Author: Franica Pulis

DISCERN: Fehmiet fuq il-Kattoliċiżmu

DISCERN, l-istitut ta’ riċerka dwar is-sinjali taż-żminijiet, lesta l-proġett Fehmiet fuq il-Kattoliċiżmu. Ir-rappreżentazzjonijiet tal-Kattoliċiżmu f’Malta huma diversi u huma dinamiċi. Dal-proġett ta’ riċerka esplora r-rappreżentazzjonijiet, u l-lingwaġġ li jintuża, rigward il-Kattoliċiżmu f’Malta, qalb gruppi demografiċi differenti (abbażi ta’ ġeneru, età, edukazzjoni, u reġjuni). Il-parteċipanti ġew minn sfondi varji.

Dan il-proġett involva serje ta’ intervisti dettaljati. It-temi li ġew esplorati kienu jirrigwardaw il-fehmiet tan-nies fuq il-Kattoliċiżmu, xi tfisser li persuna tkun Kattolika, l-orjentament tal-persuni lejn prinċipji Kattoliċi, eċċ. L-intervisti ġew analizzati primarjament permezz ta’ analiżi tematika. L-analiżi ħarset lejn il-fehmiet, u l-lingwa li tintuża, vis-a-vis il-Kattoliċiżmu – jew aħjar, Kattoliċiżmi – li hawn preżenti f’Malta, flimkien mal-profili differenti ta’ Kattoliċiżmi.

Skont riċerka li għamel Discern, lokalment ma kienx hemm riċerka kontemporanja u komprensiva li tidħol fid-dettall f’dawn it-tip ta’ mistoqsijiet. Għalhekk, inħass il-bżonn li jiġu esplorati aħjar il-fehmiet tan-nies, minn kull faxxa tas-soċjetà. Barra minn hekk, hawn ħafna ilħna differenti fis-soċjetà li mhux dejjem jinstemgħu. Dal-proġett kien utli għal diversi entitajiet biex iwasslu l-messaġġ tagħhom aħjar; kemm jekk tkun entità li tgħaqqad grupp ta’ nies bħala ħbieb, kif ukoll jekk tindirizza kwistjonijiet soċjali sistemiċi bħall-ambjent u l-faqar.

Ir-rapport ta’ din ir-riċerka jista’ jinsab fis-sit tad-DISCERN (www.discern.mt).

Il-ħames edizzjoni tal-Bibbja ppublikata

L-Għaqda Biblika Maltija ppubblikat il-ħames edizzjoni tal-Bibbja bil-Malti riveduta skont l-aħħar studji mill-biblisti Maltin fis-60 anniversarju mit-twaqqif tagħha. Il-Bibbja għandha sservi ta’ gwida għall-formazzjoni ta’ kull Nisrani.

Din il-ħames edizzjoni ġiet stampata fi tliet formati differenti: edizzjoni standard (€38), edizzjoni kompatta (€30) u edizzjoni speċjali (€45). Dawn jistgħu jinxtraw mill-Kurja tal-Arċisqof, il-Furjana, mit-Tnejn sal-Ġimgħa bejn it-8am u t-3:30pm, bl-eċċezzjoni tal-Ħamis. L-edizzjoni standard u dik kompatta huma disponibbli wkoll mil-librara u distributuri ewlenin tal-kotba.  

Il-Bibbja bil‑Malti hija ukoll disponibbli fuq l‑app tal‑Bibbja popolari YouVersion għall‑iOS u Android. Agħfas hawn għal aktar dettalji.

Midd idek għall-Fqir mis-Segretarjat Djakonija

L-entitajiet fi ħdan is-Segretarjat Djakonija ħejjew ir-rapport Midd idek għall-Fqir wara li mexxew gruppi fokali (focus groups) biex jisimgħu l-opinjoni tal-persuni li jagħmlu użu mis-servizzi tal-Knisja. Il-gruppi fokali tmexxew fost persuni li kienu ġejjin mid-djar anzjani tal-Knisja, djar tat-tfal, nisa vittmi ta’ vjolenza domestika, nies bi problemi ta’ saħħa mentali, immigranti kif ukoll parroċċi.

Eseġeżi tar‑rakkont ta’ Għemmaws

Id-Dipartiment tal-Iskrittura fi ħdan il-Fakultà tat-Teoloġija ħejja studju dettaljat u fil-fond tar-rakkont ta’ Għemmaws biex il-pedament ta’ dak kollu li joħroġ minn dan it-test evanġeliku jitqiegħed fuq eseġeżi soda. L-eseġeżi nkitbet minn Rev. Dr Martin Micallef OFM Cap., Rev. Dr Paul Sciberras, u Rev. Dr Marcello Ghirlando OFM.

Biex tara l-eseġeżi agħfas hawn.

Ħidma mill-MCYN

Il-Malta Catholic Youth Network (MCYN) ilha li bdiet il-ħidma tagħha minn Ġunju tal-2020. F’Diċembru ppubblikat il-gwida mqassra għal mal-pastorali taż-żgħażagħ bil-Malti u bl-Ingliż u fi Frar li ġej se jibdew l-ewwel laqgħat biex jinbeda l-proċess tas-smigħ. Dawn se jsiru ma’ gruppi taż-żgħażagħ varji, movimenti u parroċċi biex jisimgħu liż-żgħażagħ dwar id-diversi passi mniżżla fil-proċess ekkleżjali.

L-idea prinċipali hi li jisimgħu lil xulxin u li permezz tat-talb jagħrfu dak li Alla qed isejħilhom għalih. Din l-idea ġiet għaliex hi x-xewqa tal-MCYN biex iż-żgħażagħ ikunu parti minn dal-proċess mal-Knisja sħiħa u għaliex ħafna drabi ż-żgħażagħ ma jħossuhomx mismugħa. Is-Sinodu tal-Isqfijiet tal-2018 enfasizza, kif dejjem enfasizza l-Papa Franġisku, l-importanza tas-sinodalità minn kull persuna fi ħdan il-Knisja. Peress li l-Knisja hi tagħna ż-żgħażagħ ukoll, il-MCYN xtaqet li kull żagħżugħ/a jkollhom ċans li jesprimu dak li hemm f’qalbhom u f’moħħhom li qed jgħidilhom Ġesù.

Wara l-ewwel pass tal-proċess tas-smigħ, li se jieħu kważi sena u nofs minħabba il-pandemija, se ssir evalwazzjoni ma’ xi żgħażagħ dwar x’passi konreti se jittieħdu kif iż-żgħażagħ flimkien u magħqudin mal-Knisja sħiħa jistgħu verament jimxu din il-mixja.

Il-MCYN tittama li bejn parroċċi u gruppi tilħaq mal-2,500-3,500 ruħ.

Il-Bibbja bil-Malti fuq l-app YouVersion

L‑Għaqda Biblika Maltija, li lestiet il‑ħames edizzjoni tat‑traduzzjoni tal‑Bibbja mil‑lingwi oriġinali għall‑Malti, ħadmet ukoll biex it‑test ikun parti mill-app tal-Bibbja popolari YouVersion għall-iOS u Android.

Bħala parti mis‑servizzi tagħha, YouVersion toffri mhux biss it‑traduzzjoni l‑iktar riċenti tal‑Għaqda Biblika Maltija, imma wkoll l‑opportunità ta’ talb kuljum mill‑Iskrittura, u riżorsi oħra għat‑tfal, żgħażagħ u kbar.

Il‑Bible App tal‑YouVersion, li tintuża fuq iktar minn 415 miljun smartphone, tablet u laptop, tista’ titniżżel b’xejn.

Niżżel il-Bible App issa

Ħidma tal-Kummissjoni Ġustizzja u Paċi

Wara li rat id-dokument tal-proċess ta’ tiġdid ekkleżjali, il-Kummissjoni Ġustizzja u Paċi bdiet numru ta’ kollaborazzjonijiet b’relazzjoni ma’ entitajiet oħra bħal MCYN, is-Segretarjat għall-Katekeżi, it-Taqsima Djakonija fil-Parroċċi u l-Kummissjoni Immigranti. Il-proċess għadu għaddej u ċerti proġetti għalissa jinsabu sospiżi minħabba s-sitwazzjoni tal-Covid-19.

Ħidma mid-Djakonija Unit fi ħdan il-Caritas, mal-parroċċi u entitajiet djoċesani tad-djakonija fil-komunità

Id-Djakonija Unit fi ħdan il-Caritas taħdem biex jikber il-koordinament u ssaħħaħ is-servizzi ta’ sostenn għad-djakonija fil-parroċċi. Dan tagħmlu flimkien ma’ bosta entitajiet oħra imma speċjalment mas-Segretarjat Djakonija, is-Segretarjat Parroċċi, il-Kulleġġ tal-Kappillani u l-Kummissjoni Migranti, St Jeanne Antide Foundation, Millenium Chapel, Institute Paolo Freire u s-Segretarjat Assistenza Soċjali, Fondazzjoni Sebħ (tim ta’ ħidma soċjali fil-komunitajiet tal-Ħamrun u l-Marsa). Bħalissa qed taħdem fuq għadd ta’ proġetti. Diversi parroċċi diġà bdew jerfgħu wkoll responsabbiltajiet ta’ koordinament f’din il-ħidma, fosthom il-parroċċi ta’ Marsaskala, il-Qawra u San Ġiljan li jirrappreżentaw ukoll ir-reġjuni tad-djoċesi. Flimkien dawn jaħdmu fuq għadd ta’ proġetti, fosthom:

  • Database komuni ta’ benefiċċjarji ta’ għajnuniet bażiċi (ikel, ħwejjeġ, bżonnijiet ta’ tindif)
  • Intrapriża soċjali li ssaħħaħ u tikkordina r-riżorsi u s-servizzi mogħtija fil-komunitajiet waqt li toħloq pjattaforma għall-ħidma volontarja, u fond ċentrali biex issostni d-djakonija fil-parroċċi. Din se tinkorpora: il-proġett Solidarity Kitchens id f’id mal-Fondazzjoni Alfred Mizzi, ħanut, u laundry fost l-oħrajn.
  • Servizz ta’ sostenn ta’ ħidma soċjali għall-kappillani
  • Servizz ta’ xiri ta’ ikel u ħwejjeġ tat-tindif li jitqassmu lin-nies fil-bżonn bl-ingrossa
  • Diskussjonijiet biex jitnieda servizz ta’ sostenn professjonali għad-dispożizzjoni tal-ħidma tad-djakonija fil-parroċċi

Dawn il-proġetti huma frott ta’ ħidma ta’ laqgħat regolari li saru ma’ kappillani, ħidmiet u inizjattivi tad-djakonija fil-parroċċi, u kummissjonijiet djakonija parrokkjali li bdew f’Marzu 2020. Hemm madwar 40 voluntier involut fil-proġetti fuq ħidma ta’ kull ġimgħa jew ġimagħtejn. It-Taqsima Djakonija qed tittama li tilħaq lis-70 parroċċa u l-bqija tal-entitajiet djoċesani.

Kull ġimagħtejn ssir laqgħa online li tlaqqa’ rappreżentanti mill-Fondazzjoni St Jeanne Antide, Millenium Chapel, Institute Paolo Freire, Segretarjat Assistenza Soċjali, Fondazzjoni Sebħ (tim ta’ ħidma soċjali fil-komunitajiet tal-Ħamrun u l-Marsa), il-Caritas Social work & Counselling Unit, u rappreżentanti tal-ħidma tad-djakonija tal-parroċċi ta’ San Ġiljan u Marsaskala. Matul il-laqgħat inħass li jingħata bidu għal dawn il-proġetti wara li ġew diskussi dawn l-ideat u bżonnijiet:

  • Aħna lkoll aħwa benefatturi u benefiċċjarji ta’ xulxin.
  • Anke jekk nista’ nagħti biss ftit, dak il-ftit huma l-muniti tax-xwejħa tal-parabbola, li l-Mulej jbierek u jkattar.
  • Għandna bżonn li naddattaw għall-possibbiltà li l-volontarjat naqas mal-knisja fir-realtà tad-dinja tal-lum.
  • Hemm bżonn naħdmu id f’id ma’ professjonijiet ġodda, u jkollna komunikazzjoni ma’ professjonijiet li naħdmu magħhom spalla ma’ spalla fil-ħidma tad-djakonija.
  • Ix-xewqa li l-ħidma tad-djakonija ma tibqax ta’ ftit nies fil-kummissjoni djakonija imma li ssir tassew parti interna ta’ kull nisrani – kulħadd bil-mod tiegħu – waqt li l-kummissjoni tkun realtà li tkun xprun u toffri sostenn, gwida u parir professjonali għad-diversi ħidmiet tad-djakonija fil-parroċċa.
  • Għandna barka fid-diversità u l-ammont ta’ ħidmiet organizzati li diġà jeżistu fi ħdan il-parroċċi u l-entitajiet djoċesani ta’ djakonija fil-komunità u tkun ħasra jekk dil-ħidma kollha ma tkunx msaħħa permezz ta’ koordinament, tisħiħ ta’ riżorsi, it-taħriġ u sostenn adegwat lill-kappillani u l-operaturi pastorali tad-djakonija.

Bħalissa t-Taqsima tad-Djakonija fil-Parroċċi tinsab fl-aħħar stadju li titnieda l-Kummissjoni Djoċesana Djakonija b’rappreżentanza tal-kummissjonijiet djakonija tal-parroċċi u l-Kulleġġ tal-Kappillani. Dan kollu qed iservi bħala bażi ta’ komunikazzjoni, koordinament u tisħiħ biex il-ħidma tkun tassew msejsa fuq dixxerniment u azzjoni komunitarja.

Bekids.mt: website ta’ formazzjoni kateketika għaż-żgħar

Bekids.mt inħolqot mis-Segretarjat għall-Katekeżi u Spiritual Development in Schools, bil-għajnuna mis-Segretarjat għall-Edukazzjoni Nisranija, il-Kummissjoni Djoċesana Tfal, is-Soċjetà Duttrina Nisranija, is-Segretarjat għall-Parroċċi u t-Technology Development Unit fl-Arċidjoċesi ta’ Malta, b’koordinament mill-Vigarjat għall-Evanġelizzazzjoni. Din tnediet f’Marzu tal-2020 fil-bidu tal-lockdown tal-pandemija tal-Covid-19. Minn dak iż-żmien kompliet toħloq kontenut kull ġimgħa bi tnedija ta’ website ġdida f’Awwissu 2020 u sħubija mal-Malta-CatholicBrain f’Ottubru 2020. B’kollox hemm madwar 30 persuna involuti fil-ħolqien u l-amministrazzjoni tal-website.

L-idea għall-website ġiet minħabba li waqt il-lockdown tal-pandemija nħass il-bżonn ta’ riflessjoni fuq il-formazzjoni Nisranija tat-tfal fil-Knisja domestika, fil-parroċċa u fl-iskejjel. U ttieħdet id-deċiżjoni li ssir xi ħaġa dwar formazzjoni Nisranija għat-tfal, f’realtà ta’ pandemija, li tibda mill-familja u li ssaħħaħ lill-istess familja.

L-għan tagħha hu li toffri formazzjoni kateketika komprensiva għat-tfal u għall-preadolexxenti u hi maħduma biex tgħin lill-ġenituri, lill-katekisti u lil dawk kollha responsabbli mill-formazzjoni fil-fidi taż-żgħar.

It-tama hi li Bekids.mt tkun l-ewwel pass fil-mogħdiija ta’ formazzjoni ta’ dak li jkun mill-bidu sa tmiem il-ħajja. Il-website kulma jmur dejjem qiegħda tikber grazzi għall-kontenut li qed toffri kif ukoll bin-nies kollha li qiegħda dejjem tkompli tipprova tilħaq.

Il-proċess fil-Parroċċa ta’ Santa Venera

Il-Parroċċa Santa Venera bdiet il-proċess ta’ tiġdid ekkleżjali wara l-Assemblea Djoċesana tal-2019 bl-involviment tal-Kunsill Pastorali Parrokkjali u kummissjonijiet. Ix-xewqa tal-parroċċa hi li tkun komunità Nisranija mibnija fuq Ġesù li tgħix f’nofs il-poplu b’kulturi u ideat differenti.

Tqassam kwestjonarju f’kull dar fil-parroċċa fejn ingħatat l-opportunità biex il-parruċċani jaqsmu ħsibijiethom. It-tweġibiet ġew diskussi fil-laqgħat tal-Kunsill Pastorali Parrokkjali u Kummissjonijiet.

Il-parroċċa tinsab fil-proċess li tanalizza r-risposti u tara x’azzjoni konkreta se tieħu fuqhom u wara tippreżentahom lill-membri tal-parroċċa. Il-proċess ħa iktar fit-tul milli ppjanat minħabba l-pandemija.

Il-parroċċa qed tagħmel l-evalwazzjoni ta’ ħidmietha permezz tal-laqgħat tal-Kunsill Pastorali Parrokkjali.