-laqgħat tal-Kummissjoni kif ukoll permezz ta’ pariri mogħtija minn social workers u counsellors.

Ix-xewqa tal-parroċċa hi li jkun hemm iżjed nies professjonali li jgħinuha fil-ħidma tagħha kif ukoll tixtieq testendi l-għajnuna fejn hemm il-problema tad-droga minħabba li f’ċerti każijiet is-sitwazzjoni tal-faqar hi marbuta mad-droga.

Mixja flimkien minn entitajiet lajċi

Wara li bejn Jannar u Frar 2018,  numru ta’ lajċi  ħadu sehem f’kors ta’ żewġ laqgħat dwar id-dixxerniment  li tmexxa minn Prof. Edward Warrington, grupp ta’ parteċipanti ħassew il-ħtieġa li jitkompla dak li nbeda. Kien hemm ix-xewqa ta’ aktar tisħiħ fid-dixxerniment , ftuħ  għal xulxin u għar-realtajiet ta’ madwar, u rieda li jaraw l-Ispirtu t’Alla  fejn jixtieq imexxihom.

Il-grupp magħmul minn 12-il membru li jirrappreżentaw l-Istitut ta’ Formazzjoni Pastorali (PFI), il-FORUM tal-Għaqdiet u l-Movimenti, il-Malta Catholic Youth Network (MCYN), il-Komunitajiet ta’ Ħajja Nisranija (KĦN) , kif ukoll membru li mhix parti minn entità tal-Knisja.

Il-grupp s’issa organizza tliet laqgħat  li kienu immirati l-aktar għad-diriġenti u r-rappreżentanti tal-għaqdiet membri tal-FORUM.  Dawn huma mħeġġa jaqsmu l-esperjenza li jkunu għexu waqt il-laqgħat mal-membri kollha tal-għaqdiet tagħhom. Kien hemm  preżenti wkoll  lajċi oħrajn.  L-Isqof Joseph Galea-Curmi akkumpanja  l-mixja li saret f’dawn il-laqgħat:

  • Friegħi ta’ Siġra Ħajja (Settembru 2019 bit-tema ‘Sinodalità’)
  • L-istess Spirtu, Kariżmi Varji (Frar 2020)
  • Knisja Waħda, Vjaġġ Wieħed (Settembru 2020)

Il-proġett nibet  mix-xewqa tal-Fraternità Charles de Foucauld li jitħarrġu fid-dixxerniment bil-għajnuna tal-PFI. Il-grupp ma fassalx pjan fit-tul, iżda ħalla s-sinjali ta’ madwaru jinterpellawh. Għaraf il-ħtieġa li nies minn gruppi differenti joħorġu min-niċeċ tagħhom u jiskopru aħjar is-sejħat u l-kariżmi tagħhom u ta’ xulxin biex jinfetħu għal dak li Alla jkun qed jitlob minnhom. Il-grupp koordinattiv twessa’ u laqa’ fih nies minn għaqdiet differenti, waqt li ħadem biex, bejn il-membri irawwem sens ta’ għaqda  li għandha l-għajn tagħha fil-Komunjoni Trinitarja.
Il-grupp baqa’ dejjem miftuħ għas-sinjali li  jintebaħ  bihom. F’dinja ta’ firdiet, jagħraf bis-sħiħ is-sehem li jista’ jagħti bix-xhieda ta’ unità fid-diversità, ta’ responsabbiltà  u għarfien reċiproku dwar is-sejħa u l-missjoni ta’ xulxin.

Il-Kelma tal-Arċisqof  fl-Assemblea Djoċesana 2018, wasslet għal  għarfien ġdid dwar is-sinodalità fil-ħajja u l-missjoni tal-Knisja  u l-grupp ħass il-ħtieġa li  jidħol f’din id-dinamika. Fil-laqgħat li organizza dejjem ta spazju għall-kontemplazzjoni, li flimkien mad-dixxerniment, għandha post ċentrali fid-dokument ‘Knisja Waħda Vjaġġ Wieħed’.

L-evalwazzjoni li ssir wara kull attività tgħin fid-dixxerniment meħtieġ biex il-grupp jibqa’ miexi ’l quddiem skont dak li l-Ispirtu t’Alla jitlob minnu. Fost il-membri jinħass li kiber is-sens komunitarju, l-għarfien u l-apprezzament reċiproku tal-kariżmi tal-gruppi differenti, inkluż dawk tagħhom stess. Dan wassal għal aktar rispett fost il-gruppi u sens ta’ ftuħ biex il-membri  jesprimu ruħhom b’libertà akbar. B’hekk fil-grupp kiber is-sens ta’ Knisja li jimla lill-membri bit-tama u l-fiduċja, kwalitajiet tant meħtieġa f’dawn iż-żminijiet, biex inħarsu ’l quddiem għat-twettiq ta’ dan il-Vjaġġ.

Il-grupp issa jinsab fl-istadju li jidħol fil-proċess imniedi mid-dokument Knisja Waħda, Vjaġġ Wieħed. Irid li jkun miftuħ għal dak li jiġi propost biex hu jkun jista’ jagħti sehmu f’din il-mixja ta’  Knisja Waħda. Filwaqt li jgħin biex il-membri tal-għaqdiet u oħrajn ikomplu jagħmlu dan il-‘Vjaġġ Wieħed’, jixtieq ikompli jaħdem biex jissaħħu l-kapaċitajiet tal-membri tal-għaqdiet u lajċi oħra ħalli jintegraw l-attitudnijiet bażiċi tad-dokument (Knisja li tisma’, tilqa’, takkumpanja, toħroġ). Dan kollu fi djalogu u b’koordinament mal-Kummissjoni ‘Knisja Waħda, Vjaġġ Wieħed’.


Diskorsi li saru fil-laqgħat

Kontemplazzjoni fuq is-sinjal tat-tkattir tal-ħobż minn Edward Warrington

Is-Sinodalità mill-Isqof Joseph Galea-Curmi

Friegħi ta’ Siġra Ħajja – Konklużjoni minn Edward Warrington

Il‑Kariżmi fi ħdan il‑Knisja Komunjoni mill-Isqof Joseph Galea-Curmi