Tag Archives: It-tisħiħ tal-pedamenti: il-laqgħa ma’ Kristu u d-dixxerniment

‘Read Think Speak’ mill-MCYN

Read Think Speak hi serje ta’ laqgħat li jagħmlu parti mill-proċess tas-smigħ li l-Knisja f’Malta qed tagħmel skont id-dokument ‘Knisja Waħda, Vjaġġ Wieħed’. Bħala entità tal-Arċidjoċesi, il-Malta Catholic Youth Network (MCYN) ħasset il-bżonn li tipprattika verament il-‘Knisja li Tisma’’. L-għan ewlieni ta’ dawn il-laqgħat huma li jisimgħu x’għandhom xi jgħidu ż-żgħażagħ, mexxejja ta’ gruppi taż-żgħażagħ u kappillani. Minkejja li dawn il-laqgħat qed isiru online minħabba r-restrizzjonijiet tal-pandemija, xorta qed ikunu opportunita biex żgħażagħ minn gruppi differenti jsiru jafu lil xulxin.

Il-proġett beda fi Frar 2021 u għadu għaddej. Kull xahar, l-MCYN tiltaqa’ ma’ żewġ gruppi ta’ żgħażagħ differenti għal laqgħa informali fejn it-team, il-mexxejja u ż-żgħażagħ jaqsmu l-esperjenzi tagħhom fil-laqgħa tagħhom ma’ Kristu, li hi l-aktar ħaġa li l-MCYN rat li tat frott minn dawn il-laqgħat. Fil-laqgħat jiġu diskussi wkoll temi mill-proċess ta’ ‘Knisja Waħda, Vjaġġ Wieħed’.

Kull laqgħa tinvolvi bejn 10 u 20 ruħ minn parroċċi jew komunitajiet lajċi differenti. Sa Awwissu 2021 l-MCYN iltaqgħet ma’ 123 ruħ, xi ħaġa li ma kinitx issir kieku mhux għall-koperazzjoni u d-dedikazzjoni tal-bosta mexxejja taż-żgħażagħ f’parroċċi differenti.

F’Malta hawn iktar minn 100 grupp ta’ żgħażagħ u l-għan tal-MCYN hu li jilħquhom kollha ftit ftit. Ir-rispons s’issa kien pożittiv u l-parteċipanti esprimew il-gratitudni tagħhom li ngħataw l-ispazju fejn jaqsmu u jisimgħu l-esperjenzi ta’ gruppi differenti. Permezz ta’ dan, iż-żgħażagħ u l-gruppi jesperjenzaw is-similaritajiet u d-differenzi ta’ bejniethom bħala individwi kif ukoll bħala gruppi. Ħafna drabi l-għarfien ta’ dawn id-differenzi jagħmel lill-Knisja aktar rikka.  

Webinar 1: Knisja Waħda, Vjaġġ Wieħed

Il‑Kummissjoni ‘Knisja Waħda, Vjaġġ Wieħed’ fi ħdan l‑Arċidjoċesi ta’ Malta organizzat webinar nhar l‑Erbgħa 27 ta’ Jannar 2021. Din il‑laqgħa kienet ippreseduta mill‑Arċisqof Charles Scicluna u għaliha attendew diversi rappreżentanti u mexxejja ta’ kummissjonijiet u entitajiet tal‑Knisja.

Matul il‑laqgħa tnediet il‑website li tinkludi riżorsi u tagħrif dwar id-dokument ta’ tiġdid pastorali tal‑Arċidjoċesi ta’ Malta bit‑tema Knisja Waħda, Vjaġġ Wieħed, kif ukoll saru preżentazzjonijiet ta’ ħidmiet li bdew jew tlestew diġà, b’rabta mal‑istess dokument. Dawn jinkludu l‑inizjattiva kateketika online għat‑tfal bil‑website Bekids.mt, il‑ħames edizzjoni tal‑Bibbja bil‑Malti stampata kif ukoll fuq app mill‑Għaqda Biblika Maltija, il‑proġett Fehmiet fuq il‑Kattoliċiżmu mill‑Istitut ta’ Riċerka Discern, l‑eseġeżi tar‑rakkont ta’ Għemmaus mid‑Dipartiment tal‑Iskrittura fi ħdan il‑Fakultà tat‑Teoloġija, proġetti mid‑Djakonija Unit fi ħdan il‑Caritas mal‑parroċċi u entitajiet djoċesani tad‑djakonija biex jgħinu lill‑fqir u l‑batut fil‑komunità, gwida mqassra għall‑pastorali taż‑żgħażagħ bil‑Malti u bl‑Ingliż mill‑Malta Catholic Youth Network (MCYN), ir‑rapport Midd idek għall‑Fqir mill‑entitajiet fi ħdan is‑Segretarjat Djakonija u r‑rapport Beyond GDP mill‑Kummissjoni Ġustizzja u Paċi flimkien ma’ entitajiet oħra.

Il‑kelliema tal‑webinar kienu membri mill‑MCYN; il‑Forum Għaqdiet Lajċi; Discern; il‑Vigarjat Djakonija; il-Kummissjoni Ġustizzja u Paċi flimkien ma’ Centesimus Annus, Fokolari, EY u Seed Consultancy; u l‑Vigarjat Episkopali għall‑Evanġelizzazzjoni.

L‑għan tal‑laqgħa kien li tingħata informazzjoni dwar il‑proċess ta’ tiġdid ekkleżjali, filwaqt li jitħeġġu sinerġiji ġodda bejn l‑entitajiet fil‑Knisja. Tnieda wkoll filmat li jispjega l‑għeruq Insara tal‑poplu Malti, ir‑realtà tal‑fidi li tħaddan is‑soċjetà Maltija llum u l‑istedina għal dan il‑proċess b’ħarsa lejn futur imnebbaħ mill‑Ispirtu s‑Santu.

Il‑proċess ta’ tiġdid ekkleżjali Knisja Waħda, Vjaġġ Wieħed tnieda mill‑Arċisqof fis‑7 ta’ Ġunju 2020.  Dakinhar huwa sejjaħ lill‑entitajiet kollha tal‑Knisja f’Malta – parroċċi, kongregazzjonijiet reliġjużi, skejjel, moviment tal‑lajċi, familji u oħrajn – biex jagħmlu tagħhom din il‑viżjoni u jidħlu f’dan il‑vjaġġ ta’ tiġdid.

Wara t-tnedija tad-dokument, l-Arċisqof waqqaf kummissjoni ta’ koordinament, immexxija mill-Isqof Awżiljarju, li qed tara li jitwettaq dan il‑proċess, kif ukoll tħeġġeġ il‑kontribut ta’ nies impenjati fil‑knisja u persuni oħra minn diversi realtajiet tas‑soċjetà Maltija.

Żur https://vjagg.knisja.mt/#timeline biex issir taf aktar dwar il-ħidmiet b’rabta mad-dokument.

Isma’ lil Mariella Catania mill-Kummissjoni ‘Knisja Waħda, Vjaġġ Wieħed’ fl-intervista ma’ Joe Dimech fuq Radju Malta, dwar dan il-proċess ekkleżjali u l-webinar.

Il-ħames edizzjoni tal-Bibbja ppublikata

L-Għaqda Biblika Maltija ppubblikat il-ħames edizzjoni tal-Bibbja bil-Malti riveduta skont l-aħħar studji mill-biblisti Maltin fis-60 anniversarju mit-twaqqif tagħha. Il-Bibbja għandha sservi ta’ gwida għall-formazzjoni ta’ kull Nisrani.

Din il-ħames edizzjoni ġiet stampata fi tliet formati differenti: edizzjoni standard (€38), edizzjoni kompatta (€30) u edizzjoni speċjali (€45). Dawn jistgħu jinxtraw mill-Kurja tal-Arċisqof, il-Furjana, mit-Tnejn sal-Ġimgħa bejn it-8am u t-3:30pm, bl-eċċezzjoni tal-Ħamis. L-edizzjoni standard u dik kompatta huma disponibbli wkoll mil-librara u distributuri ewlenin tal-kotba.  

Il-Bibbja bil‑Malti hija ukoll disponibbli fuq l‑app tal‑Bibbja popolari YouVersion għall‑iOS u Android. Agħfas hawn għal aktar dettalji.

Ħidma mill-MCYN

Il-Malta Catholic Youth Network (MCYN) ilha li bdiet il-ħidma tagħha minn Ġunju tal-2020. F’Diċembru ppubblikat il-gwida mqassra għal mal-pastorali taż-żgħażagħ bil-Malti u bl-Ingliż u fi Frar li ġej se jibdew l-ewwel laqgħat biex jinbeda l-proċess tas-smigħ. Dawn se jsiru ma’ gruppi taż-żgħażagħ varji, movimenti u parroċċi biex jisimgħu liż-żgħażagħ dwar id-diversi passi mniżżla fil-proċess ekkleżjali.

L-idea prinċipali hi li jisimgħu lil xulxin u li permezz tat-talb jagħrfu dak li Alla qed isejħilhom għalih. Din l-idea ġiet għaliex hi x-xewqa tal-MCYN biex iż-żgħażagħ ikunu parti minn dal-proċess mal-Knisja sħiħa u għaliex ħafna drabi ż-żgħażagħ ma jħossuhomx mismugħa. Is-Sinodu tal-Isqfijiet tal-2018 enfasizza, kif dejjem enfasizza l-Papa Franġisku, l-importanza tas-sinodalità minn kull persuna fi ħdan il-Knisja. Peress li l-Knisja hi tagħna ż-żgħażagħ ukoll, il-MCYN xtaqet li kull żagħżugħ/a jkollhom ċans li jesprimu dak li hemm f’qalbhom u f’moħħhom li qed jgħidilhom Ġesù.

Wara l-ewwel pass tal-proċess tas-smigħ, li se jieħu kważi sena u nofs minħabba il-pandemija, se ssir evalwazzjoni ma’ xi żgħażagħ dwar x’passi konreti se jittieħdu kif iż-żgħażagħ flimkien u magħqudin mal-Knisja sħiħa jistgħu verament jimxu din il-mixja.

Il-MCYN tittama li bejn parroċċi u gruppi tilħaq mal-2,500-3,500 ruħ.

Il-Bibbja bil-Malti fuq l-app YouVersion

L‑Għaqda Biblika Maltija, li lestiet il‑ħames edizzjoni tat‑traduzzjoni tal‑Bibbja mil‑lingwi oriġinali għall‑Malti, ħadmet ukoll biex it‑test ikun parti mill-app tal-Bibbja popolari YouVersion għall-iOS u Android.

Bħala parti mis‑servizzi tagħha, YouVersion toffri mhux biss it‑traduzzjoni l‑iktar riċenti tal‑Għaqda Biblika Maltija, imma wkoll l‑opportunità ta’ talb kuljum mill‑Iskrittura, u riżorsi oħra għat‑tfal, żgħażagħ u kbar.

Il‑Bible App tal‑YouVersion, li tintuża fuq iktar minn 415 miljun smartphone, tablet u laptop, tista’ titniżżel b’xejn.

Niżżel il-Bible App issa

Ħidma tal-Kummissjoni Ġustizzja u Paċi

Wara li rat id-dokument tal-proċess ta’ tiġdid ekkleżjali, il-Kummissjoni Ġustizzja u Paċi bdiet numru ta’ kollaborazzjonijiet b’relazzjoni ma’ entitajiet oħra bħal MCYN, is-Segretarjat għall-Katekeżi, it-Taqsima Djakonija fil-Parroċċi u l-Kummissjoni Immigranti. Il-proċess għadu għaddej u ċerti proġetti għalissa jinsabu sospiżi minħabba s-sitwazzjoni tal-Covid-19.

Ħidma mid-Djakonija Unit fi ħdan il-Caritas, mal-parroċċi u entitajiet djoċesani tad-djakonija fil-komunità

Id-Djakonija Unit fi ħdan il-Caritas taħdem biex jikber il-koordinament u ssaħħaħ is-servizzi ta’ sostenn għad-djakonija fil-parroċċi. Dan tagħmlu flimkien ma’ bosta entitajiet oħra imma speċjalment mas-Segretarjat Djakonija, is-Segretarjat Parroċċi, il-Kulleġġ tal-Kappillani u l-Kummissjoni Migranti, St Jeanne Antide Foundation, Millenium Chapel, Institute Paolo Freire u s-Segretarjat Assistenza Soċjali, Fondazzjoni Sebħ (tim ta’ ħidma soċjali fil-komunitajiet tal-Ħamrun u l-Marsa). Bħalissa qed taħdem fuq għadd ta’ proġetti. Diversi parroċċi diġà bdew jerfgħu wkoll responsabbiltajiet ta’ koordinament f’din il-ħidma, fosthom il-parroċċi ta’ Marsaskala, il-Qawra u San Ġiljan li jirrappreżentaw ukoll ir-reġjuni tad-djoċesi. Flimkien dawn jaħdmu fuq għadd ta’ proġetti, fosthom:

  • Database komuni ta’ benefiċċjarji ta’ għajnuniet bażiċi (ikel, ħwejjeġ, bżonnijiet ta’ tindif)
  • Intrapriża soċjali li ssaħħaħ u tikkordina r-riżorsi u s-servizzi mogħtija fil-komunitajiet waqt li toħloq pjattaforma għall-ħidma volontarja, u fond ċentrali biex issostni d-djakonija fil-parroċċi. Din se tinkorpora: il-proġett Solidarity Kitchens id f’id mal-Fondazzjoni Alfred Mizzi, ħanut, u laundry fost l-oħrajn.
  • Servizz ta’ sostenn ta’ ħidma soċjali għall-kappillani
  • Servizz ta’ xiri ta’ ikel u ħwejjeġ tat-tindif li jitqassmu lin-nies fil-bżonn bl-ingrossa
  • Diskussjonijiet biex jitnieda servizz ta’ sostenn professjonali għad-dispożizzjoni tal-ħidma tad-djakonija fil-parroċċi

Dawn il-proġetti huma frott ta’ ħidma ta’ laqgħat regolari li saru ma’ kappillani, ħidmiet u inizjattivi tad-djakonija fil-parroċċi, u kummissjonijiet djakonija parrokkjali li bdew f’Marzu 2020. Hemm madwar 40 voluntier involut fil-proġetti fuq ħidma ta’ kull ġimgħa jew ġimagħtejn. It-Taqsima Djakonija qed tittama li tilħaq lis-70 parroċċa u l-bqija tal-entitajiet djoċesani.

Kull ġimagħtejn ssir laqgħa online li tlaqqa’ rappreżentanti mill-Fondazzjoni St Jeanne Antide, Millenium Chapel, Institute Paolo Freire, Segretarjat Assistenza Soċjali, Fondazzjoni Sebħ (tim ta’ ħidma soċjali fil-komunitajiet tal-Ħamrun u l-Marsa), il-Caritas Social work & Counselling Unit, u rappreżentanti tal-ħidma tad-djakonija tal-parroċċi ta’ San Ġiljan u Marsaskala. Matul il-laqgħat inħass li jingħata bidu għal dawn il-proġetti wara li ġew diskussi dawn l-ideat u bżonnijiet:

  • Aħna lkoll aħwa benefatturi u benefiċċjarji ta’ xulxin.
  • Anke jekk nista’ nagħti biss ftit, dak il-ftit huma l-muniti tax-xwejħa tal-parabbola, li l-Mulej jbierek u jkattar.
  • Għandna bżonn li naddattaw għall-possibbiltà li l-volontarjat naqas mal-knisja fir-realtà tad-dinja tal-lum.
  • Hemm bżonn naħdmu id f’id ma’ professjonijiet ġodda, u jkollna komunikazzjoni ma’ professjonijiet li naħdmu magħhom spalla ma’ spalla fil-ħidma tad-djakonija.
  • Ix-xewqa li l-ħidma tad-djakonija ma tibqax ta’ ftit nies fil-kummissjoni djakonija imma li ssir tassew parti interna ta’ kull nisrani – kulħadd bil-mod tiegħu – waqt li l-kummissjoni tkun realtà li tkun xprun u toffri sostenn, gwida u parir professjonali għad-diversi ħidmiet tad-djakonija fil-parroċċa.
  • Għandna barka fid-diversità u l-ammont ta’ ħidmiet organizzati li diġà jeżistu fi ħdan il-parroċċi u l-entitajiet djoċesani ta’ djakonija fil-komunità u tkun ħasra jekk dil-ħidma kollha ma tkunx msaħħa permezz ta’ koordinament, tisħiħ ta’ riżorsi, it-taħriġ u sostenn adegwat lill-kappillani u l-operaturi pastorali tad-djakonija.

Bħalissa t-Taqsima tad-Djakonija fil-Parroċċi tinsab fl-aħħar stadju li titnieda l-Kummissjoni Djoċesana Djakonija b’rappreżentanza tal-kummissjonijiet djakonija tal-parroċċi u l-Kulleġġ tal-Kappillani. Dan kollu qed iservi bħala bażi ta’ komunikazzjoni, koordinament u tisħiħ biex il-ħidma tkun tassew msejsa fuq dixxerniment u azzjoni komunitarja.

Il-proċess fil-Parroċċa ta’ Santa Venera

Il-Parroċċa Santa Venera bdiet il-proċess ta’ tiġdid ekkleżjali wara l-Assemblea Djoċesana tal-2019 bl-involviment tal-Kunsill Pastorali Parrokkjali u kummissjonijiet. Ix-xewqa tal-parroċċa hi li tkun komunità Nisranija mibnija fuq Ġesù li tgħix f’nofs il-poplu b’kulturi u ideat differenti.

Tqassam kwestjonarju f’kull dar fil-parroċċa fejn ingħatat l-opportunità biex il-parruċċani jaqsmu ħsibijiethom. It-tweġibiet ġew diskussi fil-laqgħat tal-Kunsill Pastorali Parrokkjali u Kummissjonijiet.

Il-parroċċa tinsab fil-proċess li tanalizza r-risposti u tara x’azzjoni konkreta se tieħu fuqhom u wara tippreżentahom lill-membri tal-parroċċa. Il-proċess ħa iktar fit-tul milli ppjanat minħabba l-pandemija.

Il-parroċċa qed tagħmel l-evalwazzjoni ta’ ħidmietha permezz tal-laqgħat tal-Kunsill Pastorali Parrokkjali.

Mixja flimkien minn entitajiet lajċi

Wara li bejn Jannar u Frar 2018,  numru ta’ lajċi  ħadu sehem f’kors ta’ żewġ laqgħat dwar id-dixxerniment  li tmexxa minn Prof. Edward Warrington, grupp ta’ parteċipanti ħassew il-ħtieġa li jitkompla dak li nbeda. Kien hemm ix-xewqa ta’ aktar tisħiħ fid-dixxerniment , ftuħ  għal xulxin u għar-realtajiet ta’ madwar, u rieda li jaraw l-Ispirtu t’Alla  fejn jixtieq imexxihom.

Il-grupp magħmul minn 12-il membru li jirrappreżentaw l-Istitut ta’ Formazzjoni Pastorali (PFI), il-FORUM tal-Għaqdiet u l-Movimenti, il-Malta Catholic Youth Network (MCYN), il-Komunitajiet ta’ Ħajja Nisranija (KĦN) , kif ukoll membru li mhix parti minn entità tal-Knisja.

Il-grupp s’issa organizza tliet laqgħat  li kienu immirati l-aktar għad-diriġenti u r-rappreżentanti tal-għaqdiet membri tal-FORUM.  Dawn huma mħeġġa jaqsmu l-esperjenza li jkunu għexu waqt il-laqgħat mal-membri kollha tal-għaqdiet tagħhom. Kien hemm  preżenti wkoll  lajċi oħrajn.  L-Isqof Joseph Galea-Curmi akkumpanja  l-mixja li saret f’dawn il-laqgħat:

  • Friegħi ta’ Siġra Ħajja (Settembru 2019 bit-tema ‘Sinodalità’)
  • L-istess Spirtu, Kariżmi Varji (Frar 2020)
  • Knisja Waħda, Vjaġġ Wieħed (Settembru 2020)

Il-proġett nibet  mix-xewqa tal-Fraternità Charles de Foucauld li jitħarrġu fid-dixxerniment bil-għajnuna tal-PFI. Il-grupp ma fassalx pjan fit-tul, iżda ħalla s-sinjali ta’ madwaru jinterpellawh. Għaraf il-ħtieġa li nies minn gruppi differenti joħorġu min-niċeċ tagħhom u jiskopru aħjar is-sejħat u l-kariżmi tagħhom u ta’ xulxin biex jinfetħu għal dak li Alla jkun qed jitlob minnhom. Il-grupp koordinattiv twessa’ u laqa’ fih nies minn għaqdiet differenti, waqt li ħadem biex, bejn il-membri irawwem sens ta’ għaqda  li għandha l-għajn tagħha fil-Komunjoni Trinitarja.
Il-grupp baqa’ dejjem miftuħ għas-sinjali li  jintebaħ  bihom. F’dinja ta’ firdiet, jagħraf bis-sħiħ is-sehem li jista’ jagħti bix-xhieda ta’ unità fid-diversità, ta’ responsabbiltà  u għarfien reċiproku dwar is-sejħa u l-missjoni ta’ xulxin.

Il-Kelma tal-Arċisqof  fl-Assemblea Djoċesana 2018, wasslet għal  għarfien ġdid dwar is-sinodalità fil-ħajja u l-missjoni tal-Knisja  u l-grupp ħass il-ħtieġa li  jidħol f’din id-dinamika. Fil-laqgħat li organizza dejjem ta spazju għall-kontemplazzjoni, li flimkien mad-dixxerniment, għandha post ċentrali fid-dokument ‘Knisja Waħda Vjaġġ Wieħed’.

L-evalwazzjoni li ssir wara kull attività tgħin fid-dixxerniment meħtieġ biex il-grupp jibqa’ miexi ’l quddiem skont dak li l-Ispirtu t’Alla jitlob minnu. Fost il-membri jinħass li kiber is-sens komunitarju, l-għarfien u l-apprezzament reċiproku tal-kariżmi tal-gruppi differenti, inkluż dawk tagħhom stess. Dan wassal għal aktar rispett fost il-gruppi u sens ta’ ftuħ biex il-membri  jesprimu ruħhom b’libertà akbar. B’hekk fil-grupp kiber is-sens ta’ Knisja li jimla lill-membri bit-tama u l-fiduċja, kwalitajiet tant meħtieġa f’dawn iż-żminijiet, biex inħarsu ’l quddiem għat-twettiq ta’ dan il-Vjaġġ.

Il-grupp issa jinsab fl-istadju li jidħol fil-proċess imniedi mid-dokument Knisja Waħda, Vjaġġ Wieħed. Irid li jkun miftuħ għal dak li jiġi propost biex hu jkun jista’ jagħti sehmu f’din il-mixja ta’  Knisja Waħda. Filwaqt li jgħin biex il-membri tal-għaqdiet u oħrajn ikomplu jagħmlu dan il-‘Vjaġġ Wieħed’, jixtieq ikompli jaħdem biex jissaħħu l-kapaċitajiet tal-membri tal-għaqdiet u lajċi oħra ħalli jintegraw l-attitudnijiet bażiċi tad-dokument (Knisja li tisma’, tilqa’, takkumpanja, toħroġ). Dan kollu fi djalogu u b’koordinament mal-Kummissjoni ‘Knisja Waħda, Vjaġġ Wieħed’.


Diskorsi li saru fil-laqgħat

Kontemplazzjoni fuq is-sinjal tat-tkattir tal-ħobż minn Edward Warrington

Is-Sinodalità mill-Isqof Joseph Galea-Curmi

Friegħi ta’ Siġra Ħajja – Konklużjoni minn Edward Warrington

Il‑Kariżmi fi ħdan il‑Knisja Komunjoni mill-Isqof Joseph Galea-Curmi

Bosta inizjattivi mill-Parroċċa ta’ Bormla biex tilħaq lil niesha

Il-Parroċċa ta’ Bormla minn dejjem ħadmet fuq Evanġelizzazzjoni u Djakonija. Bormla għandha diversi nies li huma fi bżonn ta’ affarijiet materjali, spiritwali u soċjali. Għalhekk dejjem rat kif il-Knisja ma tkunx imsakkra fis-sagristija iżda li toħroġ u tagħraf il-bżonnijiet tan-nies.

Fil-bidu tal-2017, il-parroċċa permezz ta’ dikussjonijiet fi ħdan il-Kunsill Pastorali Parrokkjali u Kummissjonijiet, ħadmet fuq dawn l-inizjattivi:

  • Żjara ta’ saċerdot qabel il-Magħmudija.
  • Laqgħa għall-koppji kollha (miżżewġin u mhumiex) kull xahar b’tema li tgħodd għall-koppji u wara jisserva l-ikel.
  • Kull nhar ta’ Ġimgħa filgħodu l-Uffiċċju Parrokkjali jiftaħ mill-Kummissjoni Djakonija għall-għajnuna. Jinżammu rekords professjonalment u jkun hemm preżenti wkoll social workers.
  • Żjajjar minn saċerdot qabel l-Ewwel Tqarbina u l-Griżma tal-Isqof.
  • Twaqqaf il-grupp ‘Esekuttiv’ li hu l-mutur tal-ħidma pastorali. Dan jiltaqa’ kull xahar u hu magħmul minn sitt persuni ġejjin minn diversi oqsma tal-parroċċa.
  • Bormla fiha ħafna flats. Twaqqaf il-grupp ‘Ġetsemani’ li jiltaqa’ kull nhar ta’ Ħamis. Kull xahrejn jagħżel blokka ta’ flats u jmur iwassal il-Kelma t’Alla għal erba’ Ħamisijiet wara xulxin. Dan il-proġett kien se jinbeda eżatt qabel ma bdiet il-pandemija.
  • Dan l-aħħar ħarġet bl-idea li titwaqqaf kummissjoni għall-media u ħajret tliet persuni biex jinvolvu ruħhom. It-tir hu la tkompli tikkalma l-pandemija jiltaqgħu.

Bl-inizjattivi msemmija l-parroċċa tittama li tilħaq numru tajjeb ta’ nies billi tmur għandhom hi peress li ħafna minnhom ma jmorrux il-knisja.